Ix-xahar ta’ Novembru fil-Knisja Kattolika huwa assoċjat mal-persuni li ma
għadhomx magħna, mal-mejtin. Matul dan ix-xahar tara aktar attività
fiċ-ċimiterji tagħna, bosta jmorru jżuru lill-qraba tagħhom midfunin u jżejnu
l-oqbra fil-fjuri u jixgħelu x-xemgħat. Tiskanta kif kollox għandu ħinu waqtu
anke post fejn normalment norbtuh man-niket u l-firda! Fuq kollox tiskanta kemm
hemm kurżitajiet dwar dawn il-postijiet għeżież għalina għax ifakkruna f’dawk
li telqu mid-dinja qabilna.
Nekropoli u ċimiterju
Sa qabel iż-żmien tal-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien
jissejjaħ Nekropoli. Forsi tgħidu x’differenza jagħmel isem? Iżda dalwaqt
sejrin naraw. Il-kelma “Nekropli” ġejja minn żewġ kelmiet Griegi; nekros
li tfisser mejjet u polis li tfisser belt. Mela Nekropoli tfisser
il-belt tal-mejtin. Billi l-Insara daħħlu l-idea li l-mewt hija sempliċiment
stat fejn isseħħ bidla, u għalhekk ma hijiex it-tmiem ta’ kollox, inbidel ukoll
l-isem tal-post tad-dfin. Il-kelma “Ċimiterju! Wkoll ġejja mill-Grieg; koimeterion li tfisser post fejn
wieħed jistrieħ u minn dan in-nom joħroġ il-verb koiman li jfisser
traqqad, għalhekk dan il-post ma baqax aktar il-belt tal-mejtin imma sar
il-post tal-mistrieħ, dormitorju fejn dawk li temmew il-vjaġġ tal-ħajja jitpoġġew
biex jistrieħu. Bil-Latin din il-kelma saret coemeterium li minnha ħarġu
l-ismijiet ta’ dan il-post f’għadd ta’ ilsna oħra fosthom il-Malti.
Ftit storja
Id-dfin mhux minn dejjem kein isir kif naruh illum. Dawk li kienu għonja
kienu jibnu xi post għalihom li jissejjaħ Mawsolew. Il-bniedem komuni kien
jindifen f’xi post il barra mill-belt. L-ewwel Insara bdew jidfnu lill-mejtin
fil-katakombi. Aħna l-Maltin nistgħu ngħidu li wara Ruma għandna l-akbar
eżempji ta’ dawn iċ-ċimiterji ta’ taħt l-art. Aktar tard id-dfin beda jsir
fil-knejjes iżda għal raġunijiet sanitarji dan twaqqaf. Anke fil-mewt tidħol
il-klassi. L-għonja, in-nobbli u l-benestanti kien ikollhom qabar f’xi knisja
prominenti u fuq il-qabar kienet titpoġġa lapida ta’ rħam b’disinn mill-isbaħ.
Qabar fejn qabar, l-art tal-knisja kienet timtela b’lapidi waħda isbaħ
mill-oħra biex flimkien jgħattu ċ-ċangatura kollha tal-art. Eżempji ta’ din
il-ħaġa narawha fil-Katidral tal-Imdina u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann
fil-Belt Valletta li hawn min iqis l-art tiegħu bħala l-isbaħ art ta’ knisja
fid-dinja.
Sa żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża l-membri tas-soċjetà għolja kien ikollhom post distint fejn jindifnu filwaqt li l-kumplament kienu jindifnu f’oqbra komuni. Dan kien isir kullimkien għajr f’Palermo fi Sqallija. Hemmhekk kien hemm iċ-ċimiterju ta’ Sant Ursula, mibni fl-1783 fuq xewqa tal-Viċire Domenico Carrocciolo, li fih kien jista’ jindifen kulħadd, fqir jew sinjur. Sa dak iż-żmien kienu jeżistu postijiet ta’ dfin komuni f’każi ta’ xi epidemija bħall-kolera jew mard infettiv ieħor. Fil-fatt dan il-post kien jissejjaħ “Infetti” jiġifieri l-post fejn jindifnu l-infettati. Birkirkara kien hemm post minn dawn li llum ma għadux jintuża għad-dfin u Ħal Qormi l-infetti nbidel f’ċimiterju bħalma nbidlu bosta nfettijiet oħra. Ċimiterju minn dawn li għadu popolari huwa dak magħruf bħala ta’ Wied Għammieq, in-naħa ta’ Rinella, il-Kalkara.
Napuljun Bonaparti
Kien fl-1804 li Napuljun Bonaparti ħareġ dak li jissejjaħ l-Editt ta’ Saint
Cloud. Jissejjaħ hekk mhux għall-qaddis iżda għall-post li fih kien maħruġ
l-editt, post fi Franza li jismu Saint Cloud. Dan l-editt kien jobbliga li
d-dfin għandu jsir f’ċimiterji li jkollu l-oqbra kollha xorta għax il-mewt hija
l-istess għal kulħadd, iżda n-nobbli setgħu jkollhom lapida fuq qabarhom. Kien
hemm kumitat li kien irid japprova x’jinkiteb fuq il-lapida, jiġifieri ħadd ma
seta’ jagħmel li jrid. L-ugwaljanza li kienet waħda mill-pilastri
tar-Revoluzzjoni Franċiża daħlet ukoll fost il-mejtin.
F’Malta
Iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata, li nsibu bejn Raħal Ġdid,
il-Marsa u Santa Luċija huwa ċ-ċimiterju nazzjonali ta’ pajjiżna. Dan beda
jinbena fl- 1862, iżda dan il-post kien jintuża għad-dfin sa minn żminijiet
preistoriċi. L-ewwel difna fih saret fl-1872. Minkejja li fih eluf ta’ oqbra, xorta
ma huwiex kbir biżżejjed. Fil-fatt bħalissa qed jitkabbar u ser jiżdiedu fih
eluf ta’ oqbra.
Huma bosta dawk l-irħula li l-parroċċi tagħhom għandha ċ-ċimiterju tagħha.
Ħaġa li tgħaġġibni hija li fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima Tal-Pietà, hemm
żewġ ċimiterji imma ma hemm lanqas qabar wieħed li jappartjeni lill-parroċċa.
Dan għall-fatt li dawn huma ċimiterji Militari, bħal dawk li nsibu fl-Imtarfa u
l-Kalkara. Sitwazzjoni li tixxiebaħ insibuha fil-Kalkara.
Malta għandha wkoll iċ-ċimiterju msejjaħ tat-Torok, fil-Marsa, li huwa binja mill-isbaħ. Dan ukoll huwa ċimiterju militari li nbena flok ċimiterju eqdem, li dejjem kien iservi għad-dfin tal-Musulmani. Illum qrib il-moskea ta’ Kordin insibu ċimiterju għall-Musulmani u għalhekk dan ma għadux jintuża.
Il-mewt, id-dfin u ċ-ċimiterji żgur ma humiex xi ħaġa sabiħa li titkellem
dwarhom, iżda tiskanta kemm hemm ħwejjeġ interessanti dwarhom li forsi ftit
jafuhom.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Novembru 2020
Nessun commento:
Posta un commento