Waħda
mill-karatteristiċi tat-toroq tal-irħula antiki Maltin huma n-niċeċ bl-istatwi
tal-qaddisin li nsibu fihom. Bħall-popli Mediterranji l-oħra, il-poplu Malti
huwa wieħed reliġjuż u jgħożż id-drawwiet qaddisa għalkemm ġieli dawn
id-drawwiet jibdilhom f’sempliċiment kultura. In-niċeċ fit-toroq ta’ rħula Maltin
qodma huma xhieda ta’ dan.
Skopijiet
L-ewwel skop ta’ dak li jagħmel in-niċċa kienet tkun id-devozzjoni. Il-Madonna hija l-aktar xbieha popolari f’dawn in-niċeċ. Billi Marija hija meqjuma b’għadd ta’ titli u devozzjonijiet, ma jistax jonqos li nsibu niċe ċ tal-Madonna bi xbihat differenti, minn tal-Karmnu għall-Kunċizzjoni jew id-Duluri u elf titlu ieħor. San Ġużepp ukoll huwa qaddis popolari f’dawn in-niċċeċ u mbagħad ma jonqsux il-qaddisin titulari tal-parroċċa ta’ dak ir-raħal jew belt li fiha tkun dik in-niċċa bl-istatwa. Dak li jkun kien jieqaf jgħid xi talba quddiem xi niċċa u b’hekk kien jintlaħaq l-iskop ta’ dak li jkun waqqafha. Xi wħud min-niċeċ għandhom marbut magħhom xi tip ta’ indulgenza. Din tingħata mill-isqof għal numru ta’ żmien lil min jgħid talba quddiem ix-xbieha. Il quddiem nikteb xi ħaġa dwar dawn l-indulġenzi.
Dawn in-niċeċ kienu jservu wkoll skop ieħor. Billi d-devoti ta’ dawn
il-qaddisin qatt ma kienu jħalluhom neqsin mix-xemgħa, jew aħjar miż-żejt, għax
qabel bdiet tintuża x-xemgħa kienu jintużaw tazzi biż-żejt, kienu jservu wkoll
biex matul il-lejl jittaffa xi ftit mid-dlam. Qegħdin nitkellmu fi żmien meta
d-dawl elettriku kien għadu ma daħalx f’pajjiżna u anke meta daħal kien għadu
ma nxteridx sewwa.
Xi wħud minn dawn in-niċeċ taw anke isem liż-żona tagħhom u għalhekk insibu
min jirreferi għal xi rokna jew roqgħa partikolari f’xi raħal bl-isem ta’ xi
niċċa li jkun hemm, bħal ngħidu aħna, fejn San Pawl jew ħdejn Santu Rokku.
Kurżitajiet
Ma’ xi wħud minn dawn in-niċeċ hemm marbutin stejjer jew kurżitajiet. Insemmu xi waħdiet biss għax jekk nibdew min jaf meta nispiċċaw! Fir-raħal ta’ Tal-Pietà, inti u sejjer lejn l-Imsida, sewwasew quddiem il-baħar, hemm sqaq, li llum iġib l-isem Sqaq ix-Xatt numru 3. Fil-bidu ta’ dan l-isqaq hemm niċċa tad-Duluri. Jingħad li f’dan l-isqaq kienet toqgħod ċerta Perennia Pace. Iż-żagħżugħ Ġużeppi Calì tefa’ għajnejh fuqha u għamel wegħda mal-Madonna li jekk taċċetta l-proposta tiegħu għaż-żwieġ iwaqqaf niċċa fit-tarf tas-sqaq fejn kienet toqgħad din it-tfajla. Gużeppi u Perennia żżewwġu fl-1871 u r-raġel żamm kelmtu, waqqaf in-niċċa u fiha poġġa pittura tad-Duluri li pitter huwa stess. Illum minħabba l-valur ta’ din il-pittura ma għadniex naraw il-kwadru oriġinali fin-niċċa imma xorta nsibu xbieha tad-Duluri.
Niċċa oħra ta’
interess partikolari hija dik li nsibu fi Triq San Bartilmew Ħal Qormi. Din għandha
fiha statwa ta’ San Bastjan u jingħad li nħadmet mill-iskultur Marku Montebello
meta kien għadu tfal, anzi din kienet l-ewwel xogħol ta’ dan l-iskultur li
maż-żmien ħadem statwi madwar Malta kollha, mhux biss għal niċeċ ta’ mad-djar
iżda anke bosta stawi oħra ma’ knejjes jew fuq xi zuntier jew portiku, kampnar
jew fontispizju ta’ knisja.
Niċċa li qalgħet xi
ftit jew wisq kontroversja kienet dik tal-Madonna ta’ Lourdes li kien hemm fejn
il-pixxina nazzjonali Tal-Qroqq. Din kellha titneħħa minħabba l-proġett tal-pont
tal-Kappara. Billi kienu ħafna dawk devoti ta’ din in-niċċa kien hemm min ħaseb
li din issa ser tingħata l-ġenb u min jaf xi jsir minnha. Forsi kieku ħadd ma
qal xejn hekk kien jiġri, biss
illum minkejja li nbidlilha postha,
qegħda f’niċċa tal-ġebel mill-isbaħ, sewwasew taħt il-pont il-ġdid.
Stat tan-niċeċ
Ħafna minn dawn in-niċeċ
huma parti mill-faċċata ta’ xi dar privata għalhekk dawn ikunu privati wkoll.
Billi ħafna minnhom għandhom bosta snin, xi wħud minnhom aktar minn mitt sena,
iż-żmien ikun beda jħalli
fuqhom il-marka tiegħu. In-niċeċ huma maħdumin mill-ġebla Maltija u tal-istess
materjal huma l-istatwi li nsibu fihom. Għalhekk f’ħafna minn dawn in-niċeċ
bdejna naraw ħafna ħsara għax sidhom jew ma jkunx jista’ jagħmel ir-restawr meħtieġ
jew għax dik id-dar tkun spiċċat vojta. Biex ngħidu d-dritt, hawn ħafna niċeċ fi stat tajjeb għax
sidhom jieħu ħsieb idurhom spiss, imma hemm ukoll minnhom fi stat tal-biki.
Kien hemm żmien
fejn ftit li xejn konna qed nagħtu kashom u siċċajna biex tlifna xi wħud minnhom, jew
minħabba l-elementi tan-natura jew għax intgħoġbu minn xi ħadd u għamilhom
tiegħu.
Dawn illum saru
patrimonju u ma tistax taqbad u tneħħi xi waħda minnhom, imma hemm bżonn li
titieħed azzjoni bla aktar dewmien. Il-gvern ċentrali għadnu jiftaħ fond għar-restawr ta’
dawn in-niċeċ. Naf li xi kunsilli lokali jieħdu ħsieb xi restawr ta’ statwi
fil-lokal, imma ma nafx jekk jieħdux ħsieb dawn in-niċeċ ukoll.
Hemm bżonn wieħed
jaħseb fuq din il-ħaġa bis-serjetà u bla ma jitħalla wisq aktar żmien
jgħaddi.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Settembru 2020
Nessun commento:
Posta un commento