Fil-jiem sħan tas-sajf kulħadd
ifittex ikel aktar frisk minn dak li normalment nieklu fix-xitwa. Anke fejn
tidħol deżerta, bosta jippreferu xi ħaġa kiesħa minflok xi biċċa ħelu. Għalkemm
il-ġelat jittiekel is-sena kollha, fis-sajf żgur li l-konsum tiegħu jiżdied
mhux ftit. Qrib tal-ġelat insibu l-granita. Ngħid għalija granita tajba
nippreferiha minn ġelat.
Hemm diversi ħelu li jixbaħ
lill-granita, imma ejjew nagħtu ħarsa lejn dan is-silġ b’tant togħmiet differenti u tajbin. Jekk irridu nitkellmu fuq
il-granita jaqbel naqsmu ftit sal-gżira ġara tagħna; Sqallija. Hemmhekk
il-granita hija speċjalità li tittiekel minn sbieħ il-jum sa tmiemu.
Ftit storja
L-oriġini tal-granita aktarx tmur
lura għad-dominazzjoni Għarbija fi Sqallija. L-Għarab ħadu magħhom ir-riċetta ta’
xarba magħmula bis-silġ u mħawra bil-meraq tal-frott jew ilma tal-ward imsejħa
Xerbat, li kienet tikkonsisti f’meraq ta’ frott u petali ta’ fjuri. Il-nobbli
ta’ Messina bdew jużaw is-silġ li fix-xitwa kien jinġabar minn fuq il-muntanji
Peloritani, Nebrodi, Iblei jew minn fuq l-Etna. Dan kien jinħażen f’għerien jew
kantini apposta imbagħad fis-sajf kien jiġi maħkuk u mgħotti bil-frott jew
ġulepp tal-fjuri. Dan il-proċess kien jissejjaħ “rattata” li ġejja mill-kelma
“grattata” li tfisser maħkuka. Dan it-tip ta’ ħelu sajfi għandna nsibuh ħafna
fil-belt ta’ Ruma u jissejjaħ “grattachecca romana”.
Matul is-seklu 16 sar tibdil fir-riċetta tax-xarbet. Sabu li tista’ tintuża l-borra mħallta mal-melħ
tal-baħar, biex tiffriża dak li tkun trid. Issa s-silġ, jew aħjar il-borra
miġbura minn fuq il-muntanji ma baqgħetx iżjed ingredjent iżda bdiet tintuża
biex jiġi prodotti s-silġ. Fasslu bħal borma tal-injam b’barmil taż-żingu fuq ġewwa,
li tiddawwar bis-saħħa minn żewġ mankijiet li jkollha fl-għatu. Dan il-metodu
daħal anke f’pajjiżna u kien jissejjaħ il-bezzun filwaqt li t-tip ta’ granita
li kienet issir fih kien jissejjaħ ġelat tal-bezzun. Illum safejn naf jien f’pajjiżna
ma għadx hawn min jagħmlu dan il-ġelat, Niftakar wieħed raġel, Għawdex
fil-festi ibigħ minn dan il-ġelat tant tajjeb.
Il-granita mħejjija b’dan il-mod
ħadet post ir-rattata. Matul is-seklu għoxrin ma baqax jintuża s-silġ
tal-muntanji għax bl-introduzzjoni tad-dawl elettriku bdew jinħadmu magni li
jkessħu. Fl-1961, in-Naplitan Salvatore Cortese ħareġ bid-disinn tal-ewwel magna tas-slush, tip ieħor ta’ granita. Nistgħu ngħidu li s-seklu li għadda beda bil-produzzjoni
manwali tal-granita u ntemm bi produzzjoni elettromekkanika tal-istess prodott.
Tajjeb insemmu wkoll li kuġin
tal-granita huwa s-Sorbett. Dan ikun fih ingredjenti differenti mill-granita. Is-Sorbett jkun fih l-alkoħol u
l-abjad tal-bajd mal-ingredjeti bażiċi tal-granita.
Ingredjenti u
togħmiet
Ftit li xejn huma l-ingredjenti tal-granita:
ilma, zokkor u meraq tal-frott. Għall-bidu l-ammont ta’ zokkor fil-prodott kien
ikun bejn ħamsa u għoxrin u ħamsa u tletin fil-mija. Illum jammonta għal madwar
tmintax fil-mija u nsibu wkoll granita bla zokkor għax potha tieħdu z-zakkarina
jew xi prodott ħelu ieħor milli nsibu llum.
It-togħmiet tal-granita jvarjaw ħafna. Jekk
nerġgħu mmorru Sqallija, il-pajjiż l-aktar famuż għaliha, naraw li kull parti tal-gżira
għandha t-togħma tal-granita favorita. L-aktar togħmiet popolari minn dejjem
kienu dawk tal-lumi, tal-lewż, tat-tut, tal-pistaċċi, tal-frawli kif ukoll tal-kafè.
Insomma nsibu wkoll tal-laring, tal-menta, tal-bettieħ, tal-ħawħ, tal-bajtar
tax-xewk, tat-tin, mandolin, rummien u ma nafx kemm-il togħma oħra. Ma tistax tgħid li ma ssibx xi togħma
tal-granita li togħġbok!
Fi Sqallija tista’ wkoll tara
differenza fil-granita li ssir f’belt minn dik li ssir f’belt oħra. Pereżempju
il-granita tal-lewż li ssir f’Sirakuża, aktarx ikun fiha l-biċċiet tal-qoxra
tal-lewża li tagħti lewn differenti mill-granita tal-lewż li ssir f’Ragusa. Ta’
dan l-aħħar post aktarx li tkun ċara aktar għax it-tieni qoxra tineħħa billi
l-lewża ma tintużax nejja imma tiġi nkaljata qabel issir ingredjent
għall-granita. Kif tistgħu tobsru anke t-togħma tvarja xi ftit.
Minn filgħodu
Darba għaddejt ġimgħa għand
familja ħabiba tiegħi minn Sirakuża. L-ewwel għodwa tiegħi stednuni għall-kafè
f’bar. Mort u skantajt kif mal-kafè offrewli wkoll cornetto bil-granita. Ma kinitx l-ewwel żjara tiegħi fi Sqallija,
imma issa kont qed ngħix ma’
nies tal-post u allura sirt naf id-drawwiet tagħhom mill-qrib. Ikolli nammetti
li għall-ewwel ħsibt li kont ser nistkerrah dik il-ħlewwa filgħodu kmieni iżda nistqarr magħkom li kont bdejt nistenna kull filgħodu biex mmorru sal-bar għall-cornetto u l-granita. Xi ħaġa ġdida oħra
li kont skoprejt matul dik il-ġimgħa kienet il-granita tal-kafè bil-panna
fuqha. Tajba, imma ngħid għalija l-aktar togħma ta’ granita li nħobb hija lumi
jew lewż morr. Billi ħafna joqgħodu attenti għall-kaloriji matul is-sajf,
ngħidu li granita medja jkun
fiha madwar mitejn kalorija iżda jekk il-porzjon ikun abbundanti, kif inħobbuh
aħna l-Maltin, allura l-kaloriji jkunu aktar ukoll.
Fis-sħana tas-sajf tkun trid xi
ħaġa friska. Granita tista’ tkun is-soluzzjoni.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Awwissu 2020
Nessun commento:
Posta un commento