Aħna l-Maltin inqisu lil San Pawl bħala l-Missier tagħna fil-fidi;
ovvjament dawk li jħaddnu l-fidi Nisranija għaliex l-oħrajn ma jgħidux hekk.
Lil dan il-qaddis huma ddedikati bosta knejjes imferrxin ma’ Malta kollha u
fost dawn insibu wkoll erba’ parroċċi: ir-Rabat ta’ Malta, Ħal Safi, il-Munxar Għawdex
u dik fil-Belt Kapitali. Illum se nagħti ħarsa lejn dik tal-Belt Valletta.
Oriġini
San Pawl tal-Belt |
L-art fejn hemm mibnija l-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta ma ġietx
mogħtija mill-Kavallieri bħalma sar f’każi ta’ knejjes oħra fil-Belt iżda nxtrat
ftit snin wara l-bidu tal-bini tal-Belt mill-kapitlu tal-Katidral tal-Imdina.
Dawn indunaw li l-belt il-ġdida sejra tkun il-qalba tal-gżira kollha u għalhekk
ħasbu li jkollhom post fiha għaliex il-katirdral tal-Imdina kien imbiegħed
mill-Belt Valletta. Dan il-pass fantas lil xi nobbli mill-Imdina li ħasbu li
issa l-katidral kien sejjer jiġi trasferit mill-Imdina għall-Belt li kienet qed
tinbena. Ħaġa bħal din kienet tnaqqas ħafna mid-dinjità tal-Belt tal-Imdina li
sa dak iż-żmien kienet għadha l-kapitali għad li t-tmexxija tal-gżira kienet
issir mill-Birgu.
Il-pjanti tal-knisja saru mill-Arkitett Malti Ġlormu Cassar, bħal bosta
bini prominenti ieħor fil-Belt Valletta. Il-ħlas tal-bini tal-knisja sar
mill-kapitlu tal-katidral tal-Imdina. Dan ma jfissirx li dik il-knisja li
ħallas għaliha l-kapitlu tal-katidral hija l-istess waħda li nsibu llum, dik li
għandna llum bdiet tinbena lejn nofs is-seklu XVII fuq pjanta ta Bartilmew
Garagoza.
Knisja tal-Isqof
Meta l-Belt Valletta bdiet taqdi sewwa l-funzjoni tagħha ta’ belt kapitali,
meta l-Ordni ta’ San Ġwann telaq mill-Birgu u stabilixxa ruħu fil-belt li ġġib
l-isem tal-Gran Mastru La Valette, il-Knisja lokali wkoll ħasset il-ħtieġa li
jkollha post fejn jitmexxew il-funzjonijiet reliġjużi fil-festi l-kbar. Il-knisja
ta’ San Pawl għalhekk bdiet isservi wkoll bħala l-knisja tal-isqof billi dak li
llum nafuh bħala l-konkatidral kien il-knisja konventwali tal-kavallieri u kien
iservi għall-funzjonijiet reliġjużi tal-Ordni tal-Kavallieri. Kien għalhekk li
kien hemm żmien li din il-knisja kienet tissejjaħ bħala knisja katidrali ta’
San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Din il-knisja saret kolleġġjata fl-1733 u
sal-lum l-isqof tad-djoċesi għad għandu s-sedja tiegħu fil-kor tal-knisja.
Arti
Kulħadd jgħidlek li San Pawl tal-Belt hija knisja magħrufa għall-fided li
fiha, imma l-arti li fiha ma tillimitax ruħha biss għall-fidda. L-ewwel ħaġa li
tolqot l-għajn u li tista’ titgawda s-sena kollha hija l-pittura li naraw fiha.
F’din il-knisja nsibu xogħol mill-aqwa tal-artist Ruman Attilo Palombi. Artist
ieħor li sebbaħ dan it-tempju bil-pittura tiegħu huwa Giuseppe Valasco, artist
minn Sqallija ta’ importanza kbira fil-linja tan-neoklassiċiżmu. Il-kwadru
titulari huwa dak oriġinali li kien tpitter għall-ewwel knisja u li kien tħallas
mill-kapitlu tal-katidral, xogħol il-pittur Matteo Perez d’Aleccio.
Fil-knisja nsibu bosta opri artistiċi oħra imma famuża ħafna hija
r-relikwija tal-kolonna ta’ qtugħ ir-ras ta’ San Pawl. Relikwija oħra għażiża
hija dik tad-driegħ tal-qaddis li nsibuha f’reliwarju tal-fidda. Dawn huma biss
ftit mir-rikkezzi artistiċi li bihom hija mogħnija din il-knisja.
San Pawl tal-Gafà
Santa Caterina a Magnanapoli |
Xi snin ilu kont qiegħed Ruma u rajt knisja miftuħa. Qatt ma kont rajtha
miftuħa qabel u għalhekk waħħalt f’moħħi li nidħol biex naraha. Kienet qed
issir quddiesa, żewġ qassis iqaddsu u persuna waħda tisma’ l-quddiesa! Din
il-knisja tissejjaħ Santa Caterina a
Magnanapoli, mhux wisq bogħod minn Pjazza Venezja. Hekk kif dħalt nilmaħ
kartellun li fuqu kien hemm ritratt tal-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt. Ma domtx
wisq biex indunajt li fil-knisja kien hemm xogħol importanti tal-artist Malti
Melchiorre Gafà, l-estasi ta’ Santa Katerina. Fuq il-kartellun kien hemm xi
tagħrif dwar dan l-artist u allura kien hemm ukoll l-istatwa ta’ San Pawl tal-Belt
Valletta.
Jingħad li l-istatwa titulari ta’ San Pawl tnaqqxet ġewwa Ruma minn dan
l-artist Malti fuq kummissjoni tal-familja Testaferrata. Din l-istatwa inġiebet
Malta u kienet tinżamm fid-dar ta’ dan il-familja nobbli iżda kull sena kienet
tittieħed fil-knisja sabiex issir il-festa. Dan baqa’ jsir għal bosta snin
sakemm il-werrieta tal-familja Testaferrata iddeċidew li jirregalaw din
l-istatwa lill-parroċċa biex hekk tkun tista’ tibqa’ fil-knisja u titgawda
s-sena kollha. Illum din l-istatwa għadna narawha f’din il-knisja u ta’ kull
sena narawha wkoll tinġarr f’purċissjoni nhar il-festa tan-nawfraġju ta’ San
Pawl, fl-10 ta’ Frar, meta t-temp jippermetti jew meta dak il-jum ma jaħbatx
mar-Randan jew xi festa marbuta miegħu.
Din hija waħda mill-knejjes maestużi tal-belt kapitali tagħna li tajjeb li
nżuruha u nammiraw sewwa l-opri li fiha. Minkejja li fil-festa jkollha l-isbaħ
libsa mxiddha fuqha, xorta waħda matul is-sena hemm bosta x’wieħed jara fiha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 10 ta' Marzu 2018
Nessun commento:
Posta un commento