venerdì 20 aprile 2018

Nagħlqu l-knejjes


Ftit ġimgħat ilu rajt aħbar fuq il-media soċjali li għadd ta’ knejjes fl-Ingilterra qegħdin jinbiddlu f’moskeji. Bosta kienu dawk li wrew in-niket tagħhom dwar dan il-fatt, bosta oħrajn kitbu messaġġi dwar dan il-fatt. Bniedem wieħed ġibed l-attenzjoni ta’ dawk kollha li kitbu u qalilhom li jekk iridu li l-knejjes jibqgħu miftuħin kull ma jridu jagħmlu huwa li jiffrekwentawhom, imorru fihom, iżuruhom spiss u jqisuhom bħala tagħhom, bħala t-tieni dar tagħhom. Din il-persuna qalet ukoll li kollu ta’ xejn tgerger, aħjar tixgħel sulfarina milli tisħet id-dlam! Imnalla li din il-persuna ma kinitx xi qassis, patri jew soru għax kieku kienet issib bosta oppożizzjoni l-kitba tagħha. Imma dan kien lajk li ġibed l-attenzjoni ta’ oħrajn li bit-tgergir ma jsir xejn.

Kieku qalha l-Isqof!
Kieku dan il-kliem minflok bniedem lajk qalu l-Arċisqof kien isib min imerih, min jgħid li huwa tort tal-kleru li l-knejjes qed jagħlqu, imma dan il-kliem ħareġ minn qalb bniedem li jżomm saqajh mal-art u jħalli għajnejh miftuħin li nzerta ma jagħmilx parti mill-kleru. Araw kif ħaduh kliem l-Isqof Mario Grech meta qal li kultant il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jispiċċaw jirrendu r-reliġjon f’karinval! Kieku din l-istqarrija qalha xi ġurnalist popolari kieku kienet issib l-appoġġ ta’ bosta, imma għax qalha isqof l-istorja kienet differenti. L-istess ġara fil-każ tar-retweet tal-Arċisqof Scicluna dwar il-politika. Kemm inkunu pronti naqbżu fuq dak li jkun, ladarba jkun membru tal-kleru! Kultant naslu biex nikkritikaw artiklu jew kitba bla ma nkunu qrajna l-kontenut.

Din hija veru ħaġa li tweġġa’. Donnu li f’pajjiżna kulħadd għandu dritt jitkellem, kulħadd jista’ jgħid li jrid ħlief dak li ma jaqbilx miegħek jew il-membri tal-Knisja! U anke fost il-membri tal-kleru donnu hemm min jista’ jgħid li jrid u l-poplu jaċċettah daqs li kieku Evanġelju u hemm oħrajn li hekk kif jiftħu fommhom isibu gwerra tistenniehom. Kulħadd xortih fid-dinja għandek tgħid!.

X’poplu dan
Dawn il-ħwejjeġ bla ma trid iġegħluk taħseb ftit fuq kif jaħsibha dal-poplu: minn banda ma jridx li l-mexxejja tal-Knisja jitkellmu kontra dak li jaħsbu jew jemmnu huma u mill-banda l-oħra jħossu parti mill-istess Knisja u ma jridx li din b’xi mod jitnaqqsilha xi ħaġa milli għandha. Imma din hija fidi jew le? Jekk bniedem iħossu li jappartjeni fi grupp għandu jagħmel minn kollox biex isegwi r-regoli tiegħu u jiddefendih. Issa l-Knisja hija wkoll grupp, hija għaqda li tiġbor fiha il-qaddis u l-profan. Il-Knisja hija l-għaqda li torganizza l-festi imma hija wkoll hija l-għaqda li tamministra s-sagramenti. Ma nistgħux nifirdu dawn iż-żewġ fatturi minn xulxin għax inkunu qegħdin inżarmawha. Knisja mingħajr spiritwalità hija każin u Knisja mingħajr lat popolari, uman u antropoloġiku hija Knisja mejta, Knisja tal-isem, Knisja bla membri.

Fil-fond ta’ qalbu l-poplu Malti jħobbha l-Knisja u jħossu parti minnha. Ovvjament mhux qed nirreferi għall-Maltin kollha imma nemmen li dan huwa sentiment li jħossu l-maġġoranza tal-Maltin, anke jekk ma jersqux lejn il-knisja. Xhieda ta’ dan li qed ngħid kienu l-kummenti li dehru meta nxtered l-artiklu dwar knejjes li qed jingħalqu u jinfetħu bħala post ta’ kult għal reliġjon oħra.

Il-knisja darna
Ħassejt li ħafna minn dawk li kitbu dwar dan il-fatt kienu jixtiequ li l-knejjes ma jingħalqux għax iħossu li bl-għeluq ta’ dawn il-postijiet sagri jkunu qed jitilfu parti sostanzjali tal-identità tagħhom. Imma allura għalfejn illum għadd kbir ta’ membri tal-Knisja ma jersqux lejha? Forsi parti mill-ħtija hija aħna l-kleru stess li bl-imġieba jew bi kliemna aktar ingerrxu lill-poplu milli niġbduh lejna. Ovvjament mhux qed inpoġġi lil kulħadd fl-istess qoffa. Imma dan bħal kull għaqda oħra. Allura jekk it-tim tal-futbol li tħobb ma jirbaħx logħba waħda titlaq u tgħid li ma għadekx dilettant tal-logħob tal-ballun? Il-ġifa jwarrab u jagħtiha, b’tellif, il-gwerrier jissielet għal dak li jħobb. Jekk il-president tat-każin li tant tħobb ma taqbilx miegħu, allura twarrab u ma tibqax memebru ta’ dak il-każin?

Fuq l-istess ħsieb inqabbel lill-Knisja minkejja li la hija tim tal-futbol u lanqas każin imma xi ħaġa aktar marbuta ma’ ħajjitna u lil hinn minnha. Jekk hemm xi ħaġa li ddejqek allura ma tmurx aktar? Kieku kulħadd kellu jirraġuna hekk allura bilfors li l-knejjes jingħalqu. Sfortunatament jidher li ħafna qed jirraġunaw b’dan il-mod għaliex kif qrajna, ħafna knejjes ingħalqu. Qabel kienu jinżammu bħala mużewijiet minħabba l-arti li jkun fihom, illum qrajna li qed jinbidlu f’postijiet ta’ kult ta’ twemmin ieħor. Ma nafx kemm f’pajjiżna sejrin nibqgħu b’dawn il-knejjes kollha miftuħin, għaliex l-attendenza fihom ma tantx hija waħda inkoraġġanti u mill-banda l-oħra n-numru ta’ saċerdoti qiegħed kull ma jmur jonqos.

Imma kemm-il darba l-knejjes ma jkunux vojta hemm soluzzjonijiet oħrajn, kemm-il darba l-knejjes jibqgħu jkunu frekwentati mill-pubbliku dawn ma jagħlqux. Kemm-il darba n-nies tibqa’ tħoss li l-knisja hija t-tieni dar tagħha, ma jkollniex għalfejn nagħlqu l-knejjes.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' April 2018

Nessun commento:

Posta un commento