Jekk wieħed ikun fit-Toscana f’dawn il-jiem tar-Randan,
nissuġġerilu li jara kif jagħmel u jmur iżur post tassew sabiħ li bħalissa
jieħu tifsira akbar minn żmien ieħor tas-sena. Qiegħed ngħid għal San Vivaldo,
jew aħjar l-hekk imsejjaħ Sacro Monte di
San Vivaldo. Qiegħed ngħid hekk għaliex fil-post wieħed isib tmintax-il
kappella li jirrapreżentaw xi siltiet mill-ħajja u l-passjoni ta’ Kristu.
San Vivaldo jinstab qalb l-għoljiet ħadranija tal-kampanja
Toskana, madwar 450 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Dan il-post jagħmel
parti mill-comune ta’ Montaione, provinċja ta’ Firenze. Mhux diffiċli tasal
sal-post kemm-il darba jkollok karozza. Jekk le Taxi tista’ twasslek u
tistenniek biex tieħdok lura.
Illum dan il-post huwa meqjus bħala monument nazzjonali u
miżmum bħala post mill-aktar imfittex għall-kult.
Oriġini
Fl-1325 f’dan il-post inbniet kappella lil ċertu terzjarju
Franġiskan li kien miet ftit qabel u li kien għażel dan il-post biex jgħix ta’
eremita fih. Dan l-eremita ma kien ħadd ħlief Vivaldo, li ma damx wisq ma beda
jissejjaħ San Vivaldo minħabba l-fama ta’ qdusija li miet fiha. Il-post fejn kien
jgħix dan il-qaddis inbidel f’monasteru għaliex bosta oħrajn bdew jimitaw
l-għemil ta’ dan il-qaddis u marru jgħixu hemmhekk. Ftit snin wara nbniet
knisja kbira.

Fl-1500 il-post għadda f’idejn il-Franġiskani Minuri, kif
għadu sal-lum. Dawn ġiethom l-idea li fil-post jibnu s-Sacro Monte.
Il-Franġiskani Minuri minn dejjem kellhom rabta speċjali mal-art imqaddsa u
għalhekk dejjem xerrdu d-devozzjoni lejha, imma f’dawk iż-żminijiet ma kienx faċli
li wieħed jasal Ġerusalemm u l-inħawi tal-Palestina minħabba għadd ta’
raġunijiet bħalma huma l-bogħod, in-nuqqas ta’ mezzi ta’ trasport, l-ispejjeż
tal-vjaġġ u l-perikli kemm matul il-vjaġġ kif ukoll fil-post stess.
Dawn il-patrijiet ħasbu biex jibnu speċi ta’ riproduzzjoni ta’
Ġerusalemm u għalhekk il-post beda jissejjaħ “Ġerusalemm tat-Toscana”. Inbnew għadd ta’ kappelli li kull waħda
minnhom kienet tirrapreżenta xi post għażiż għall-Insara. B’hekk min xtaq
jagħmel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa imma minnabba xi raġuni li diġà semmejna
ma setax, kien jista’ jaqta’ din id-devozzjon i u xewqa tiegħu billi jmur ġewwa
s-Sacro Monte ta’ San Vivaldo.
Illum ma fadalx il-kappelli kollha. Oriġinalment kienu aktar
minn tletin waħda, illum insibu tmintax. Fihom insibu statwi tal-fuħħar
maħdumin minn bosta artisti famjużi. Dawn jinsabu f’kundizzjoni tajba grazzi
għar-restawr li sar fis-snin sebgħin u l-kura bla waqfien li jagħtu lil dan
il-post il-Franġiskani u l-volontiera tal-post.
Qabel l-oriġini
Imma nistaħajjilkom tgħidu u tistaqsu minn kien dan San
Vivlado.

Vivaldo Stricchi twieled fit-Toscana, sewwasew f’San Gimignano
fl-1260 ġewwa familja tat-tajjeb. Fl-1285 huwa mar jgħix ġewwa Siena ma għadd
ta’ ħbieb. Hemmhekk kien jgħix ħajja ta’ lussu u tbaħrid, imma tieħu bla trodd
is-swar itħott u l-flus spiċċaw, il-ħbieb telqu u Vivaldo spiċċa lampa stampa.
Huwa sab l-għajnuna ta’ Patri Bartolo mill-belt ta’ Picchiena u hemmhekk għex
ta’ Nisrani veru sakemm dan Bartolo miet fl-1300. Vivaldo telaq minn dal-post u
mar għal xi żmien jgħix fl-eremitaġġ ta’
Santa Marija ġewwa Camporena, bejn San Gimignano u Montaione. Hemmhekk, qalb
dawk is-siġar tal-qastan, għadda l-kumplament tal-ħajja tiegħu. Kien bena
daqsxejn ta’ għarix u għadda l-bqija ta’ ħajtu fil-penitenza u t-talb. Huwa
miet fil-post fl-1 ta’ Mejju 1320 meta kellu 60 sena. Billi kellu fama ta’
qdusija, il-ġisem bla ħajja ta’ dan l-eremit ittieħed Monataine biex jindifen
taħt l-artal tal-knisja tagħhom. Illum San Vivaldo huwa l-patrun ta’ Montaine u
ssirlu festa kbira kull sena. Huwa wkoll ta l-isem lil din iż-żona fejn hemm
Ġerusalemm tat-Toscana.
Attent
Issa li għandi mnejn ħajjartek iżżur dan il-post, tajjeb
ngħidlek li aħjar toqgħod attent meta u x’ħin tmur. Dan il-post ma jkunx miftuħ
għaż-żjajjar il-ħin kollu. Tassew li jekk wieħed imur xejn ma jżommu milli jdur
madwar il-kappelli imma ma jkunx jista’ jidħol fihom. Għalhekk wieħed għadnu
jsegwi l-ħinijiet li fihom isib il-kappelli miftuħa. Bejn Novembru u Marzu
wieħed jista’ jmur bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ waranfosinhar. Ma hemmx
għalfejn wieħed jixtri l-biljett qabel sakemm ma jkunx xi grupp kbir.
Dan huwa post fejn it-turiżmu reliġjuż huwa kbir. Min im ur
hemmhekk imur biss biex jara dawn il-kappelli u xejn aktar, għax fil-verità ma
hemm xejn aktar x’jara. Ħsibt li nwasslilkom dan it-tagħrif għax naf kemm illum
hawn min iżur l-Italja u fuq kollox it-Toscana. Dan il-post ma tanx huwa
popolari magħna l-Maltin, minkejja li ħafna minna jżuru San Gimignano. Għalhekk
jekk tkun ’l hemm f’dawn il-jiem, approfitta ruħek u mur żuru! Niggarantilek li
ma jiddispjaċikx!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Marzu 2018
Nessun commento:
Posta un commento