venerdì 30 marzo 2018

Bejn mewt u ħajja


Sibt il-Għid huwa jum li minn dejjem affaxxinani għax inħoss sentiment li mhux faċli nfissru bil-kliem aħseb u ara bil-kitba! Ma nafx jekk tħossux l-istess sentiment bħali. Ovvajment qed nirreferi għal dawk li jħaddnu l-istess twemmin reliġjuż tiegħi għax għal min ma jemminx bħali dan huwa jum bħall-kumplament tas-sena.

Għall-Insara
Għall-Insara Sibt il-Għid huwa l-jum li ra l-akbar ġrajja sseħħ, bniedem mejjet jerġa’ jieħu l-ħajja, bniedem ikkundannat għall-mewt mal-agħar kriminali, jirxoxta mill-mewt u jibqa’ mfakkar eluf ta’ snin wara. Sibt il-Għid huwa jum speċjali għax jagħti anke tifsira lill-mewt, jgħaddi bħal passaġġ mill-mewt qerrieda għall-ħajja rebbieħa, mill-firda għall-għaqda, mid-disperazzjoni għall-hena, mid-dlam għad-dawl.

Il-mewt
Għalina l-bnedmin il-mewt tidher bħala tmiem, telfa, disperazzjoni, firda u dak kollu li ma nixtiequx. Narawha hekk għax il-bniedem maħluq biex jgħix u mhux biex imut, imma liema ħajja tassew aħna maħluqin għaliha? Il-fidi tagħna tgħallimna li aħna ma konniex maħluqin biex nibqgħu ngħixu f’din id-dinja imma biex kif tintemm il-ħajja fuq din l-art tibda oħra differenti, ħajja li l-moħħ tagħna ma jistax jifhem kif tista’ tkun.

Dejjem laqtitni l-frażi: “Life is a journey not a destiantion” Il-ħajja ma hijiex post li fih għandna naslu u nibqgħu imma hija vjaġġ li twassalna f’punt li rridu jew ma rridux ilkoll irridu naslu fih fejn ninħallu minn kull rabta li jista’ jkollna ma’ din id-dinja. Jekk toqgħod taħseb ftit tinduna li anke tarbija tat-twelid xi darba trid tkun katavru! Kemm qbadt argument ikrah illum, imma dan għamiltu biex wara li ngħaddu mid-dlam tal-mewt, napprezzaw aktar id-dawl li jġib miegħu Sibt il-Għid.

Dawl
Il-liturġija tal-Knisja Kattolika fil-lejl tal-Għid toffri mumenti tassew interessanti. Il-funzjoni fil-knisja tibda fid-dlam. Waqt li l-knisja tkun mudlama isir it-tberik tan-nar. In-nar jagħtina d-dawl, u mhux biss, in-nar huwa ta’ għajnuna kbira għalina l-bnedmin. L-annimali jibżgħu min-nar u jaħarbu minnu iżda l-bniedem jużah biex idawwal daru, isajjar l-ikel tiegħu u jsaħħan il-postijiet fejn jgħix. Din hija waħda mid-differenzi li hemm bejn l-annimal bla raġuni u l-bniedem, din hija waħda mill-provi li l-bniedem huwa superjuri għal kull speċi ta’ annimal ieħor. Fil-funzjoni ta’ Sibt il-Għid anke d-dawl tal-knisja jinxtegħel bil-mod u minn knisja mudlama ftit ftit tiġi mixgħula kollha biex tħabbar il-ferħ ta’ dan il-lejl hekk speċjali, id-dawl juri li mill-mewt għaddejna għall-ħajja.

Illum il-ġurnata biddilna anke r-rutina tal-ħajja tagħna għax għandna d-dawl elettriku. Sa mitt sena ilu ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li jaħdem bil-lejl, l-ebda student ma kien jibqa’ sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jikteb u jistudja għax id-dawl kien skars. Bid-dawl elettriku biddilna ħajjitna u llum sirna nistgħu nagħmlu li rridu matul il-lejl għax għandna l-kumdità tad-dawl.

Żarmar u armar
Fl-għodwa tal-lum ikun hemm ħafna attività fil-knejjes tagħna, speċjalment f’dawk li bħall-bieraħ jorganizzaw il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Filgħodu kollox irid isib postu, statwi, ilbies u aċċessorji oħra, u dak kollu li jinvolvu dawn l-attivitajiet. Il-knisja trid titnaddaf u tintrama għall-Għid. Min għandu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt irid jarmaha għax għada trid toħroġ iddur fit-toroq tal-belt jew raħal.

Hawn tajjeb nuru l-apprezzament tagħna lil dawk il-bosta persuni li jaħdmu b’mod volontarju biex l-attivitajiet li jsiru fil-knejjes tagħna f’dawn il-jiem ikunu jistgħu jsiru. Żgur li mingħajr l-għajnuna ta’ dawn id-dilettanti l-attivitajiet li jkollna f’dawn il-festi jkunu bil-wisq inqas. Kif tista’ torganizza dak kollu mingħajr id-daqqa ta’ id tal-volontier? Nassigurakom li kieku kellna nħallsu lil dawk li jmiddu idejhom għax-xogħol f’dawn il-jiem, kieku ma naslux biex nagħmlu kwart ta’ dak li nagħmlu, imma grazzi għad-delizzju u l-imħabba lejn il-kultura tagħna, dawn l-attivitajiet jibqgħu jsiru minn sena għal oħra. Pubblikamnet ngħid grazzi lil dawk kollha li jgħinu. Mingħajr l-għajuna tagħkom inbatu ħafna u nitilfu dak li writna mingħand missirijietna. Mingħajr il-ħeġġa tagħkom minflok ngħaddu mill-mewt għall-ħajja nispiċċaw immorru mill-ħajja għall-mewt.

Kemm ħsibijiet f’dan il-jum partikolari. Sibt il-Għid fejn minkejja li għal xi wħud huwa jum bħall-oħrajn, għal min jemmen dan huwa jum speċjali, jum li biddel ix-xorti tal-bniedem. Għal min hu dilettant tal-kultura u d-drawwiet ta’ pajjiżna huwa jum ta’ ħidma li jisbaħ fid-dlam imma li jsib it-tmiem tiegħu mdawwal b’dawl kbir.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 31 ta' Marzu 2018



Nessun commento:

Posta un commento