Żgur li jekk naqbdu
argument dwar l-għana u l-faqar ma nispiċċaw qatt għax huwa suġġett li kulħadd
jarah skont kif jolqot lilu. Mhux is-soltu tiegħi nikteb artikli li joħolqu
polemiċi imma llum ma nistax inħalli dan il-ħsieb li qed itaqqalni għaddej bla
ma naqsmu magħkom.
Benessere
Qiegħed nuża l-kelma
Taljana Benessere biex nibda
l-argument tiegħi. Il-benessere li
qed nirreferi għalih hawnhekk ma għandux x’jaqsam mas-saħħa, mal-fatt li wieħed
ikun b’saħtu fiżikament, minkejja li din il-kelma tfisser hekk ukoll, irrid
nifhem biha dak li bl-Ingliż jissejjaħ welfare, għalkemm anke din il-kelma hija marbuta
mal-istat tas-saħħa tal-bniedem. Li rrid nirreferi għalih jien huwa l-istat
finanzjarju ta’ dak li jkun.
Pajjiżna ilu għexieren
ta’ snin sejjer il quddiem. Illum lanqas tarafha lil Malta minn dik ta’ erbgħin
jew ħamsin sena ilu. Fi ċkunitna d-dinja kienet mod ieħor, djarna, triqatna,
pajjiżna kienu kollha differenti minn kif insibuhom illum. Ejjew nagħti ħarsa
lejn dar tipika ta’ erbgħin sena ilu biex naraw xi differenzi. Fid-dar komuni
ma kontx issib telefon u min kien ikollu bżonn jagħmel telefonata jew kien imur
l-għassa tal-Pulizija jew il-pjazza jinqeda mill-kabina tat-telefon pubbliku.
Il-kamra tal-banju ma kinitx dik li nafuha llum. Il-ħasil tal-persuni kien isir
fil-banju taż-żingu u fix-xitwa l-ilma jissaħħan fuq tal-istim. Illum mhux
talli għandna l-banju jew id-doċċa komda, imma għandna l-misħun lest kemm
niftħu vit. U llum mhux kamra tal-banju waħda sar ikollna fid-dar, illum dħalet
il-moda tal-en suite. Mhux talli ma
kellhomx en suite in-nanniet tagħna
imma aktarx kienu jridu joħorħu fil-bitħa biex imorru sal-kamra l-baxxa! U xi
ngħidu għat-teknoloġija. Mhux tablets
u laptops ma kellhomx il-ġenituri
tagħna, imma min kellu magna tal-ħasil kien meqjus sinjur. Televiżjoni abjad u
iswed min kien jista’ jixtri wieħed kien ikun akwista xi ħaġa kbira. Illum
il-magna tal-ħasil taħsillek u tagħsarlek il-ħwejjeġ waħdeha. Tonxorhomlok
jonqosha! Televiżjoni għal wieħed, tnejn, tlieta ġewwa djarna biex b’hekk l-omm
tara l-films, il-missier jara l-futbol u l-ulied jaraw il-programmi tagħhom bla
ma ħadd itellef lil ħadd. X’differenza! U xi ngħidu għall-ħruġ? Ir-ristoranti,
il-ftit li kien hawn, kienu għal ftit eluf ta’ turisti, l-aktar Ingliżi, li
kienu jiġu jżuru pajjiżna. Il-Malti kien imur fihom f’xi okkażjoni rari,
f’tieġ, il-Milied u min jaf meta aktar, jekk ikun hemm aktar! Illum l-ikel
barra sar appuntament ta’ kull ġimgħa. Ma nistgħux inħallu barra s-safar.
Għall-Malti s-safar kien ifisser jew xogħol jew rarament xi ħtieġa ta’ kura
medika. Illum le, illum insiefru darba, tnejn jekk mhux ukoll tliet darbiet
fis-sena. Dari ġurnata Għawdex kienet xi ħaġa speċjali u ġita mqar sa Sqallija
kienet biss ħolma li xi wħud ġieli għamluha realtà. Illum kollox differenti –
għall-grazzja ta’ Alla!
Ikollna nammettu li għandna anke ċertu lussu
żejjed li mingħajru xorta ngħaddu, imma tant drajna bih li kważi kważi sirna
nqisuh bżonn.
Faqar
Dan l-aħħar xhur, qiegħed
ninnota li fuq il-bieb tal-kunvent fejn ngħix qed jiġu bosta nies jittalbu.
Mhux nies anzjani imma żgħażagħ. Jiġu jittalbu ewro jew tnejn bl-iskuża li ma
għandhomx għal tal-linja. Tkun tixtieq tgħin lil kulħadd, imma lanqas jekk
ikollok bir ewro ma jservuk għax il-problema ma’ dawn it-talin hija li wieħed
jgħid lil ieħor u tispiċċa b’xi għoxrin ruħ kuljum. Kieku jkollok tagħti żewġ
ewro lil kulħadd tispiċċa li lanqas paga ta’ xahar ma sservik aħseb u ara
d-daqsxejn pocket money li nirċievu
aħna l-patrijiet!
Dawn li jiġu jittalbu ma
humiex kollha Maltin; jiġu jħabbtu l-bieb jew iwaqqfuk fit-triq anke persuni
ta’ nazzjonalità barranija, ikellmuk bl-Ingliż. Dawn jaħasra jkunu telqu
pajjiżhom biex illum sabu rwieħom fl-istess qagħda li kienu jew forsi agħar.
Għalija dan huwa kollu faqar li bilfors irrid nirrifletti ftit fuqu. Possibbli
li llum meta għandha welfare daqsant
tajjeb f’pajjiżna, hawn min iħabbat il-bieb ta’ kunvent tal-patrijiet biex
jittallab biċċa ħobż x’jiekol? Nemmen li hemm xi ħaġa ħażina, anzi ħażina
ħafna. Nissuspetta li dawn huma vittmi ta’ xibka mħabbla sewwa. Għandu menjn
dawn huma persuni li sabu ruħhom f’labrint li ma jistgħux joħorġu minnu
minkejja l-għajnuna kollha li l-pajjiż kif ukoll il-Knisja joffru f’każi bħal
dawn. Bil-fors li hemm xi ħaġa mgħawġa, hemm xi ħaġa mhux sewwa f’dawn il-każi!
Għana u faqar li jimxu
ħdejn xulxin, fl-istess triq, fuq l-istess banikna. Għana u faqar li ssibhom
fl-istess dar, taħt l-sitess saqaf, forsi fl-istess familja, forsi bejn l-aħwa.
Hemm bżonn inqumu, irridu nistembħu mir-raqda. Din hija realtà li aktar ma
jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber. Hemm bżonn ma ħalluhiex tilħaq livell li ma
jkollneix kontroll fuqha.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento