Hekk kif jesqu x-xhur sajfin, f’pajjiżna nibdew naraw il-festi parrokkjali li llum saru tradizzjoni Maltija li jfittxuhom bosta turisti. Għal dawk li huma dilettanti tagħhom jgħidulek li dan huwa l-isbaħ żmien tas-sena, mill-banda l-oħra dawk li ma jħobbux il-festi jibdew jgħoddu ġurnata ġurnata sakemm jgħaddi l-istaġun tagħhom. Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Ikollna nammettu li llum il-festi tagħna aktar saru vetrina ta’ artiġjanat milli okkażjoni ta’ turija ta’ fidi u qima. Sfortunatament issib lil dawk li għalihom il-festa hija biss marċi, briju u armar u ma jindenjawx ruħhom jersqu lejn il-knisja, li wara kollox tkun hija li torganizza l-festa għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal, b’kollaborazzjoni ma’ bosta għaqdiet oħra bħalma huma għaqdiet tal-armar, tan-nar u baned.
Nistgħu ngħinu?
Bosta jgergru għax bl-armar
fit-toroq jonqos l-ispazju tal-parkeġġi u dak li kun ma jsibx fejn iħalli
l-karozza. Oħrajn jilmentaw li minħabba l-marċijiet jiżdied it-traffiku għax
bosta toroq ikunu magħluqin minħabba l-attivitajiet tal-festa. Se naqsam
magħkom ħsieb tiegħi, forsi tistgħu taqblu miegħu jew tistgħu tgħidu li ma nafx
x’qed ngħid. Għadna kif ħriġna minn pandemija li sakkrittna ġewwa. Il-festi ma
sarux u mhux il-festi biss tħassru imma kull attività oħra. Minn din
il-pandemija tgħallimna li ħafna xogħol illum il-ġurnata jista’ jsir mid-dar.
Il-teleworking konna smajna bih imma qatt daqs ix-xhur tal-pandemija ma konna nafu
l-effiċjenza tiegħu. Kieku jsir sfors u fis-sajf, jiġifieri fix-xhur li fihom
niċċelebraw il-festi tagħna, jibda jsir xogħol mid-dar. Ovvjament fejn huwa
possibbli. Żgur li ħaġa bħal din tnaqqas drastikament it-traffiku mit-toroq
tagħna.
Ħaġa oħra li nissuġġerixxi hi li
dak li jkun juża t-trasport pubbliku aktar, iħalli l-karozza d-dar, fil-garage
jew ipparkjata ħdejn id-dar. Billi wieħed jimxi sakemm jaqbad tal-linja mhux se
taqa’ d-dinja. Forsi tgħiduli li wieħed ikollu jqum kmieni biex jasal fuq
il-post tax-xogħol bit-trasport pubbliku. Kollox sew, forsi għandkom raġun,
imma jekk tinqabad f’serbut karozzi mhux xorta tasal tard? U biex ma tasalx
tard mhux xorta trid titlaq kmieni? U biex titlaq kmieni mhux bil-fors trid
tqum qabel?
Mill-banda l-oħra nagħmel
suġġeriment lil dawk li jieħdu ħsieb l-armar fit-toroq. Fejn hemm armar antik
għandu jibqa’ imma fejn isir armar ġdid dan għandu jinħadem bi ħsieb. Rajt
pedestalli ġodda li jintramaw mal-ħajt, fuq il-bankina, fuqhom joqgħodu
l-istatwi. Idea tajba ħafna ngħid għalija għax hekk ma jonqsux postijiet
tal-parkeġġi. Tabilħaqq din il-ħaġa tista’ tkun skomda għal persuni li jkunu
fuq siġġu tar-roti jew b’xi push chair, imma jkollna nemmettu li f’pajjiżna
jeżistu bankini li anke meta ma jkunx hemm armar tal-festa, tant huma dojoq li
la jgħaddi siġġu tar-roti u lanqas push chair.
Il-programm
Illum ma hawnx festa li ma
toħroġx ktejjeb tal-festa. Dan jissejjaħ programm imma ma jkunx fih biss
il-programm tal-festa. Ikun fih messaġġi mill-membri tal-kumitat, li nemen li
99 fil-mija ta’ dawk li jakwistaw dawn il-programmi ma jindenjawx ruħhom
jaqrawhom. Ikun fih riklami għax l-ispejjeż tal-istampar iridu jiġu minn xi
mkien u fl-istess ħin iħallu xi ħaġa tal-flus ukoll. Imbagħad hemm programmi li
jkun fihom artikli ta’ interess kbir. Illum kull min joħroġ xi programm ifittex kittieba biex jiktbuhom xi
artiklu. Hija ħasra li artikli ta’ ċertu livell jispiċċaw ma jinqrawx.
Ladarba qed insemmi dawn il-kotba u l-artikli
li jkun fihom, infakkar li kull min joħroġ xi forma ta’ ktejjeb, mela anke
l-programm tal-festa, huwa marbut bil-liġi li jieħu żewġ kopji lil-librerija
pubblika. Dawn jintrefgħu u jistgħu jkunu ta’ riferenza għall-quddiem. Hekk
jixraq ukoll għall-kittieba li jkunu ħadu ħafna ħin ta’ riċerka biex kitbu
artiklu ta’ interess. Mhux sewwa li jgħaddi ż-żmien u jintrema kollox.
Veru li hawn min jagħmel kollezzjoni ta’ dawn il-programmi, imma din tkun
kollezzjoni private. B’kopji ta’ dawn il-programmi fil-librerija nazzjonali
ikun garantit li dak li nkiteb ma jintilifx. Barra dan, jekk il quddiem ikun
hemm min ikun irid ifittex dwar il-festi tagħna u kif qed niċċelebrawhom illum,
ikun jista’ jqalleb il-paġni ta’ dawn il-kotba u jsir jaf.
Il-ħin
L-aħħar argument tiegħi huwa dwar
il-ħinijiet tal-ħruq tan-nar u tal-marċi, speċjalment dawk ta’ filgħaxijiet.
Nemmen li n-nar tal-ajru għandu jintemm sal-11pm. Bi ftit sforz mill-partijiet
kollha li huma nvoluti fil-festa nemmen li din il-ħaġa tista’ sseħħ. Id-daqq
tal-marċi mod ieħor. Hemm marċi li jdumu sa wara nofsillejl, biss dawn ikunu
akarx darba biss matul il-ġimgħa tal-festa u jekk ikun hemm aktar minn jum
wieħed, nemmen li r-rotot tal-marċi ma jkunux l-istess, għalhekk akarx li dawk
li ma jħobbux il-festa jkollhom jum wieħed biss ta’ inkonvenjent.
Hemm ħafna aktar x’ngħidu, imma
nieqaf hawn. Nemmen li bi ftit tal-ħsieb, bi ftit rieda tajba u b’ħafna
koperazzjoni din it-tradizzjoni Maltija tista’ tibqa’ miexja ’l quddiem bla ma
ddejjaq lil ħadd.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ġunju 2023
Nessun commento:
Posta un commento