Għalina l-Maltin hija xi
ħaġa li nħossu fina li xi darba f’ħajjitna għandna nżuru Ruma, il-belt kapitali
tal-eqreb stat tagħna l-Italja. Għalina Ruma hija l-bieb tad-dinja. Kemm huma
dawk minna li jieqfu hemm biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom min jaf għalfejn? Ruma hija
wkoll belt mimlija bi storja, arti kif ukoll fidi u għalhekk b’xi mod jew ieħor
il-Belt Eterna se tolqtok żgur. U bosta Maltin wara l-ewwel żjara tagħhom f’din
il-belt, reġgħu żaruha għal darba, tnejn, tlieta jew aktar. Għax Ruma hija
meravilja li ngħid għalija ma niddejjaq qatt fiha u nħoss in-nuqqas tagħha meta
nkun ilni xi ftit ma nżurha.
Biss jista’ jkun hemm min
għall-vakanzi jipprova jaħrab il-folol u allura għal bniedem bħal dan żgur mhux
ser nissuġġerilu Ruma, imma nista’ nissuġġerilu nħawi qrib ħafna ta’ din
il-belt iżda li huma għal kollox differenti. Qed nirreferi għal dawk li
jissejħu “Castelli Romani”. Taqbad ferrovija mill-istazzjon Termini u f’inqas
minn siegħa tispiċċa f’dinja oħra, dinja ta’ ġmiel u sliem.
“Castelli” bla kastelli
L-għadira ta' Nemi |
Meta nisimgħu l-kelma
“Castelli” nimmaġinaw li f’dawn l-inħawi hemm xi numru ta’ fortizzi jew
kastelli, imma xejn minn dan. Allura nistaqsu mnejn ġie dan l-isem? Skont
Giuseppe Tomasetti, storiku Taljan minn Ruma, li miet aktar minn mitt sena ilu,
dan l-isem imur lura sas-seklu XIV meta ħafna minn dawk li kienu joqgħodu Ruma
ħallew djarhom minħabba l-kriżi ekonomika u politika li kien hemm fil-belt. Din
il-kriżi seħħet minħabba li l-Papa, il-kap tal-Knisja u l-isqof ta’ Ruma ma kienx
għadu joqgħod Ruma imma kien ittieħed ġewwa Avignon fi Franza (1309-1377).
Il-fidi Nisranija dejjem kienet importanti għall-ekonomija tal-Belt ta’ Ruma u
n-nuqqas tal-preżenza tal-Papa affettwa ħażin ħafna l-ekonomija tal-belt. Bosta
Rumani telqu lejn il-kampanja u sabu kenn għand il-familji għonja ta’ Savelli
ġewwa l-irħula ta’Albano, Castel Savello, Ariccia, Castel Gandolfo u Rocca
Priora, għand il-familja Annibaldi ġewwa Molara, Monte Compatri u Rocca di
Papa, għand il-familja Orsini ġewwa Marino u l-familja Colonna f’Monte Porzio
Catone, Nemi, Genzano di Roma u Civita Lavinia.
Illum dawn l-irħula kollha jiffurmaw dawk li jissejħu “Caselli Romani” u
jissejħu hekk għax fihom sabu kemm ir-Rumani ta’ mijiet ta’ snin ilu.
Ġmiel
Il-knisja ta' Ariccia |
L-Infiorata ta' Genzano di Roma |
Meta wieħed iżur dawn
l-inħawi jkun jaqbel li jkollu karozza għaliex it-trasport bejniethom mhux
daqstant frekwenti u b’hekk wieħed jista’ jitlef bosta ħin jistenna.
F’dawn il-Castelli nsibu
żewġ għadajjar mill-isbaħ, il-kbira, imsejħa Lago Albano u ż-żgħira bl-isem Lago
di Nemi. Fuq il-Lago Albano nsibu r-raħal bl-isem Castel Gandolfo. Hawn insibu
l-palazz fejn il-Papa jagħmel il-vaganzi tas-sajf tiegħu. Il-Papa Benedettu XVI
kien għadu juża dan il-palazz, il-Papa Franġisku jippreferi jibqa’ fiċ-ċentru
ta’ Ruma! Bejn iż-żewġ għadajjar insibu r-raħal ta’ Ariccia. Hawnhekk insibu
knisja li bla ma trid tagħtik x’tifhem li l-perit tagħha kien l-istess wieħed
li ddisinja l-pjazza tal-Vatikan. Din hija l-knisja ddedikata lill-Assunta, u
min bħali fil-faċċata tagħha u
fil-pjazza ta’ quddiemha jara xebh bejnha u bejn il-pjazza San Pietru ma jkunx
qed jiżbalja għaliex kien Gian Lorenzo Bernini li ħoloq il-pjanta ta’ din
il-pjazza u knisja.
Aktar qrib lejn l-għadira
ta’ Nemi nsibu r-raħal Genzano di Roma, magħruf ħafna għat-tapit bil-petali
tal-fjuri li jsir kull sena għall-festa ta’ Coprus. L-infiorata ta’ Genzano
hija fost l-akbar li jsiru fl-Italja u fost l-isbaħ ukoll. Nistqarr li dan
ir-raħal fih ġmiel immens, anke ċ-ċimiterju tiegħu qiegħed f’post fuq l-għadira
ta’ Nemi li bla ma trid tieħu gost fih minkejja n-niket li jnissel kull
ċimiterju. Nemi hu magħruf għall-frawli. Issib tiekol frawli kemm trid u kif
trid. Post ħelu ħafna, donnu gallarija fuq l-għadira ta’ taħtu.
Mal-funtana tal-ilma tal-gass f'Marino |
Post ieħor sabih huwa
Marino. Hawnhekk issir il-festa tal-inbid fil-bidu ta’ Ottubru u jgħidu li fi
tmiem il-ġimgħa li fiha ssir din il-festa, minflok ilma fil-funtani tal-post
ipoġġu nbid u kulħadd ikun jista’ jixrob kemm irid. Ma nafx għax qatt ma kont
hemm f’Ottubru imma li naf hu li hemm funtana b’ilma ġieri li l-ilma tagħha
huwa ilma tal-gass. Dan huwa naturali u mhux magħmul mill-bniedem. Meravilja,
idduqu u terġa’ dduqu għax ma tkunx trid temmen!
Niżla fit-telgħa
L-aħħar ħaġa li se ngħid
dwar dawn il-postijiet hija kurżità li ngħid għalija ma ridx nemmen lil għajnejja
meta rajtha. Ġewwa Ariccia hemm biċċa triq, inti taraha niżla imma jekk taqta’
l-karozza free minflok tmur ’il
quddiem din tmur lura u jekk tkun tiela’ u tagħmel l-istess din minflok lura
tibda miexja ’l quddiem. Forsi taħsbu li qed nigdeb jew li xrobt. Le le xejn
minn dan. Xi wħud jgħidu li din hija illużjoni ottika li filwaqt li taħseb li
t-triq tkun għat-telgħa, fil-verità tkun għan-niżla. Ma nafx; li naf hu li bqajt
b’ħalqi miftuħ meta mort hemm. U mhux jien biss, kien hemm ħafna karozzi qed
jippruva dil-ħaġa!
Castelli Romani, tant
qrib Ruma iżda dinja għal kollox differenti. Inħajrek iżżurhom xi darba!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento