Ftit xhur ilu f’pajjiżna bdejna nisimgħu
il-frażi “Hate Speach”. Minn dak iż-żmien sirna aktar konxju li hawn min juża
ċerti kliem biex iweġġa’ lil xi ħadd. Iżda rridu noqgħodu attenti għax xi kliem
jista’ jintuża f’diversi forom. L-istess kelma tista’ tintuża f’sens ta’
mibgħeda jew tkun parti mid-diskors tagħna li ma jkun fih l-ebda għerq ta’
mibgħeda.
Emozzjoni u sentiment
Il-mibgħeda hija emozzjoni vasta li tista’ tinfirex fuq żmien twil jew
qasir. Hija emozzjoni u sentiment sewwasew bil-kontra tal-imħabba. Hija dak
l-istat li jsib ruħu fih wieħed li jkun irid jirbaħ dak li jkun qed idejqu.
Jekk nibdew nitkellmu fuq il-mibgħeda ma nispiċċaw qatt għax din issibha
kullimkien, fid-djar, fil-familji, fost il-ħbieb, fuq il-post tax-xogħol, fl-għaqdiet,
fil-Knisja u kullimkien. Il-mibgħeda ġieli tkun imħallta mal-għira jew aħjar
tkun il-frott tal-għira.
Fuq bażi permanenti nista’ nġib eżempju fuqi nnifsi: Jien nobgħod il-fwied.
It-togħma ta’ dan l-ikel ma jpaxxix lill-palat tiegħi anzi ddejjaqni, allura
nista’ ngħid li l-fwied nobgħodu, kont għadni u aktarx li nibqa’. Fuq bażi ta’
żmien qasir inġib l-eżempju ta’ wieħed ħabib tiegħi. Kien żmien il-world cup,
konna qed naraw logħba tat-Taljani. (mhux il-world cup li għaddiet ovvjament!) Dan
sieħbi f’ħin minnhom qal: “Jien nobgħod lit-Taljani u lil kull min iżomm
magħhom!” Hawnhekk dan sieħbi żgur ma riedx jgħid li jobgħod lili, li qalbi
tħabbat għall-Azzurri. Kien irid jgħid li fejn jidħol il-logħob tal-ballun huwa
ma jurix simpatija mat-Taljani.
Kuluri
Kien hemm żmien fejn biex nuru li nkunu ġejna ddiskriminati konna ngħidu: “Mela jien iswed?” Nemmen li kienu l-ġrajjiet li ġraw madwar id-dinja bejn is-snin sittin u s-snin disgħin tas-seklu li għadda li daħħlu din il-frażi fina, li jkollna nammettu xi darba lkoll użajnieha bla ebda ħsieb ta’ mibgħeda. Ix-xogħol ta’ Martin Luther King u ta’ Nelson Mandela nemmen li ġabuna konxji kemm il-bniedem ta’ ġilda sewda kien stmat bħala uman tat-tieni klassi f’bosta partijiet tad-dinja u għalhekk meta konna nħossuna li qed inkunu trattati tat-tieni klassi aħna wkoll konna ngħidu: “Mela aħna suwed?” Illum ma tantx għadek tisma’ min jgħidha dil-frażi u lanqas għadna nsejħu lin-nies “suwed” imma bdejna nsejħulhom “ta’ karnaġġjion skur”. Bħal dak li qallu jekk insejjalek “iswed” jew “ta’ karaġġjon skur” mhux xorta nkun qed nuri li d-dehra tiegħek differenti minn tiegħi. L-Italja agħar minnha għax isejħulhom “di colore”. U ta’ liema kulur? Aħmar isfar aħdar blu jew kannella huma kollha kuluri...... Imbagħad mal-mewt ta’ George Floyd erġajna bdejna nsejħu lil dawn in-nies bħala suwed. Hawn żgur li ma sarx hekk b’disprezz, anzi biex id-dinja ssir konxja li anke l-ħajja tal-iswed tiswa.
Kliem ta’ disprezz
Illum jekk tgħid kliem ta’ mibgħeda minħabba, lewn, twemmin reliġjuż jew
orjentazzjoni sesswali tista’ tiġi fl-inkwiet. Huwa propju dan il-Hate Speach
li semmejt fil-bidu. Mhux sewwa li wieħed jiġi disprezzat minħabba xi ħaġa
intima u privata bħalma hija l-fidi jew anke l-orjentazzjoni sesswali, u lanqas
dwar xi ħaġa li dak li jkun ma jkollux kontroll fuqha bħalma huwa l-lewn
tal-ġilda.
Irridu mbagħad naraw fejn u bejn min isir id-diskors. Innutajt li bejn
il-ġuvintur, jew irġiel żgħażagħ, jintużaw ċerti aġġettivi li jekk jkollok
toħodhom letteralment ikunu offiża. U tiskanta aktar ma jkunu ħbieb kbar, akbar
ikunu l-offiżi. Ħa nġib eżempju. Smajt ħabib tiegħi jitkellem fuq il-mobile ma’
ħabib kbir tiegħu. Billi bejniethom hemm ħbiberija kbira dan qallu: “Kif inti
barri?” L-ieħor qisu ma ġara xejn wieġbu u wara uża xi aġġettivi goffi wkoll.
Iżda dan huwa l-ġergu li jużaw bejniethom gruppi jew ġenerazzjonijiet. Hawn
fl-ebda ħin ma kien hawn hate speach.
Kliem ta’ mibgħeda aċċettat
Issa għandna sitwazzjoni fejn kliem ta’ mibgħeda kontra xi ħadd jew xi ħaġa
jista’ jwassal għall-inkwiet għax jitqies bħala att kriminali, iżda nħoss li
din hija xi ħaġa li ma tgħoddx għal kulħadd jew għal kullimkien.
Daħlet fostna d-drawwa li l-marċi tal-festi tagħna jsirilhom il-kliem u
jitkantaw. Biss ara ma taħsbux li l-kliem ta’ dawn il-marċi jilħaq il-livell
ta’ Dun Karm Psaila, Rużar Briffa, Anton Buttigieg jew xi poeta li jagħmel unur
lill-ġens Malti. Dawn id-diski biex insejħilhom hekk, ħafna drabi jkunu
mimlijin kollha tgħajjir u nsulti, aġġettivi bħal: imdejqin, indannati,
imlaqqtin, maħruqin u litanija oħra ta’ kliem dispreġġjattiv. Allura ngħid jien
dan mhux hate speach ukoll? Jekk ssir minn Malti kontra Malti għax ma jkunx
kontra r-reliġjon jew is-sesswalita tiegħu jista’ jsir? Apparti li huwa nsult
lill-kultura Maltija u lill-festi tradizzjonali tagħna li suppost l-ewwel u
qabel kollox huma festi reliġjużi. U ara ma twaħħlux fil-kurja ta!
Hate speach huwa ikrah, dejjem kullimkien u jsir fejn isir, isir meta jsir, biss sfortunatament għadna l-bogħod biex verament nibdew ngħixu f’ambjent bla kliem ta’ mibgħeda.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Awwissu 2020
Nessun commento:
Posta un commento