Spiss niltaqa’ ma’ xi ħbieb jew nies li nafhom u nieqfu ngħidu kelma malajr malajr. Bla ma rridu dejjem nispiċċaw ngħidu xi ħaġa dwar kif qed ngħaddu ħajjitna, kif il-pandemija tal-Covid-19 gerfxitilna ħajjitna, ħarbtitilna r-rutina ta’ ħajjitna u biddlitilna jew ħassritilna l-pjani li kellna f’moħħna. Naħseb li ħaġa bħal din tiġri lilkom ukoll, għax wara kollox qegħdin ngħixu fi żmien li qatt ma għexna bħalu. Lanqas dawk li jiftakru t-tieni gwerra dinjija ma għexu żmien bħal dan għax tal-anqas dawn kienu jkunu jafu meta l-għadu jkun fil-qrib u għalhekk kienu jiġru biex isibu fejn idabbru rashom u jistkennu minnu. L-għadu li laqat lid-dinja din is-sena ma tkunx taf fejn hu u jkun qed jheddek erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. U aħna nafu li għandna dan l-għadu ma’ djulna u ma nistgħu nagħmlu xejn kontrih għajr li nsegwu l-istruzzjonijiet li jagħtuna l-awtoritajiet. U meta niġu biex ninfirdu minn dik il-persuna li nkunu ltqajna magħha nispiċċaw ngħidu.... “X’differenza!”
Fix-xogħol
Fl-ewwel xhur tal-pandemija kien hawn bosta ħaddiema li bdew jaħdmu minn
djarhom. Bis-saħħa ta’ hekk nistgħu ngħidu li gawdiet id-dinja kollha. Billi
l-karozzi naqsu mit-toroq l-arja kienet aktar nadifa, sar anqas ħmieġ
lill-ambjent u n-natura dlonk bdiet turina li kienet qed tieħu gost b’dak li
kien qed jiġri. Iżda wara ftit kollox reġa’ lura għal dak li kien qabel u
l-karozzi reġgħu bdew jimlew it-toroq tad-dinja kollha. Aħna l-Maltin, li
għandna problema ta’ taffiku enormi, mill-ġdid bdejna neħlu fi sriebet ta’
karozzi ma jispiċċaw qatt.
Allura wieħed jibda’ jistaqsi: Tabilħaqq li mhux il-ħaddiema kollha jistgħu
jaħdmu mid-dar, imma dawk li jistgħu jwettqu ħidmiethom b’dan il-mod, għalfejn
kellhom jerġgħu lura għas-sistema ta’ qabel ir-restrizzjonijiet? Jien għamilt
din il-mistoqsija lili nnifsi elf darba u sibt it-tweġiba waħdi. Ħaddiem li
jitlaq mid-dar biex imur għax-xogħol jgħin biex iddur ir-rota tal-ekonomija
tal-pajjiż. Jekk juża l-karozza tiegħu ikollu jgħaddi għand tal-pompa
tal-petrol biex jimlielha t-tank. Jekk ikun kuraġġuż biżżejjed u juża
t-trasport pubbliku jonfoq inqas, imma jrid iħalli daru ħafna qabel il-ħin
tax-xogħol tiegħu. Dan il-ħaddiem jekk jgħaddi jieħu kafè u forsi jixtri ħobża
biex joħodha miegħu għax-xogħol ikun qed jgħin l-ekonomija. Jekk tfajla hi u
dieħla lejn l-uffiċċju tgħaddi minn quddiem ħanut u tara libsa sabiħa, għandha
mnejn wara x-xogħol tgħaddi tixtriha. Jekk ix-xogħol isir mid-dar dan il-bejgħ
jintilef kollu u jnaqqas it-tidwir tar-rota ekonomika. Meta għamilna dawk
il-ġimgħat bit-teleworking rajna ħafna differenza!
F’divertiment
Bidla oħra li kellna nagħmlu tal dawn l-aħħar xhur huwa l-mod kif
niddevertu. Is-sajf Malti huwa kkarattarizzat bil-festi tal-irħula u l-bliet.
X’differenza din is-sena! Waqqafna kollox, ftaħna għal ftit u forsi f’dawk il-ftit
ġimgħat eseġerajna xi ftit ukoll u kellna nerġgħu nwaqqfu kollox.
X’differenza dis-sena! Festa ġurnata waħda, quddiesa u xejn aktar. Nies
fil-knisja limitati u kulħadd liebes il-maskra jew il-visor. Xejn marċi, xejn
xalati l-għada tal-festa!
Tiġijiet
Bosta koppji kellhom ibiddlu d-data taż-żwieġ tagħhom. Minħabba
l-pandemija. Imma kemm ser iddum tbiddel dati? Kelli okkażjonijiet li ntejjeġ
xi koppji minn dawn li qed insemmi. Fil-knisja ftit li xejn inbidel u l-bidliet
li saru jkun hawn min lanqas jintebaħ bihom, imma fir-riċeviment tara bidla
totali. Spiċċa ż-żmien fejn tifraħ mal-koppja u mal-mistiedna l-oħra, ikollok toqgħod
bilqegħda fejn ipoġġuk u jservuk qisek qiegħed f’ristorant. U jekk ikollok
il-ħbieb fuq il-mejda ta’ ħdejk, aqbad il-mowbajl u ċemplilhom jekk trid tgħidilhom
xi ħaġa għax ma tistax tmur ħdejhom! X’differenza!
Safar
F’dan is-sajf żgur li rajna bidliet u differenzi kbar fil-pjanijiet
tas-safar tagħna. Addio l-vjaġġ li tkun ilek tant xhur tixtieq twettaq, spiċċa l-long
haul li ħlomt sewwasew wara l-aħħar vjaġġ tas-sena l-oħra! Tassew li l-ajruport
jinsab miftuħ u min irid isiefer jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha, imma
ħafna huma dawk li qed jibżgħu jagħmlu dan. U min ilumhom? Illum noħolmu u
nfittxu fuq l-internet dwar pajjiżi li nixtiequ nżuru ladarba jgħaddi kollox.
X’differenza, illum il-pajjiżi qed inżuruhom virtwalment, imma xorta ma huwiex
il-mod xieraq li żżur pajjiż. Xejn ma jista’ jissupera il-preżenza fiżika.
Kemm bidliet kellna nagħmlu matul is-sena 2020. F’kull qasam tal-ħajja
kellna nbiddlu xi ħaġa rridu jew ma rridux. Bidliet li kellna nwettqu forsi
kontra r-rieda tagħna, bidliet li meta nitkellmu dwarhom ma’ xi ħadd nispiċċaw nindunaw
bihom u bla ma rridu ngħidu: “X’differenza!”
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 26 ta' Settembru 2020
Nessun commento:
Posta un commento