Boqxiex |
Fost il-ħafna għodda tal-mastrudaxxa konna nsibu il-boqxiex, forma ta’ ċana
b’ żewġ pumi fil-ġnub li kien jintuża biex jillixxa xi njama fit-tond. Kien
jintuża ħafna minn dak li kien jagħmel ir-roti tal-karettuni. U biex ngħidu
d-dritt, illum min għadu jordna xi karettun? Mhux bilfors jgħib bil-mastrudaxxa
u miegħu tgħib l-għodda li kien jaħdem biha?
Boqxiex ieħor
Iżda l-kelma boqxiex nużawha għal aktar minn oġġett wieħed. Nużawha
għall-għodda u nużawha wkoll għall-flus. Il-flus ġieli smajna min isejħilhom
boqxiex. Min jaf kif originat din il-ħaġa? Forsi minħabba l-ammont ta’ ċana li
kien jagħmel il-boqxiex meta jkun użat, li xi ħadd kien jimmaġina dik iċ-ċana bħala
karti tal-liri? Ma nafx!
Flus
X’ taqbad tikteb dwar il-flus? Il-problema mhux għax ma hemmx x’ tikteb
imma li hemm bosta x’wieħed jikteb dwarhom. Hemm bosta proverbi relatati
mal-flus: bla flus la tgħannaq u lanqas tbus, bil-flus tista’ tagħmel triq
fil-baħar, il-flus huma l-għerq ta’ kull ħażen. Jekk bniedem ikun tat-tajjeb
ngħidu li għandu flus kemm jesa’ ġildu imma ngħidu wkoll li l-flus imorru u
jiġu.
Dan l-aħħar rajt kitba li tassew laqtitni. Din tirrigwarda l-flus u l-ħajja
tagħna. Xi tgħid din il-kitba? Ħwejjeġ sempliċi li bil-ħajja mgħaġġla li ngħixu
jaħarbulna.
Bil-flus tista’ tixtri dar
imma mhux familja
Tassew li dar tinxtara bil-flus, imma x’jiswa li jkollok dar bla familja?
Dar hija tal-ġebel, familja hija tad-demm u l-laħam. L-Ingliżi jiddistingwu
minn house għal home, waħda tal-ġebel l-oħra hija l-bejta tal-familja.
Bil-flus tista’ tixtri
arloġġ imma mhux il-ħin
Time is money jgħidu l-Ingliżi. Bil-flus ma tixtrix kollox, il-ħin ma
jinxtarax, ma tistax twaqqfu, ma tistax tgħidlu jistenna. Tagħmel x’tagħmel
il-ħin jibqa’ għaddej u ma kull tektika tal-arloġġ li nkunu xtrajna bil-flus,
niftakru li huwa pass inqas mill-mixja tagħna f’din id-dinja.
Bil-flus tista’ tixtri l-kotba iżda mhux l-għerf
Tassew li l-għerf jiġi mil-qari u mill-istudju, biss jekk ikollok librerija
mimlija u tkun hemm sempliċiment biex timla l-ixkafef ma jkunu jiswew għal
xejn. Socrate kien jgħid li l-kitba hija bħall-pittura, tkellimha u ma
twieġbekx. Kien għalhekk li dan il-filosfu kbir qatt ma kiteb xejn u dejjem
għallem b’mod orali. Biss imagħad imnalla kitbu dawk ta’ warajh dak li għallem
hu għax kieku konna nitilfu t-tagħlim tiegħu kollu.
Bil-flus tħallas lit-tabib
imma ma tixtrix is-saħħa
Ma hemmx ħtieġa ta’ bosta kliem biex nifhmu din il-frażi, bil-flus tixtri
bosta affarijiet imma s-saħħa bħall-ħin, ma tinxtarax.
Bil-flus tista’ tixtri
d-demm imma mhux il-ħajja
Din il-frażi hija simili għal dik ta’ qabilha. Kien hemm żmien li t-tobba kienu
jemmu li l-ħajja tal-bniedem hija fid-demm. Ix-xjenza wriet li dan il-ħsieb
kien żbaljat. Id-demm importanti imma jista’ jinbidel, biss il-ħajja hija waħda
u la tispiċċa tkun spiċċat għal kollox.
Bil-flus tista’ tixtri
s-sess imma mhux l-imħabba
Is-sess bħala tpartit mal-flus hija purament prostituzzjoni. Il-prostituzzjoni
hija att sesswali għall-flus fejn l-imħabba ma tidħol fl-ebda parti tal-att.
Allura att bħal dan huwa att artifiċjali għax is-sess għandu jkun frott tal-imħabba. Tonqos l-imħabba
mill-att u jispiċċa biss att ta’ qliegħ ta’ flus u xejn aktar.
Bil-flus tista’ tixtri
l-ward imma mhux ir-rebbiegħa
Minkejja li bil-flus tista’ tirranġa u tixtri ħwejjeġ li bla flus lanqas
biss timmaġina, xorta dawn jistgħu jkunu artifiċjali. Bħal fil-każ tal-fjuri,
tista tixtri ward meta trid biss ma jfissirx li tkun ir-rebbiegħa, il-ward
jikber fis-serra s-sena kollha, ir-rebbiegħa terġa’ tiġi wara li jgħaddu t-tliet staġuni l-oħra.
Bil-flus tista’ tixtri li
trid imma mhux l-hena
Diġà rajna li mhux tassew tista’ tixtri li trid. Kulħadd irid ikollu aktar
ħin, kulħadd jixtieq ikun b’saħħtu iżda dawn il-ħwejjeġ ma jinxtrawx fil-flus.
U ma dawn hemm ukoll l-hena tal-bniedem. Mhux il-flus jagħmlu l-bniedem kuntent
imma l-paċi inter ta’ dak li jkun. L-hena tista’ tinkiseb bla ma tħallas sold
għaliha. Biżżejjed kumpanija tajba.
Boqxiex! Kemm ħsibijiet minn daqxejn ta’ kelma! Minn biċċa għoda
tal-mastrudaxxa spiċċajna nduru dawra magħna nfusna u ma ħajjitna!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Novembru 2020
Nessun commento:
Posta un commento