venerdì 27 novembre 2020

Ċelest u roża

 

Minbarra li huma l-ismijiet ta’ raġel u mara, Ċelest u Roża huma wkoll żewġ ilwien li konna, u forsi għadna wkoll, nassaċċjawhom mas-subien u l-bniet. “Ċelest tal-boys u roża tal-girls” kienu jgħidulna. Anke l-uniformijiet tal-iskola fi ċkuniti kienu marbutin ma’ dawn il-kuluri; il-bniet bi blouse roża u dublett blu u aħna bi qmis ċelesta, qalziet u ngravata blu. Irridu niftakru li fl-iskejjel dak iż-żmien kienu jifirduna, bniet għalihom u subien għalihom, l-ewwel sentejn tal-primarja nkunu flimkien u ma nerġgħux niltaqgħu qabel is-sixth form, min jagħmilha! Kienet dinja oħra li llum bosta minna nħossu nostalġija għaliha.

F’żgħożiti l-affarijiet bdew jinbidlu. Kienet daħlet il-moda li r-roża jintlibes anke mill-ġuvintur. Biex ngħidu d-dritt, il-lewn roża jaqta’ ħafna mal-ġriż. Konna bdejna naraw żgħażagħ lebsin xi qmis roża taħt gakketta jew ġlekk iswed jew ġriż. Bdew jidħru anke kalzetti roża minkejja li kien hawn min kien iħares xi ftit b’inċertezza dwar dawk l-irġiel li kienu jitfgħu fuqhom xi biċċa lbies roża. Kollox jindara u kollox jinbidel. Kienet ħajja oħra. Mill-banda l-oħra t-tfajliet qatt ma kellhom problema biex jilbsu xi lbies li jkun fih il-lewn ċelest. Għalihom minn dejjem kienet ħaġa normali li jxiddu ħwejjeġ ċelesti. Għandek tgħid aħna l-bnedmin kemm għandna ħmerijiet, anke fuq kulur ta’ lbies nafu ninfirdu!

Dawn iż-żewġ kuluri ma humiex biss marbutim mal-bniet u s-subien. Araw  naqra x’ġie f’moħħi dal-lejl u qomt niktbu.

Il-belt ir-roża

Fl-Indja, sewwasew fir-Rajasthan insibu belt jisimha Jaipur. Din hija magħrufa ħafna għax hija l-kapitali tal-istat ta’ Rajasthan u hija l-akbar belt f’dan l-istat tas-subkontinenet Indjan. Parti minn din il-belt hija magħrufa bħala l-belt ir-roża minħabba li l-bini fiha huma magħmul minn ġebel. Din il-parti hija magħluqa bis-swar u ġewwa dawn is-swar ma tara xejn ħlief bini roża. Biex tinżamm din il-karatteristika hemm liġi li tipprojbixxi li l-ħitan tad-djar u l-bini kollu ta’ din iż-żona jinżebgħu b’xi kulur ieħor.

Kollox beda taħt il-Maharaja Sawai Ram Singh. FL-1876 ir-raġel tal-Reġina Vittorja, il-Prinċep Albert kien sejjer iżur l-Indja. Il-Maharaja, jew is-sultan, Ram Singh xtaq li meta dan il-prinċep iżur ir-Rajasthan jibqa’ jiftakar iż-żjara tiegħu. Għalhekk ordna li l-parti tal-belt ta’ Jaipur fi ħdan l-iswar tiġi miżbugħha kollha kemm hu lewn il-fuħħar, kulur it-terrakotta li nistgħu ngħidu li hu roża. Storikament fl-Indja dan il-lewn ifisser sinjal ta’ merħba. Dan il-kulur inzerta wkoll il-kulur favorit ta’ waħda minn nisa tal-Maharaja, anzi tal-aktar mara favorita tiegħu. Din insistiet ma’ żewġha li għandu jgħaddi liġi li f’dik il-parti tal-belt il-bini għandu jkun kollu tal-istess lewn, roża. Ir-raġel ma kisirx ix-xewqa ta’ qalb il-maħbuba tiegħu u għadda l-liġi, li għadha teżisti u tinżamm sal-lum, aktar minn mija u erbgħin sena wara. Din il-belt kienet iddikjarata bħala wirt tal-umanità mill-Unesco fl-2019.

Il-belt ċelesta

Fil-Marokk insibu l-belt ta’ Chefchaouen li hija magħrufa bħala l-belt il-blu. Sewwasew il-lewn li jispikka f’din il-belt mhux blu imma ċelest. Din il-belt jingħad li twaqqfet minn wieħed mid-dixxendenti tal-Profeta Mohammed. Inbniet bħala fortizza biex tilqa’ kontra l-ħbit tal-Portuġiżi. Meta wieħed jimxi fil-Medina ta’ din il-belt turistika bla ma jrid jinduna bil-bosta sfumaturi ta’ ċelest li jara l-ħitan miżbugħin bih. Hemm aktar minn teorija waħda għal din il-ħaġa. Hemm min jgħid li l-ħitan jinżebgħu ikal ċar għax dan il-lulur ibiegħed in-nemus. Ma nafx kemm hi vera din it-teorija. Xi wħud oħrajn isostnu li l-ħitan bdew jinżebgħu ċelesti fi żmien it-tieni gwerra dinjija, mil-Lhud li ħarbu mill-qilla tan-Nażisti u Hitler u sabu kenn hemmhekk. Billi ċ-ċelest huwa lewn is-sema, u allura anke l-ġenna, il-Lhud bdew jiżbgħu l-ħitan ta’ djarhom b’dan il-kulur biex jiftakru li ħarbu mill-mewt tal-gwerra u sabu l-ġenna hemmhekk. Oħrajn isostnu li din id-drawwa bdiet fis-snin sebgħin tas-seklu li għadda sempliċiment biex tattira t-turisti lejn il-belt. Biex ngħidu d-dritt din hija ħaġa karatteristika tal-belt imma hemm ħafna aktar x’jiġbed lit-turist lejn Chefchaouen, fosthom il-ħafna ħwejjeġ artiġjanali li ssib tixtri mis-suq, jew aħjar mit-toroq kollha tal-Medina. Ħaġa oħra li forsi tattira t-turisti hija li hawnhekk l-użu tal-ħaxixa (Kannabis) mhux illegali anzi hawnhekk insibu l-akbar produtturi tagħha.

Roża u ċelest. Kienu marbutin mat-tfal subien u bniet, imma hemm ħafna x’wieħed jgħid dwar dawn l-ilwien. Ir-roża: assoċjat mal-femminil, mal-karezzi, mas-sbuħija u l-qalb ħanina. Iċ-ċelest: assoċċjat mal-maskil, mas-sema bnazzi, mas-sliem. Żewġ kuluri ċari imma li nistgħu nsibu fihom aktar minn sinifikat wieħed. L-istejjer tal-ibliet li semmet illum juruna biċ-ċar dan li qed ngħid.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Novembru 2020




Nessun commento:

Posta un commento