Dan l-aħħar qrajt artiklu fuq
ġurnal lokali (TOM 21/9/20) li jkolli nistqarr tkexkixt bih u ġabni f’sensija dwar ċerti realtajiet tal-ħajja li qegħdin
ngħixu magħhom u forsi ftit li xejn ninnutawhom. Qed nirreferi għar-riżulat ta’
stħarriġ li wettqet l-Università ta’ Malta bħala parti minn studju
internazzjonali dwar il-benessere tat-tfal. Dan l-istħarriġ ħareġ fiċ-ċar li hemm
persentaġġ ta’ tfal Maltin ma humiex kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu. Minbarra
dan hemm ukoll persentaġġ ta’ tfal li qegħdin jgħixu f’riskju ta’ faqar.
Tkexkixt għax rajt li dawk li
suppost qegħdin fl-isbaħ żmien ta’ ħajjithom diġà ġew wiċċ imb wiċċ ma’ ħajja
iebsa jew tqila wisq għalihom u d-dwejjaq saru jafu xi jfisser minn ċkunithom.
Huma u aħna
Tajjeb naraw ftit id-differenzi
bejn il-ħajja li għexna aħna madwar erbgħin jew ħamsin sena ilu u l-ħajja li
qed jgħixu wliedna. Aħna ma kellniex il-lussu li għandhom it-tfal tal-lum imma
kellna dak kollu li konna neħtieġu, kemm id-dar kif ukoll l-iskola, ma konniex
infittxu ħwejjeġ tad-ditta għax sħabna għandhom ħwejjeġ jiswew ħafna flus, imma
dejjem ilbisna tajjeb. Ommijietna kienu l-ħajjata tagħna, kienu jaħdmulna
il-flokkijiet tas-suf għax-xitwa u jħitulna l-qomos għas-sajf. Ma kellniex
marki tad-ditti fuq ħwejjiġna imma dejjem kellna t-tbissima fuq fommna. Ħadd ma
kien jara lil ħaddieħor inqas minnu għax konna lkoll xorta.
Aħna ma kellniex tablets jew
mobiles biex nilgħabu bihom iżda kellna l-ftuħ tal-kampanja qrib djarna. Hemmhekk
konna ngħaddu s-sigħat niġġerraw u nilgħabu flimkien. Illum uliedna fil-ħin
ħieles tagħhom jiltaqgħu flimkien permezz tal-media soċjali. Għal dawn it-tfal saret
ħajja diġitali, surreali u artifiċjali. Nemmen li hawn tfal Maltin li qatt ma
lagħbu cat jew noli jew ħarba. Illum il-logħob tat-tfal ma għadux bil-boċċi,
bil-karozzi ċkejnin mudelli perfetti tal-karozzi vera u bis-suldati tal-plastik
għas-subien jew bil-lasktu, biż-żibeġ jew bil-pupi u l-push chair għall-bniet.
Logħob it-tfal sar quddiem xi televiżjoni b’xi apparat imwaħħal miegħu.
Fadal fejn?
Kemm-il darba lagħbna partita futbol
fit-triq? Erba’ ġebliet iservu ta’ lasti u ejja ħa mmorru. L-asfalt tat-triq
kien iservi tajjeb ħafna biex fuqu b’ġebla npinġu disa’ kaxxi biex nilgħabu
l-passju. Naqta’ rasi li hawn tfal Maltin li qatt ma lagħbu dan il-logħob. U biex
ngħidu d-dritt, illum lanqas fadal fejn jilgħabuh. Pajjiżna sar blokka konkos. Insibu
rħula fejn lanqas ġnien pubbliku ma jeżisti, fejn it-toroq tant huma traffikużi
li bilkemm tista’ timxi fihom aħseb u ara tilgħab il-passju jew xi logħba
futbol! Fadal fejn jilgħabu barra mid-djar it-tfal tal-lum?
Barra milli ma fadalx fejn,
lanqas fadal dik is-sigurtà li kien hawn f’pajjiżna fi żmien ċkunitna. Għalhekk
lanqas nagħti tort lill-ġenituri li ma jħallux lil uliedhom joħorġu mid-dar.
Għaqdiet
Fi ċkunitna konna ngħaddu ħafna
mill-ħin ħieles f’xi għaqda reliġjuża. Il-Museum u l-Azzjoni Kattolika u wara
l-adolexxenza, iż-Żgħażagħ Ħaddiem Nsara jew f’xi youth centre. Illum il-ħin
ħieles tat-tfal ġie okkupat mill-kbar. Tfal jittieħdu jitgħallmu jiżfnu jew
ikantaw jew jagħmlu xi attività oħra skont ix-xewqa tal-ġenituri.
L-għaqdiet li konna nattendu aħna
kienu jħallulna spazju għall-fantasija ta’ moħħna. Hike mal-membri l-oħra
tal-għaqda li nattendu , l-Ħadd waranofsinhar kienet tkun l-isbaħ ħarġa u
tagħtina enerġija biex l-għada filgħodu nerġgħu nbdew ġimgħa oħra ta’ skola.
Illum donnhom sparixxew il-hikes!
Finanzi
Il-ħajja li poġġejna lil uliedna
fiha titlob bosta spejjeż. Kull attività trid tħallas għaliha mhux bħal-logħob
barra, mhux bħall-hike mas-superjur tal-Museum! Kull fejn tmiss trid iddaħħal
idek fil-but. Tassew li l-istandard of living f’pajjiżna għola għax għandna
aktar flus fil-but, imma l-kwalità ta’ ħajja li qed jgħixu t-tfal żgur li ma
għolietx u l-istħarriġ li sar mill-Università ta’ Malta jurina biċ-ċar dan li
qed ngħid.
Ladarba l-istandard of living
għola, dan ma għoliex biss għat-tfal iżda anke għall-kbar. Biex inlaħħqu ma’
dan l-istandard iridu joħorġu jaħdmu l-missier u l-omm bil-konsegwenza li xi
tfal meta jiġu mill-iskola ma jsibu lil ħadd id-dar. Il-ġenituri wkoll
inbidlilhom l-istil ta’ ħajja li jgħixu u għalhekk sar għandhom aktar spejjeż. Jaqbel
li ma noqgħodx nidħol f’dettallji dwar l-ommijiet u l-missirijiet ta’ dari u
dawk tal-lum.
Frott
Numru minn uliedna stqarrew li ma
humiex kuntenti bil-ħajja li qed jgħixu jew aħjar bil-ħajja li qed ikollhom
jgħixu fiha minħabba fina l-adulti. Dan huwa l-frott li qed naħsdu minn dak li
żrajna aħna stess. Id-dispjaċir huwa li l-frott qares qed ikollhom jieħduh
l-ulied.
Ma nafx jekk hemmx soluzzjoni għal
problema bħal din, li wara kollox hija fergħa minn elf problema oħra
tal-bniedem tal-lum. Jiddispjaċini għat-tfal tagħna li meta suppost qegħdin
fir-rebbiegħa ta’ ħajjithom, diġà daħħalnihom fix-xitwa bil-maltemp kollu li
ġġib magħha. U dan qaluh it-tfal stess.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Ottubru 2020
Nessun commento:
Posta un commento