venerdì 30 ottobre 2020

Viterbo - Belt antika bi storja kbira

 

Dan l-aħħar ftit li xejn għadna nitkellmu jew naħsbu dwar xi safra li nkunu qed nippjanaw. Il-pandemija li għaddejjin minnha bħalissa ftit li xejn ħalliet fina ħajra biex nitilqu ’l barra minn pajjiżna minkejja li l-port u l-ajruport huma miftuħin. Ir-restrizzjonijet iżommuna, iżda żgur ma jistgħux iwaqqfuna milli nimmaġinaw, milli naħsbu u milli nippjanaw għal xi safra ladarba l-imxija tal-Covid19 tkun ħaġa tal-imgħoddi.

Il-katidral u l-palazz papali
Illum nixtieq inqanqal fikom il-ħajra għal żjara f’belt li ftit li xejn nafu dwarha biss hija interessanti ħafna u ta’ min wieħed iżurha. F’moħħi għandi li noħodkom miegħi sa Viterbo, belt fir-reġjun ta’ Lazio, madwar tmenin kilometru ’l fuq minn Ruma. Jekk wieħed ikun fil-kapitali Taljana, jista’ jmur bil-karozza jew jekk ma jkunx kera waħda jista’ jmur bil-ferrovija. Il-prezz tal-ferrovija huwa baxx għax bi tnax-il ewro tmur u tiġi imma huwa vjaġġ daqsxejn twil li jieħu madwar sagħtejn. Hu x’inhu, Viterbo hija belt li mhux ta’ min ma jżurhiex jekk ikun Ruma.

Ftit storja

Viterbo hija belt antika ħafna. Isimha aktarx ġej mil-Latin, Vetus Urbs li tifsser belt qadima. Fil-fatt din il-belt tista’ tiftaħar li fiha traċċi taż-żmien neolitiku. Fi żmien l-Etruski aktarx li kienet bażi mill-aktar qawwija ta’ dan il-poplu. Ir-Rumani wkoll ħadu din il-belt f’idejhom u hemmhekk waqqfu bażi militari bl-isem Castrum Herculis. Dan l-isem ingħata għall-fatt li fil-qrib kien hemm tempju ddedikat lil alla Ercole. Sal-lum fuq l-arma ta’ Viterbo għadna naraw iljun. Dan is-simbolu ilu ġej minn dawk iż-żminijiet. Billi Ercole kien jingħad li kellu saħħa kbira, jew aħjar saħħa ta’ ljun, din il-belt żammet dan l-annimmal b’saħħtu fuq l-arma tagħha.

Fil-bidu tat-tieni millenju Viterbo kienet imdawra bis-swar u għalhekk fiha bdew jinbnew palazzi u djar ta’ bosta nies nobbli. Il-preżenza ta’ dawn il-familji nobbli wasslu wkoll għal bosta tilwim, biex ma nsejħulhomx battalji jew gwerer. Għal madwar 24 sena din il-belt kienet il-belt li fiha jgħix il-Papa. Matul dawn is-snin il-belt laħqet l-isplendur massimu tagħha. Ma jistax jonqos ladarba l-kap tal-Knisja Kattolika kien jgħix hemmhekk, il-belt kienet tilqa’ fiha dinjitarji diversi u għalhekk kien meħtieġ ikollha postijiet adattati għal dawn l-iskop.

Mat-tmien tar-residenza papali, Viterbo bdiet titlef mill-importanza tagħha imma mhux minn sbuħitha. Il-Franċiżi attakkaw u ħakmu din il-belt iżda nħelset mir-Re Ferdinanadu IV ta’ Napli meta dan ħa taħt idejh Ruma. Rat bosta taqlib fi żmien l-unifikazzjoni tal-Italja. Fit-tieni gwerra dinjija Viterbo kienet maħkuma mill-Ġermaniżi fl-1943.

Papa f’Viterbo

Diġà semmejt li Viterbo kienet tospita lill-papa għal kważi 24 sena. Kienu tmien papiet li mexxew il-Knisja minn din il-Belt. Kien il-Papa Alessandu IV li mar jgħix fil-palazz papali ta’ Viterbo. Dan il-papa miet fl-1261. Dik is-sena stess intgħażel biex imexxi d-dgħajsa ta’ Pietru Urbanu IV. Il-kurja Rumana ħalliet għal ftit Viterbo u reġgħet bdiet taħdem minn Ruma,  iżda ftit xhur wara kulħadd reġa’ lura lejn Viterbio. Fis-sena 1265 beda jmexxi l-Knisja l-Papa Klement IV. Kien dan il-papa li ħa ħsieb li jinbena l-palazz papali ta’ Viterbo li għadna naraw illum. Dan il-papa miet fl-1268. Bħalma jsir wara kull mewt ta’ papa, inġabru l-kardinali biex jeleġġu suċċessur. Hawn beda dak li baqa’ magħruf bħala l-itwal konklavi fl-istorja tal-Knisja Kattolika. Il-konklavi kien beda fit-28 ta’ Novembru 1268 u ntemm fis-27 ta’ Marzu tas-sena 1272. Tul dawn is-snin ta’ konklavi kien hemm xi kardinali li mietu waqt li kien għaddej. Intant fl-aħħar intgħażel il-Papa Gregorju X. Il-papi li baqgħu jmexxu minn Viterbo kienu Innoċenz V li mexxa għal madwar sitt xhur fl-1276, Adrijanu V li mexxa għal ftit aktar minn xahar fis-sena 1276 ukoll, Ġwanni XXI, kien papa għal tmien xhur. Il-Papa Nikol III kien elett fil-konklavi li sar f’Viterbo fl-1277 u kien il-Papa li temm it-tmexxija tal-papa minn din il-belt.

Ta’ min iżur

Bħalma tistgħu taħsbu din hija belt b’rabta diretta mat-tmexxija tal-Knisja u għalhekk wieħed isib bosta postijiet li jista’ jżur. Bla dubju wieħed ma għandux jitlef li jżur il-palazz papali, li jinsab sewwasew ħdejn il-katidral tal-belt, iddedikat lil San Lawrenz. Waħda mill-eqdem knejjes fil-belt hija dik li tissejjaħ Santa Maria Nuova. F’din il-knisja wieħed jista’ jara għadd ta’ pitturi fosthom trittiku antik ħafna. Il-knisja ta’ San Silvestru wkoll hija antika ħafna u tissemma minn Dante fid-Divina Commedia. Wieħed jimxi u jitpaxxa bil-ġmiel u bl-istorja.

Ladarba tkun hemm u l-istonku jibda jurik li wasal il-ħin biex timlih, tista’ żżur wieħed mir-ristoranti li joffru paltti tipiċi bħal soppa msejħa Acquacotta jew il-Coregone, kif ukoll idduq il-ħobż bnin li jagħmlu l-furnara tal-belt.

Viterbo tinsab qrib Ruma imma  għandha ruħ u qalb differenti għal kollox.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Ottubru 2020



Nessun commento:

Posta un commento