venerdì 16 ottobre 2020

Tal-posta

 

Persuna li tagħtina servizz u forsi qatt ma niltaqgħu wiċċ imb wiċċ magħha hija dik li ġġibilna l-posta fid-dar tagħna. Ikollna nammettu li llum dan is-servizz naqas ħafna għax il-posta elettronika ħadet ħafna minn dak li kien jagħmel il-pustier sa ftit tas-snin ilu. Biss lanqas nistgħu ngħidu li xogħol il-pustier jew pustiera ma għadux importanti għax irridu niftakru li minkejja li ittra sirna nibghatuha b’mod elettroniku, kartolina bl-awguri nibgħatuha bl-internet u l-kontijiet nirċevuhom b’e-mail, ħafna mix-xiri tagħna qed isir mill-internet ukoll u jkunu l-pustiera li jwasslulna dak li nkunu xtrajna. Għalhekk nistgħu ngħidu li jekk xogħol il-persuna li tqassam l-ittri naqas minn naħa, żdied minn naħa oħra.

Kif bdiet il-posta


Cursus Publicus

Is-sistema ta’ tqassim ta’ xi ittra jew dokument minn post għal ieħor ma huwiex xi ħaġa ta’ żminijietna. Nafu li biex pajjiż jew imperu jew saltna jitmexxew sewwa jridu sistema ta’ komunikazzjoni tajba. Għalhekk ma niskantaw xejn meta nisimgħu min jgħid li sa elfejn sena qabel Kristu fl-Eġittu tal-qedem kien jeżisti servizz ta’ komunikazzjoni. Għalhekk il-mexxejja kien ikollhom għadd ta’ ħaddiema li kienu jwasslu xi messaġġ minn post għal ieħor. Dawn kienu jinqdew bi żwiemel biex iwettqu ħidmiethom. Fiċ-Ċina nsibu li dan is-servizz kien użat ħafna sa elf sena qabel Kristu. Jingħad li kien fiċ-Ċina wkoll li beda jiżviluppa s-servizz postali primittiv. Servizzi li jixxiebħu kienu jinstabu fost il-popli tal-Persja u l-Greċja

Bit-tkabbir tal-Imperu Ruman, li mill-Belt ta’ Ruma nfirex mad-dawra tal-Mediterran kollu, kien hemm ħtieġa ta’ dan is-servizz aktar minn qatt qabel, għalhekk inħoloq dak li beda jissejjaħ Cursus publicus. Dan nistgħu ngħidu li kien l-aktar servizz postali effettiv fid-dinja antika. Biex wieħed jifhem kemm kien effiċjenti dan is-servizz ngħidu biss li ittra f’24 siegħa kienet tasal sa 270 kilometru bogħod minn fejn tiġi mpustata. Din il-veloċità fit-tqassim tal-posta ntlaħqet biss fis-seklu XIX mis-sistema postali moderna. Mal-waqgħa tal-Imperu Ruman ma nistgħux ngħidu li din is-sistema ntemmet iżda tilfet ħafna mill-effiċjenza tagħha.

Frans Von Taxis
Fl-1497 Frans Von Taxis waqqaf servizz postali għall-Imperatur Massimiljan I tal-Imperu Sagru Ruman. Dan nistgħu ngħidu kien il-bidu tas-servizz postali modern fl-Ewropa. Dan kien imexxi dan is-servizz fl-Imperu kollu u fi Spanja u kien iwassal mhux biss ittri ta’ gvernijiet, slaten u mexxejja oħra imma anke ittri jew pakketti ta’ individwi. Ir-Re Enriku VIII tal-Ingilterra waqqaf servizz simili f’pajjiżu fl-1516 u erba’ snin wara r-Re tal-Portugall, Manwel I ukoll ordna li jibda servizz ta’ tqassim ta’ ittri f’pajjiżu. Hekk qed naraw kif bdiet il-posta fl-Ewropa.


F’pajjiżna

Lejn tmiem il-ħakma tal-Kavallieri f’Malta, kien inbeda servizz fejn ittri kienu jitwasslu minn pajjiżna sa Ruma u minn hemm jitqassmu lejn id-destinazzjoni tagħhom. L-akbar numru ta’ ittri minn Malta dak iż-żmien kien ikun lejn Franza. Fi żmien Napuljun Malta baqgħet għal ftit tgawdi minn dan is-servizz imma jidher li ftit li xejn kienu jintbagħtu ittri forsi minħabba l-kontrolli stretti tal-Franċiżi. Jidher li meta l-Ingliżi ħadu Malta taħt idejhom dan is-servizz ma kienx għadu jeżisti għalhekk ftit xhur wara reġa’ beda dan is-sevizz essenzjali. F’Malta, kolonja Brittanika, servizz postali tajjeb u effettiv kien xi ħaġa li ma seta’ jonqos qatt. Dan is-servizz baqa’ jitjieb anke wara tmiem l-era Ingliża f’Malta. Fl-1998 il-posta ta’ Malta ma baqgħetx f’idejn il-gvern imma saret kumpanija bl-isem ta’ MaltaPost.

Tal-posta

Darba kont qiegħed Ħaż-Żebbuġ u ġie raġel fuqi u staqsieni minn liema triq kont għax kien sema’ li jiena minn Ħal Qormi. Meta għidtlu isem it-triq li fiha kont noqgħod, beda jsemmili l-ġirien, li xi wħud minnhom kienu għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Beda jsemmili nies li kont nafhom sewwa għax trabbejt magħhom. U dan ir-raġel kien jafhom ukoll għax għamel xi għoxrin sena jqassam il-posta fit-triq tagħna. Semmieli n-nanna u l-bużnanna. Semmieli mara li kienet miżżewġa wieħed Żebbuġi bħalu, semmieli kważi lill-ġirien kollha.

Ir-relazzjoni tal-pubbliku mal-pustier kien differenti erbgħin sena ilu. Kien hemm nies li ma jafux jaqraw u li kienu jirċievu ittri mingħand uliedhom emigranti fl-Awstralja, l-Ingilterra jew l-Amerika. Għal dawn kien ikun hemm il-pustier li jaqralhom l-ittra tant mistennija u ġieli kien ikun dan l-istess pustier li jikteb it-tweġiba għal dik l-ittra. Il-pustier kien ikona għan-nies tat-triq., Mhux ta’ b’xejn fil-Milied kien jispiċċa mgħobbi b’kull tip ta’ ħelu u rigali oħra. Illum ma tkunx taf min hu l-pustier tiegħek, għax daqqa jiġi wieħed u daqqa jiġi ieħor. Illum intilfet dik l-intimità bejn tal-posta u r-resident.

Minkejja kollox, minkejja l-bidliet u l-iżviluppi, xorta waħda llum għad hawn ħtieġa ta’ dan is-servizz, ta’ dan jew din il-personaġġ importanti għalina lkoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ottubru 2020



Nessun commento:

Posta un commento