Qisu f’nofs Triq l-Ifran
ġewwa l-Belt insibu l-knisja ddedikata lil Santu Wistin. Din hija gawhra oħra
minn dawk li bihom hija mimlija l-belt kapitali tagħna, fiha wkoll storja u
anke kurżitajiet marbutin magħha li tajjeb wieħed ikun jafhom jew tal-inqas
ikun jaf xi ħaġa żgħira minnhom.
Oriġini
Fl-1571, waqt li l-belt
il-ġdida fuq l-Għolja Xiberras kienet qed tinbena, il-patrijiet Agostinjani ġew
mogħtija biċċa art mill-Kavallieri ta’ San Ġwann biex fuqha tinbena knisja biex
isservi lill-poplu li aktar tard kellu jmur jgħammar f’dik ix-xaqliba tal-belt
u kunvent ħdejha sabiex fih jgħixu l-patrijiet li kollhom jagħtu servizz f’din
il-knisja. Kien fi żmien il-Gran Mastru Pietro del Monte, mexxej li ħadem kemm
felaħ biex il-ħolma tas-suċċessur tiegħu Jean de la Valette isseħħ. Il-pjanti
tal-knisja kif ukoll tal-kunvnet saru mill-Malti Ġlormu Cassar, arkitett li
ħalla bosta opri minn tiegħu f’din il-belt.
Maż-żmien inħasset
il-ħtieġa li jinħattu kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent u jerġgħu jinbnew
mill-ġdid. Il-bini beda fl-1765. Il-knisja tbierket u nfetħet uffiċjalment
għall-fidili sewwasew għoxrin sena wara l-bidu tal-bini tagħha. Din il-knisja
Barokka kienet ikkonsagrata fl-1906. Fl-1968 din il-knisja saret parroċċa u
ħadet il-konfini tagħha minn dik tal-Portu Salvu u San Duminku.
Devozzjonijiet
Tabilħaqq li din
il-knisja hija ddedikata lil Santu Wistin iżda fiha nsibu d-devozzjoni lejn
il-Madonna taċ-Ċintura, titlu Marjan marbut sewwa mal-Ordni Agostinjan u nsibu
wkoll id-devozzjoni lejn Santa Rita, il-qaddisa tal-każi impossibli li kienet
soru Agostinjana. Ma jistax jonqos li la nsibu d-devozzjoni nsibu wkoll
l-istatwi. Fil-knisja nsibu statwa
tal-Madonna taċ-Ċintura xogħol Karlu Darmanin u statwa ta’ Santa Rita xogħol
Vincenzo Cremona.
Arti
Fil-knisja nsibu bosta
pittura li tirrakkonta xi siltiet mill-ħajja tal-qaddis ta’ Ippona, Wistin.
Ħafna minn din il-pittura hija tal-artist Malti Ġanni Vella. Hekk kif tidħol
fil-knisja tolqtok id-dehra ta’ statwa ta’ Santu Wistin li nsibu fin-nofs wara
l-artal maġġur. Din kienet inħadmet minn Ċikku u Glormu Fabri tal-Kottonera.
Fil-ġnub tal-kor insibu żewġ kwadi xogħol tal-artist minn Perugia Domenico
Bruschi. Tajjeb ngħidu li ta’ dan l-artist insibu fost oħrajn il-kwadru
tal-Lunzjata fil-Katidral tal-Imdina. Fuq l-artal ta’ San Nikola ta’ Tolentino nsibu
kwadru mpitter minn Mattia Preti. Dan kien jinstab fil-knisja l-qadima.
Opra tal-arti mill-isbaħ
huwa l-pulptu u ta’ min jinnota wkoll il-kwadri tal-Via Sagra tal-mużajk li
nsibu. Insomma f’din il-knisja wieħed isib x’jara!
Il-mużika titqies ukoll
bħala arti u għalhekk tajjeb hawnhekk insemmu l-orgni li nsibu f’din il-knisja.
Dan inbena mid-ditta Taljana Mascioni. Dawk li għadhom ċerta awtorità f’dan
il-qasam għandhom kliem ta’ tifħir għal dan l-orgni tal-kanen. Dan kien
irrsetawrat ftit tas-snin ilu u llum wieħed jista’ jgawdi kemm id-dehra sabiħa
tiegħu kif ukoll il-ħoss li joħroġ minnu. Dan huwa gojjel ieħor f’din
il-knisja.
Statwa titulari
Wara li din il-knisja
saret parroċċa, inħasset il-ħtieġa li ssir statwa titulari għall-festa
tal-qaddis patrun. Din kienet tal-injam, saret fi Spanja mid-ditta Ruffina u
waslet Malta fl-1972. L-abbozz għal din l-istatwa kien sar mill-iskultur Ċensu
Apap iżda bosta jsostnu li bejn l-abbozz u l-istawa hemm differenza kbira. Din l-istatwa daret it-toroq tal-parroċċa
fil-festa titulari li ssir kull sena imma issa saret oħra ġdida mill-artisti
Alfred Camilleri Cauchi u ibnu Aaron. L-istatwa l-ġdida hija minquxa fl-injam u
sejra tieħu post il-qadima. Illum nissogra ngħid li din il-parroċċa għandha
waħda mill-isbaħ vari titulari f’pajjiżna.
Kurżitajiet
Meta bdiet tinbena
l-ewwel knisja, il-mexxej tal-patrijiet Agostinjani f’Malta kellu l-permess
tal-bini mingħand il-Gran Mastru iżda ma kienx talab il-permess tal-Isqof
tad-djoċesi. Dan ġie proċessat u nstab ħati li naqas mill-obbligi tiegħu li
jitlob il-permess mingħand il-kap spiritwali ta’ Malta. Il-permess mingħand
il-kap ċivili ma kienx biżżejjed. Il-patri spiċċa ħallas qares ta’ dan l-iżball
għax kien issentenzjat tmien xhur ħabs.
Kurżità oħra hija marbuta
mal-istatwa ta’ Santa Rita. Jingħad li din saret minn Ċensu Cremona bħala radd
ta’ ħajr wara grazzja li kien qala’ bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa. Huwa
ħadem l-istatwa u kellu f’moħħu li jgħaddiha lill-knisja ta’ Stella Maris ġewwa
tas-Sliema. B’xi mod din l-istatwa ngħatat lil Agostinjani tal-Belt Valletta.
Żgur li biex wieħed
igawdi dak kollu li fiha din il-knisja jrid iżurha matul il-jiem tal-festa li
ssir ta’ kull sena fix-xahar ta’ Mejju. Hemmhekk dak li jkun ikun jista’ jara
l-artali kollha armati, id-damask u nsomma dak kollu li wieħed jistenna li jsib
fi knisja Barokka ġewwa belt Barokka bħalma hi l-Belt Valletta.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento