Kemm-il darba ngħiduha jew nisimgħuha din il-frażi? Jekk jitaqgħu żewġt iħbieb, jekk tkun xi okkażjoni speċjali; tieġ, għeluq snin xi ħadd, twelid, meta jirbaħ it-tim tal-futbol li nsegwu, fil-jiem tal-festa (mhux ta’ din is-sena), fil-Milied, meta mmorru nixwu xi biċċtejn laħam fejn il-baħar matul ix-xhur tas-sajf u min jaf kemm okkażjonijiet oħra. Biex niċċelebraw: nieħdu birra, biex nifirħu: nieħdu birra, biex ngħidu kelma: nieħdu birra. Ovvjament dawk li jħobbuha għax hawn min ma jiggostahiex. Il-birra donnha hija element jew ingredjent importanti biex nissoċjalizzaw. Imma qatt ħsibna ftit dwar din ix-xarba popolari?
Minn żmien il-qedem
Il-birra hija xarba antika ħafna, forsi aktar minn kemm nimmaġinaw. Illum
din hija t-tielet l-aktar xarba kkunsmata madwar id-dinja, jiġifieri tiġi wara
l-ilma u t-te. Sa issa nafu li din ix-xarba kienet teżisti diġà
madwar tlettax-il elf sena ilu. Minn skoperti qrib Haifa, f’Iżrael, nafu li
f’dak iż-żmien kienet tinxtorob xarba alkoħolika f’ċerti festi marbutin ma’ xi
allat tan-nies ta’ dak iż-żmien. Din ma kinitx bħall-birra tal-lum iżda
tixbahha. Il-birra magħmula mix-xgħir bħalma għadna nixorbu aħna, nafu li
kienet teżisti aktar minn ħamest elef sena ilu. Dak iż-żmien il-ħaddiema li
kienu qed jibnu l-belt ta’ Uruk, li llum tinsab fl-Iran, kienu jitħallsu
bil-birra. Il-bennejja tal-piramidi wkoll kienu jingħataw madwar erba’ litri
birra kuljum kemm bħala nutriment kif ukoll biex jifriskaw.
Il-birra nfirxet mal-Ewropa mill-Ġermaniżi u ċ-Ċeltiċi. Dawn bdew jipproduċu
din ix-xarba fi ħwienet li nistgħu nsejħulhom l-ewwel bireriji żgħar. Wara
ż-żmien tal-Imperu Ruman, kienu ffurmati bosta monasteri, fejn il-patrijiet
kienu wkoll jipproduċu l-birra kemm għalihom kif ukoll kienu jbigħuha u
għalhekk saret ukoll mezz ta’ għixien għal dawn l-irħieb. Jingħad li kien hemm
żmien meta fil-Polonja l-ewwel xarba li kienu jieħdu n-nies filgħodu kienet
tkun birra għax il-kafè kien għadu ma wasalx fil-pajjiż. Jingħad ukoll li
kien hemm żmien meta l-isptarijiet kienu jagħtu lill-pazjenti tagħhom il-birra
għax kienet l-aktar xarba sigura, billi ma jistax ikun fiha xi mikrobu għax
inkella ma ssirx il-fermentazzjoni. Ir-revoluzzjoni industrijali tat spinta lil
din ix-xarba għax issa bdew jinfetħu bireriji bi produzzjoni kbira ta’ birer.
Madwar mitt sena ilu fl-Amerika l-birra bdiet tiġi bbotiljata fi fliexken skuri
u b’hekk tiġi mħarsa mir-raġġi tax-xemx li jistgħu jħassru l-prodott. Illum
bireriji kbar saru jesportaw il-birra tagħhom madwar id-dinja kollha. Illum
għandna birer magħrufin mal-erbat irjieħ tad-dinja u tmur fejn tmur tistaqsi għalihom
u ssibhom. Biss personalment, nippreferi li jekk inkun imsiefer induq birra ta’
dak il-post.
Ingredjenti
Jekk qed taħseb li ser nagħtik ir-riċetta biex tibda’ tagħmel il-birra
tiegħek sejjer żball! Ma nafx kif, imma naf li l-ingredjenti bażiċi tal-birra
huma l-ilma, x-xgħir, il-ħmira u z-zokkor. Imbagħad hemm il-weraq tal-pjanta
tal-hop li tagħti togħma partikolari lill-birra. It-togħma morra li jkollha
l-birra hija prodott tal-werqa tal-hop. Hawn riċetti li fihom il-patata, jew xi
ħxejjex oħrajn. Kollox jiddependi mill-ingredjenti biex tinbidel it-togħma.
Insibu varjetà kbira ta’ birer fis-suq, ċari, ħomor, skuri,
suwed. Hemm dawk li jissejħu ale, lager jew stout. Illum insibu birer b’inqas
kaloriji minn dawk tradizzjonali, insibu birer bla alkoħol u nsibu birer
b’togħmiet ta’ fott bħalma huma l-lumi jew frott ieħor bħat-tut.
L-aktar li jixorbu
L-Ewropa hija l-kontinent li l-aktar jikkonsma birra. Dan ma jfissrix li
pajjiżi barra l-kontinent tagħna ma jikkunsmawx ammonti kbar ukoll. L-aktar
pajjiż fid-dinja fejn tiġi kkunsmata l-birra ras għal ras (per capita) huwa
r-Repubblika Ċeka. Dawn jixorbu madwar mija u disgħin litru birra kull sena.
It-tieni fil-lista huma l-Awstrijaċi. Dawn jixorbu madwar mija u tmien litri
fis-sena. Il-Ġermaniżi jikkunsmaw ftit aktar minn mija u erba’ litri fis-sena u
n-nies tar-Rumanija u tal-Polonja madwar mitt litru fis-sena. Issa jekk ikollna
naraw liema huma dawk il-pajjiżi li fihom tinxtrob l-aktar birra fid-dinja
jinbidlu l-ismijiet. Ovvjament dan kollu minħabba l-qies tal-pajjiż u
l-popolazzjoni tiegħu. Allura ngħidu li l-akbar ammont ta’ birra li jinxtorb
fid-dinja huwa fiċ-Ċina. Wieħed jifhem malajr li f’pajjiż fejn hemm daqstant
biljuni ta’ nies, anke jekk jixorbu nofs litru kull persuna fis-sena wkoll
ikunu l-akbar konsumaturi fid-dinja. Wieħed
mill-iżgħar konsumaturi tal-birra fid-dinja huwa l-Indoneżja. Hawn jinxtrob
madwar nofs litru kull sena ras għal ras.
Xieraq inkunu nafu fejn ninsabu aħna l-Maltin fejn jidħol konsum ta’ birra.
Kull Malti, ras għal ras jikkonsma madwar ħamsin litru fis-sena, madwar erba’
fliexken fil-ġimgħa. Jekk nikkalkulaw fejn ninsabu fil-lista ta’ konsum ras
għal ras nieħdu s-sitta u tletin post.
Il-birra hija xarba li nsibuha madwar id-dinja kollha. Hemm pajjiżi li
minħabba t-twemmin tagħhom ma jaċċettawhiex għax fiha l-alkoħol, iżda l-bqija
tmur fejn tmur issibha, u għalhekk nistgħu ngħidu li din hija xarba
internazzjonali.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Awwissu 2020.
Nessun commento:
Posta un commento