venerdì 4 settembre 2020

It-tribuna ta’ Bernini

 

Hawn min isejħilha tribuna, min baldakkin, min ċiborju. Ħafna jaħsbu li din hija simbolu li l-knisja li tkun fiha tkun bażilika. Dan mhux bil-fors. Insibu bażiliċi, anke Malta stess li ma għandhomx tribuna u nsibu knejjes oħra li għandhom it-tribuna imma ma humiex bażiliċi. Illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar dik it-tribuna li naħseb hija l-aktar waħda famuża mad-dinja kollha. Qegħdin nirreferu għal dik l-istruttura li nsibu fuq l-artal maġġur tal-Bażilika ta’ San Pietru, sewwasew taħt il-koppla meastuża, tribuna li nħadmet mill-artist Bernini.


L-artist

Gian Lorenzo Bernini twieled fis-7 ta’ Diċembru, 1598 fil-Belt ta’ Napli li sa dak iż-żmien kienet il-belt Kapitali tar-Renju ta’ Napli. Aħna l-Maltin ngħidu li bin is-sengħa għadnu nofsha, u f’dan il-każ żgur li dan huwa qawl li jgħid il-verità għax missieru kien skultur li jismu Pietro. Ommu kienet Angelica. Propjament missieru ma kienx Naplitan imma kien minn Firenza, belt oħra mimlija arti bħalma hija Napli. Sa minn ċkunitu Gian Lorenzo wera li huwa ġenju fejn tidħol l-arti. Missieru ħeġġu biex jaqbad il-linja li kien ħa hu. Ikollna nammettu li qegħdin nitkellmu fi żmien meta l-Knisja kienet qed tikkommissjona ħafna artisti jaħdmu fil-knejjes. Kien l-isbaħ żmien għall-arti barokka.

Jekk naqbdu nsemmu x-xogħlijiet ta’ dan l-artist ma nieqfu qatt iżda tajjeb ngħidu li Ruma ħalla ħafna xogħol, fosthom il-kolonnat ta’ Pjazza San Pietru. Xogħol ieħor tiegħu insibuh anke barra mill-art Taljana. Hu ma ħadimx biss fi knejjes, iżda nsibu l-arti tiegħu f’bosta palazzi, ġonna jew pajzez, fosthom f’Villa Borghese u l-famuża funtana tal-erba’ xmajjar fi Pjazza Navona, it-tnejn f’Ruma. Huwa miet fil-belt ta’ Ruma fit-28 ta’ Novembru 1680 meta kellu wieħed u tmenin sena. Ħajja twila u mimlija, mhux ta’ b’xejn insibu daqstant xogħol tiegħu.

It-tribuna

Imma ejjew nitkellmu ftit fuq it-tribuna li semmejt fil-bidu.

Il-Papa Urbanu VIII li mexxa l-Knisja bejn l-1623 u l-1644, fl-istess sena li ntgħażel Papa, qabbad lill-artist Naplitan Gian Lorenzo Bernini sabiex jaħdem din it-tribuna biex ikun imsebbaħ dejjem aktar il-qabar tal-Appostlu Pietru. Il-bażiliċi prinċipali kollha ta’ Ruma għandhom tribuna u allura kien jixraq li ssir waħda għal din il-bażilika wkoll. Il-materjal tagħha huwa bronż. Hemm xnieha li tgħid li l-bronż għal din it-tribuna kien jgħatti x-xorok tas-saqaf tal-Pantheon ġewwa Ruma, iżda xi wħud ma jaqblux ma din ix-xnieha u jsostnu li l-bronż għaliha kien inġieb minn Venezja. Hi x’inhi, illum għandha tribuna tal-bronż mill-isbaħ u induratura tad-deheb.

Isfel nett insibu erba’ bażijiet tal-irħam. Fuq dawn il-bażijiet naraw l-arma tal-familja Barberini, il-familja tal-Papa Urbanu VIII. Fuqhom insibu erba’ kolonni stil solomonjak għoljin għoxrin metru u mbagħad kapitelli fuq stil korint. Fuq il-kapitelli jinfirex is-saqaf tat-tribuna fejn isfel naraw simbolu tal-Ispirtu s-Santu, mad-dawra jidhru patalotti mdendlin u fuq naraw sett ta’ anġli filwaqt li minn kull rokna jitla’ skartoċċ sabiex l-erba’ skrataċ jiltaqgħu fin-nofs u fuq kollox jiddomina salib. B’kollox din it-tribuna hija għolja kważi tletin metru.

Bis-saħħa ta’ din it-tibuna ġie rranġat anke żball arkitettoniku. Fi knisja forma ta’ salib latin l-artal maġġur għandu jkun bejn iż-żewġ pilastri maġġuri ta’ wara. Fil-bażilika tal-Vatikan l-artal maġġur qiegħed f’ nofs l-erba’ pilastri maġġuri, biex ikun sewwasew fuq il-qabar ta’ San Pietru. B’din it-tribuna ntrebaħ dan id-difett jekk nistgħu ngħidulu hekk.

Kopji

Madwar id-dinja nsibu xi kopji ta’ din l-opra tal-artist Bernini.

Kopja tal-injam ta’ din it-tribuna tinsab fil-katidral ta’ Foligno fl-Italja. Din saret fl-1698. Inħadmet minn Antonio Calcioni fuq xewqa tal-familja Roscioli. Għalhekk fil-bażi tal-kolonni tat-tribuna nsibu l-arma ta’ din il-familja.

Kopja oħra nsibuha fil-katidral Mary Queen of the World ta’ Montreal fil-Kanada. Din hija kopja maħduma fil-bronż minn Arthur Vincent u Olindo Gratton bejn l-1885 u l-1888. Din hija kopja fidila ta’ dik li nsibu fil-Vatikan.

Fl-aħħar imma mhux l-inqas insibu kopja ta’ din it-tribuna f’pajjiżna. Fil-bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex saret tribuna kopja ta’ dik ta’ Bernini fl-1967. Din hija tal-bronż u nħadmet mill-artist Carlo Pisi. Din ukjoll hija replika tajba ħafna.

Tajjeb ngħidu li fil-katidral ta’ San Vigilju fi Trento l-Italja wkoll naraw tribuna oħra li saret fl-1743. Din inħadmet minn  Domenico u Anton Giuseppe Sartori. Minkejja li hija kopja ta’ dik tal-Bernini, jkollna ngħidu li ma hijiex kopja fidila għal dik oriġinali, iżda mal-ewwel daqqa ta’ għajn mill-ewwel tgħid li min ħadimha, jew min fassalha kellu dik ta’ Ruma f’moħħu.

Illum rajna xi ħaġa żgħira fuq opra tal-arti famuża li nistgħu ngħidu li aħna ffurtunati li f’pajjiżna għandna wkoll replika tagħha.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  5 ta' Settembru 2020











Nessun commento:

Posta un commento