sabato 10 giugno 2023

MARGERITA

 

Bosta snin ilu, sewwasew meta kont għadni nistudja Napli, kellna laqgħa u fil-bidu kulħadd beda jintroduċi lilu nnifsu. Wieħed minna xħin kien imiss lilu qam u qal: “Io vengo da un fiore!” – “Jiena ġej minn fjura!” Ħadd ma fehem x’ried jgħid imma mbagħad fisser dak li kien qal u dlonk fhimna li huwa kien minn post jismu Margherita di Savoia u billi l-isem Margherita huwa wkoll isem ta’ fjura għamel din il-logħba bid-diskors. Jekk wieħed jaħseb ftit, l-isem Margerita huwa polivalenti, fih bosta tifsiriet. Naraw ftit.

Il-post

Nibda billi ngħid xi ħaġa żgħira dwar il-belt li ġġib dan l-isem. Margherita di Savoia hija belt Taljana ta' 11,180 abitant, illum fil- provinċja ta' Barletta-Andria-Trani fil- Puglia imma sal- 2004 kienet parti mill- provinċja ta' Foggia. Din il-belt hija magħrufa għas-salini tal-melħ li fiha u li huma l-akbar fl-Ewropa u t-tieni l-akbar  fid-dinja, salini li huma rikonoxxuti bħala riżerva naturali statali. Sal-1879 Margherita di Savoia kienet imsejħa Saline di Barletta, propju minħabba dawn is-salini li hemm fiha. L-isem inbidel bħala unur lir-Reġina Margerita ta’ Savoia, l-ewwel Reġina tal-Italja,  imma l-abitanti tal-belt illum jissejħu  kemm Margeritani kif ukoll Salinari, kif kienu jissejħu sa qabel inbidel isem il-belt. 

Ir-Reġina

Margerita ta' Savoia twieldet  Turin fl-20 ta' Novembru 1851 u mietet f’Bordighera fir-reġjun tal-Liguria fl- 4 ta' Jannar 1926. Hija kienet ir-reġina konsorti tar-Re Umbertu I u l-ewwel reġina konsorti tal-Italja. Forsi min hu midħla tal-istorja jgħid li l-ewwel re tal-Italja kien Vittoria Emanuele II, allura kif martu ma kinitx l-ewwel reġina konsorti? Il-mara ta’ Vittorio Emanuele II ta' Savoia, Maria Adelaide tal-Awstrija , kienet fil-fatt mietet fl- 1855, qabel ma r-Renju tal-Italja ġie mwaqqaf fl-1861. Bħala reġina tal-Italja, hija kellha  influwenza konsiderevoli fuq l-għażliet ta’ żewġha imma kellha seħer kbir fuq il-popolazzjoni Taljana. Skont l-istoriku Ugoberto Alfassio Grimaldi, Margerita ta’ Savoia kienet il-figura politika tal-Italja magħquda li qajjem “entużjażmu kbir fil-klassijiet ta’ fuq u ta’ isfel” wara Giuseppe Garibaldi u Benito Mussolini.

Il-pizza

Mela ħabiba tiegħi kellha tifla u xtaqet li ssemmiha Margerita. Mhux biss għax hija minn Ta’ Sannat imma wkoll għax isem sabiħ. Xi ħadd qalilha: “Int se ssemmi lil bintek għall-pizza?” Biddlet ħsiebha u semmietha mod ieħor. Biss dan huwa argument ħażin għax sewwasew hija l-pizza li ssemmiet għal persuna u mhux bil-kontra. Il-Pizza Margerita hija l- pizza tipika Naplitana , mimlija bit-tadam, mozzarella, ħabaq frisk, melħ u żejt li flimkien mal-pizza marinara, (li ma hijiex il-marinara li nsibu Malta għax dik fl-Italja tissejjaħ Frutti di Mare) hija l-aktar pizza popolari fl-Italja.

F'Ġunju 1889, biex jonora lir- Reġina tal-Italja, Margerita ta' Savoia , il-pizzar Raffaele Esposito tal-Pizzeria Brandi vvinta platt li sejjaħ Pizza Margerita. Waqt iż-żjara f’Napli tar-re tal-Italja Umbertu I ta’ Savoia u martu, dan il-pizzar intalab iħejji l-ikel għall-familja rjali fil-palazz ta’ Capodimonte. Il-pizza Margerita fiha tadam, ta’ lewn aħmar, mozzarella ta’ kulur abjad u ħabaq aħdar. Dawn it-tliet kuluri jiffurmaw il-bandiera Taljana. Jingħad li din il-pizza tant għoġbot lir-reġina li l-pizzar taha isimha, u hekk għadha tissejjaħ sal-lum.

Qed tara Marì, għidilha lil dik il-persuna li lil bintek għal persuna rjali kont ser issemmiha u mhux għall-pizza.

Il-fjura


Dik li bl-Ingliż tissejjaħ Daisy, bil-Malti , bħal fit-Taljan, insejħulha Margerita. L-isem xjentifiku tagħha huwa Leucanthemum vulgare li ġej minn żewġ kelmiet Griegi, leukos  li tfisser abjad u anthemon li tfisser fjura. Hija fjuri li tikber ħafna fl-ambjent Mediterranju. Insibu bosta tipi ta’ din il-fjura fosthom dik selvaġġa li tissejjaħ “lelluxa” pjanta li nsibuha b’mod abbundanti anke f’pajjiżna.

Minkejja li forsi ftit jadfu, il-Margerita għandha wkoll użu fil-kċina. Jingħad li l-blanzun tagħha jekk ikun immarinat jiġi qisu kappar.

U l-qaddisa

Ma nistgħux ngħidu dan kollu u nħallu barra l-qaddisa li ġġib dan l-isem. Biex ngħidu s-sewwa, hemm bosta qaddisin u beati li jġibu dan l-isem jew li dan huwa parti minn isimhom, bħal ngħidu aħna Santa Margerita tal-Iskozja, Santa Margerita tal-Ungerija u Santa Margerita Marija Alacoque. Ngħidu wkoll li hemm beata li ġġib l-isem ta’ Margerita ta’ Savoia, iżda ma hijiex ir-reġina li semmejna qabel.

Santa Margerita Verġni u Martri, li biex nifthemu, għaliha hija ddeikata il-knisja parrokkjali ta’ Sannat Għawdex, jingħad li kienet bint qassis pagan minn Antijoka tal-Pisidja  li kkonvertiet għall-Kristjaneżmu. Hija sofriet il-martirju għall-ħabta tas-sena 290 meta kien għad kellha biss 15-il sena. Din il-qaddisa hija waħda mill-14-il qaddis awżiljatur, u hi mitluba kontra l-mard tal-kliewi. Hija wkoll il-patruna li tipproteġi lin-nisa u lit-tarbija waqt it-tqala u l-ħlas. Niċċelebraw il-festa tagħha fl-20 ta’ Lulju.

Dawn huma kollha Margeriti li huwa isem ġej mill-Grieg li jfisser perla.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Ġunju 2023



Nessun commento:

Posta un commento