Min jaf kemm-il darba smajna l-isem
tad-deżert Saħara li jinsab mhux wisq bogħod minn artna. Min jaf kemm
immaġinajna xeni ġewwa moħħna ta’ kif jista’ jkun dan il-post li ġieli ltqajna’
miegħu fil-kotba tal-iskola, l-aktar tal-ġeografija. Dan id-deżert enormi hemm
ħafna x’wieħed jgħid fuqu u aktar ma tfittex aktar tinduna kemm ma nafu xejn dwaru.
Tajjeb l-ewwel ħaġa naraw minn fejn ġej l-isem ta’ dan id-deżert. Nimmaġina li bħali hawn min kien jaħseb li l-kelma “Saħara” għandha x’taqsam mas-sħarijiet, mal-magħmul u mal-maġija. Meta kont għadni żgħir hekk kont naħseb. Imma l-isem ġej mill-kelma Għarbija ṣaḥrā li tfisser medda ta’ art deżert. Il-plural ta’ ṣaḥrāʾ tiġi ṣaḥārā. Minn hawn ġej l-isem li d-dinja kollha ssejjaħ lil dan id-deżert. Għal bosta Għarab dan id-deżert jissejjaħ ukoll Al-Kubra, li tfisser “il-kbir”, ovvjament jindika lid-deżert il-kbir. Dan huwa l-isem tad-deżert sħiħ iżda tajjeb inkunu nafu li xi partijiet minnu għandhom isem għalihom bħal ngħidu aħna ir-reġjun ta’ Tanezrouft fil-Lbiċ tal-Alġerija u r-reġjun ta’ Ténéré li nsibu fiċ-ċentru tan-Niger. Tajjeb ukoll ngħidu li dan id-deżert jinfirex f’bosta pajjiżi. Jibda mill-Marokk għall-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu, stati li jiffurmaw ix-xatt Afrikan tal-Mediterran. Minn dawn il-pajjiżi jestendi ’l isfel u jidħol fil-Mawritanja, il-Mali, in-Niġer, iċ-Chad, l-Eritrea u s-Sudan. Parti minn dan id-deżert, li tinsab fil-Punent bejn il-Marokk u l-Mawritanja, toħloq xi ftit problemi għax iż-żewġ pajjiżi jgħidu li tagħmel mat-territorju tagħhom.
Ħajja jew le?
Forsi jkun hawn min jaħseb li f’dan id-deżert ma
teżistix ħajja, imma minkejja l-klima sħuna li hemm fih, xorta waħda hemm bosta
ħajjiet. Jeżistu aktar minn elfejn speċi ta’ pjanta differenti fih kif ukoll għadd
ta’ siġar li jifilħu l-ħajja iebsa ta’ dan il-post. Waħda mill-aktar siġra
komuni hija s-siġra tal-palm li tipproduċi t-tamar. Kont naħseb li jeżisti tip
wieħed ta’ tamar imma kont żbaljat. Meta żort suq tat-tamar intbaħt li hemm
għexieren ta’ kwalitajiet ta’ tamar differenti, jiddependi mit-tip ta’ palma li
jikber fiha. Fid-deżert insibu siġat tal-palm differenti.
Nafu li bla ilma l-ebda ħajja ma tista’ tkompli miexja ’l quddiem. U hawn dlonk tiġi l-mistoqsija kif jgħixu dawn il-ħajjiet kollha? Id-Deżert Saħara minkejja li huwa xott fih ukoll xi xmajjar li matul ix-xhur niexfa jixxuttaw għal kollox iżda meta jkunu xhur ta’ xita dawn jerġgħu jieħdu l-ħajja u l-ilma tagħhom jerġa’ jibda jgelgel fihom. Hemm żewġ xmajjar biss li ma jinxfux, in-Nil u n-Niger. Biss hemm bosta riservi u għadajjar imxerdin mad-deżert li jiggarantixxu l-ħajja f’dan il-post.
L-awtur b'volpi tad-deżert f'idejh |
.
Abitanti
Minkejja li huma ftit, hemm xi popli
wkoll li jappartjenu propju għad-deżert. Dawn għadhom jgħixu b’mod primittiv u
jimxu minn post għal ieħor skont il-ħtiġijiet tagħhom u skont x’ikun l-istaġun.
Hemm madwar żewġ miljuni u nofs minn dawn il-bedwini. Kif wieħed jista’ jaħseb, il-ħajja
ta’ dawn in-nies xejn ma hija waħda faċli u għalhekk illum bosta minnhom qed
iħallu l-ħajja li għexu l-antenati tagħhom għal eluf ta’ snin u jfittxu xi dar
f’xi belt jew raħal. Xi gvernijiet qed jgħinu lil dawn in-nies biex din
il-ħajja kemm jista’ jkun titnaqqsilha it-tbatija u fl-istess waqt ma tintemmx.
Fr Reno
Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Settembru 2020
Nessun commento:
Posta un commento