venerdì 6 aprile 2018

Jum uniku




Il-jum tas-7 ta’ April, 2018, illum, huwa jum differenti mill-bieraħ u differenti minn għada, bħalma huwa kull jum tas-sena, imma llum huwa jum speċjali għal aktar minn ħaġa waħda. Ma nistax inħalli dan il-jum għaddej bla ma nikteb dak li ħsibt dwaru.

Filgħodu
Fil-konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt, dalgħodu sejra ssir l-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ disa’ żgħażagħ. Tnejn minnhom huma saċerdoti djoċesani, tnejn patrijiet Kapuċċini, tnejn membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, wieħed Dumnikani, wieħed Karmelitan u wieħed Sależjan. Meta tħoss li tkun qbadt it-triq ’l isfel u mbagħad issib disa’ persuni li minkejja l-kurrent u l-mewġ kollu, jiddeċiedu li jagħtu ħajjithom għas-servizz tal-oħrajn permezz tas-saċerdozzju, tħossok tieħu n-nifs u tgħid li mhux kollox ħażin. Ninsab ċert li mhux kollox ħażin fid-dinja, iżda fil-ħajja hija ħaġa normali li l-ħażin jinstema’ aktar mit-tajjeb.

Dalgħodu dawn id-disa’ djakni sejrin itemmu ħolma li min jaf kemm ilhom joħolmu. Naf sewwa lil Alan u naf ukoll lil Bernard, imma jiena ċert li lkoll jinstabu mimlijin entużjażżmu u kuraġġ għall-ħajja li sejrin jibdew mil-lum. Żgur li għada filgħodu ma jkunux iridu jemmnu li jkunu qamu għal jum ġdid bħala saċerdoti. Awguri Alan, Alex, Anton, Bernard, Elmar, Giovann, Jethro, Kenneth u Kurt. Tfajtu idejkom fuq il-moħriet, tħarsux lura!

F’nofsinhar
Bħala parti mill-attivatjiet tal-Valletta 2018 illum hemm programmata r-regatta. Oriġinarjamnet dawn it-tiġrijiet kienu jsiru fil-Vitorja, nhar it-8 ta’ Settembru, fil-festa li tfakkar ukoll ir-rebħa tal-Maltin u l-Kavallieri fuq it-Torok u wkoll ir-rebħa tal-alleati fuq il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu fit-tieni gwerra dinjija. Mat-tmiem tal-bażijiet Brittaniċi f’pajjiżna, dawn it-tlielaq bdew isiru wkoll fil-31 ta’ Marzu; Jum il-Ħelsien, waħda mill-festi nazzjonali ta’ pajjiżna. Din is-sena dan il-jum inzerta Sibt il-Għid u għalhekk ir-regatta sejra ssir illum.

Filgħaxija
Bosta Maltin ilhom jistennew din il-lejla għaliex tassew hija unika u li qatt ma rajna bħalha. Fil-Belt Valletta fis-sitta sejrin jibdew ħerġin erba’ purċissjonijiet mit-tliet parroċċi Beltin u mill-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. San Duminku, San Pawl, Santu Wistin u l-Madonna tal-Karmnu sejrin jiltaqgħu flimkien ġewwa misraħ San Ġorġ biex minn hemm jingħaqdu f’purċissjoni waħda li timxi tul Triq ir-Repubblika. Wara kull purċissjoni tibda sejra lura lejn il-knisja minn fejn tkun ħarġet. Din l-attività qegħda tissejjaħ “Il-Festa l-Kbira” u tabilħaqq hija kbira għaliex meta qatt rajna l-erba’ statwi titulari tal-Belt Valletta f’purċissjoni waħda? U meta noħolmu li għad nerġgħu narawhom? Għax din hija “Il-Festa l-Kbira” ma jistax jonqos li jkun fiha wkoll il-logħob tan-nar. Se jkun hemm ukoll l-armar fit-toroq tal-Kapitali tal-Kultura. Festa bla naqra armar u bla ftit nar x’festa tkun? Jien ma rridx nappoġġja l-estrem imma rrid inkun saqajja mal-art: biex ikollna festa verament Maltija jrid ikollha ftit nar u xi ftit drapp, bnadar, pavaljuni u xi trofew ukoll. Festa mingħajr dawn l-elementi tissejjaħ pellegrinaġġ.

Riflessjoni
Waqaft naħseb ftit fuq din l-attività kbira u unika. Saħħaħt il-fehma li dejjem kelli, dik  li l-festa Maltija hija l-vetrina kulturali ta’ pajjiżna. Propju fis-sena li fiha Beltna hija l-Belt Kapitali Kulturali tal-Ewropa, sibna l-okkażjoni biex nagħmlu xi ħaġa li qatt ma saret. Il-festa tagħna hija wirt kulturali kbir li evolva biż-żmien u li għadu qed jevolvi. Meta ngħid li hemm elementi li qed jevolvu ma rridx nirreferi għad-discos jew parties, li wkoll daħlu fil-festi tagħna mhux mill-bieb imma mill-ventelatur. Evoluzzjoni fil-festi tagħna saret fl-armar; qabel l-armar kien kollu tal-injam, illum anke l-materjal inbidel u mal-injam qed insibu wkoll il-fibre glass. L-arti piroteknika wkoll evolviet, illum sirna naraw wirjiet ta’ nar sinkronizzat mal-mużika, ħaġa li ma iliex wisq li bdiet f’pajjiżna. U min jaf x’għad naraw u x’għad jaraw uliedna aktar il quddiem.

L-għeruq ta’ kollox
Inkunu qegħdin nagħmlu żball kbir jekk ninsew il-bidu tal-festi tagħna. L-ewwel u qabel kollox dawn huma festi reliġjużi li magħhom żdiedu attivitajiet kulturali biex jagħtu ftit ta’ divertiment lill-poplu. Ejjew ma ninsewx li kienet il-Knisja li bdiet dawn il-festi meta f’pajjiżna ma kien hawn l-ebda mod ieħor ta’ żvog għall-fqir. Illum hawn min irid il-festa imma ma jridx lill-Knisja. Ħadt gost li fil-Festa l-Kbira, sejrin isiru erba’ purċissjonijiet li jingħaqdu f’waħda biex b’hekk din tkun mhux sempliċiment attività kulturali li tnessi l-ġenesi tal-festa. Ħsieb ieħor li ġie f’moħħi huwa dan: minkejja l-garr li sikwiet nisimgħu dwar l-armar tal-festa u dwar il-logħob tan-nar, biex norganizzaw Festa Kbira u nippreżentawha lill-Ewropa kollha ma stajniex inħallu barra dawn iż-żewġ elementi importanti. Jien kontra kull esegrazzjoni, imma nemmen li jekk tħalli xi ingredjenti barra, ma tkunx tista’ tistenna riżultat sodisfaċenti.

Illum huwa jum li ma jintesiex malajr!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  7 ta' April 2018





Nessun commento:

Posta un commento