Żgur li kulħadd jaqbel miegħi jekk ngħid li waħda mill-isbaħ
fażijiet tal-ħajja tal-bniedem hija ż-żgħożija, iż-żmien li ma tkunx għadek
tfal imma lanqas tun għadek ilħaqt l-età li tkun matur mija fil-mija. Żmien
iż-żgħożija huwa żmien l-avventuri, żmien il-bluha, żmien il-fantasiji, żmien
l-ewwel imħabba, żmien fejn dak li tkun tixtieq tagħmel tagħmlu dak il-ħin bla
ma toqgħod tistenna jew tqis xejn. Għalhekk qed ngħid li ż-żgħożija hija wieħed
mill-isbaħ żminijiet matul il-ħajja tal-bniedem.
Attività
Minkejja li hemm it-tendenza li l-żgħażagħ jiġu kkritikati
żżejjed mill-ġenituri u mill-adulti l-oħra, ikollna nammettu li ħafna drabi
l-ġudizzji dwarhom ikunu ħżiena jew preġudikati. Ikollna nammettu li
ż-żminijiet inbiddlu u ma għadhomx dawk ta’ meta konna żgħażagħ aħna.
Snin ilu lanqas timmaġina li tmur l-Università bla ġlekk u
ngravata, illum mhux il-glekk u l-ingravagta ma tarax, imma tara studenti
b’jeans kollu mċarrat. Dik hija l-moda! Il-ġlekk u l-ingravata tilfu posthom.
Anzi biex inkunu ngħidu s-sewwa kollu, dawn kienu l-ħwejjeġ ta’ kuljum ta’ dawk
ta’ qabilna. Ħaddiem it-tarzna kien jilbes il-ġlekk biex imur għax-xogħol u
jbiddel fil-post biex jaħdem u wara li jintemm il-jum tal-ħidma jerġa’ jilbes
il-ġlekk u l-ingravata biex imur lejn id-dar. Imma dik kienet ħajja oħra, ħajja
li lanqas aħna li ersaqna jew li xellifna in-nofs seklu, ma niftakru.
Il-punt tiegħi huwa li ż-żgħażagħ ma għandniex nikkritikawom
mid-dehra tagħhom iżda mill-imġieba.
Fsied
Ġieli nisimgħu li ż-żgħażagħ tal-lum huma mfisdin iż-żejjed.
Nammetti li anke jien ġieli ngħid l-istess ħaġa. Imma l-fsied min tahulhom?
Mhux aħna l-adulti, il-genituri u n-nanniet li fissidna ż-żejjed lill-uliedna?
Is-soċjetà bdiet tagħti bosta drittijiet lill-ulied bil-konsegwenza li dawn
id-drittijiet ittieħdu mingħand il-ġenituri. Illum anke jekk xi ħadd jgħolli
ftit leħnu ma’ adolexxent jew żagħżugħ, malajr jiġi mhedded b’abbuż. Il-qawl
Malti: <<Is-swat ħareġ mill-ġenna kull min iduqu jithenna>> mhux biss tilef is-sens li kellu imma naħseb
anke postu mil-lista tal-proverbji Maltin tneħħa. Ara jfettillekx tagħti xi
daqqa lill-ibnek jew bintek ħalli tispiċċa l-qorti! Imma dan tort taż-żgħażagħ
jew tas-soċjetà? Mhux se nkun jien li nwieġeb din il-mistoqsija.
Ġergu
Għalija "Mazza" tkun xi ħaġa bħal din, għaż-żgħażagħ mhux hekk imma! |
Ħaġa li verament niggosta fiż-żgħażagħ huwa l-mod kif
jitkellmu bejniethom. Iż-żgħażgħ għandhom lingwaġġ għalihom, dak li teknikament
jissejjaħ il-Ġergu, kliem li bejniethom jinftiehem imma aħna li ma nkunux parti
miċ-ċirku ma nifhmuhx. Pereżempju għalina mazza hija biċċa għodda, imma mur
staqsi żagħżugħ xi tfisser “mazza” u jgħidlek li tfisser tfajla sabiħa. Imma
għalfejn jgħidluha “mazza!? Le ħej, issa din mhux ħa ngħidhielek jien, mur
staqsi lilhom!
Jaffaxxinani l-mod kif isellmu lil
xulxin iż-żgħażagħ, l-aktar il-ġuvintur. Ċertu kliem jew frażijiet li għalina
l-adulti huwa offensiv għalihom huwa kumpliment. Jekk żagħżugħ jiltaqa’ ma’
sieħbu, ma’ ħabib kbir tiegħu, ma jrid xejn biex isellimlu b’aġġettiv xejn
sabiħ. Bejn il-ħbieb dan jista’ jkun l-akbar kumpliment, sinjal ta’ ħbiberija
intima kbira, imma jekk l-istess tislima jkolli ngħidha jien li xi ħadd żgur li
jinqala nkwiet kbir għax it-tifsira tal-istess kelma, fil-faxxa tal-età tiegħi
tinftiehem bħala offiża.
Hu x’inhu, iż-żgħożija bija żmien li lkoll kemm aħna
nibkuha, u meta niftakru fiha nħosssu nostalġija kbira, inħossu xewqa li
nerġgħu ngħixuha, nerġgħu nkunu fiha, iżda nafu li din hija biss xewqa bla
temma! Mela jekk għadek fiż-żgħożija, ħabib, ħabiba, gawdiha!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 22 ta' April 2018
Hello
RispondiElimina