Kont għadni mindud fis-sodda xħin smajt it-tektik tan-nagħal ta’ żiemel li
kien għaddej mit-triq taħt it-tieqa ta’ kamarti. Kieku kont għadni Ħal Qormi ma
kontx noħodha bi kbira. Kieku kont il-Marsa inqas u inqas, imma Tal-Pietà mhux
daqstant komuni. Naf li hemm daqsxejn ta’ qatgħa mhux wisq bogħod minna, fejn
jinżamm żiemel. Kien l-ewwel lejl tiegħi f’Tal-Pieta u għalhekk skantajt. Illum
ngħid li drajtu dan il-ħoss għax spiss sid iż-żiemel jgħaddieh minn quddiemna,
imma dalgħodu t-tektik tiegħu ġabli ħsieb ġo moħħi li nixtieq naqsmu magħkom.
Min jaf kif kienet tkun id-dinja kieku ma jeżistux żwiemel. Mhux qed ngħid
kienu jieżistu imma biż-żmien inqerdu bħal ngħidu aħna d-dinosawri, imma kieku
qatt ma eżistew!
Għax-xogħol u għall-gwerra
Alessandru l-kbir jimmansa liż-żiemel tiegħu |
Ma mmorrux wisq lura fiż-żmien, ma naħsbux fi żmien id-dinosawri imma
biżżejjed immorru ftit eluf ta’ snin ilu. Iż-żiemel dejjem kien ta’ għajnuna
lill-bniedem. Biex ngħidu s-sewwa ż-żiemel beda jiġi ddomestikat u użat
mill-bniedem madwar sitt elef sena ilu u f’elf sena sab postu sewwa fil-ħajja tagħna.
Dan għen sewwa biex tnaqqset it-tbatija. Ħafna mill-ġarr beda jsir mill-bhima u
mhux aktar mill-bniedem. Iż-żiemel kellu sehem kbir ukoll fl-armati. Is-suldati
bdew jitħarrġu sabiex il-battalji u l-gwerer jissieltuhom minn fuq dahar
iż-żiemel u mhux aktar fuq saqajhom. Iż-żiemel kellu sehem fil-gwerrer il-kbar
li mexxa Alassandu l-Kbir. Iż-żiemel kien importanti għall-gwerer li kellu
l-Imperu Ruman. Iż-żiemel konna nsibuh f’kull gwerra jew battalja li saret
matul is-snin u baqa’ jintuża sal-ewwel gwerra dinjija li ntemmet sewwasew mitt
sena ilu. Matul it-tieni gwerra dinjija intużaw ukoll iż-żwiemel imma aktar
bħala mezz ta’ ġarr ta’ materjal milli għal fuq il-front.
Iż-żiemel għen lill-bniedem iwettaq dak li waħdu kien aktarx impossibbli
jwettaq. Ħalli nagħti eżempju wieħed. Naħseb li lkoll kemm aħna xi darba rajna
jew żorna il-pjazza tal-Vatikan, pjazza San Pietru. Fin-nofs tal-pjazza hemm
obelisk għoli aktar minn 25 metru. Dan ma kienx dejjem wieqaf hemmhekk imma
meta nġieb mill-Eġittu kien jinstab ftit mijiet ta’ metru bogħod mill-post li
narawh fih illum. Dan tpoġġa fil-post tal-lum fl-1586 u biex tniżżel mill-post
l-antik, inġarr u twaqqaf fil-post il-ġdid intużaw mijiet ta’ żmiemel. Min jaf
kemm-il żiemel intuża biex inġarr il-ġebel li bih inbniet il-Bażilika maestuża
tal-Vatikan u l-kolonnat li hemm idawwar il-pjazza li qed insemmu. Min jaf?
Sport
Iż-żiemel huwa wkoll popolari fl-isports. It-tlielaq taż-żwiemel għadhom
popolari ħafna anke f’pajjiżna. Billi Mata kienet kolonja Brittanika, l-Ingliżi
għenuna nkabbru l-imħabba li għandna lejn il-bhejjem. Sewwasew mija u ħamsin
sena ilu, fl-1868 saret l-ewwel korsa għaż-żwiemel f’Malta. Sa meta kont għadni
żgħir jien, dik il-parti tal-korsa kulħadd kien jafna bħala “L-Marsa
tal-Ingliżi”. Aktar tard il-korsa
tkabbret u kienet organizzata sewwa biex għal dabra oħra reġgħet iċċekknet biex
illum għandna l-korsa li għandna ġewwa l-Marsa.
Fil-Marsa wkoll għadna naraw sport ekwestu ieħor, il-Polo. Ta’ tifel żgħir
kont immur man-nannu Bastjan u dejjem kont nara għadd kbir ta’ nies jilgħabu
l-Polo. Ngħid id-dritt qatt ma stajt nifhem ir-regoli tal-logħba imma kont nieħu
gost narah. Illum jekk ninzerta għaddej minn qrib il-Marsa u nilmaħ lil min
jilgħab din il-logħba tinbet fija ċerta nostalġija.
Qaddisin u mhumiex
Iż-żiemel insibuh ukoll marbut ma’ xi qaddisin. Forsi l-aktar popolari huwa
San Ġorġ. San Ġorġ bla żiemel narawh imma fl-ikonografija huwa aktar popolari
biż-żiemel taħtu. Qaddis ieħor li spiss insibuh biż-żiemel taħtu huwa San
Martin. Lil san Pawl ukoll ġieli nsibuh b’żiemel taħtu jew aħjar qiegħed jaqa’
minn fuqu. Dan juri l-qaddis fi triqtu lejn Damasku.
Il-monument ta' Garibaldi ġewwal-Gianicolo Ruma |
Hawn Malta m’aħniex imdorrijin b’monumenti ta’ nies fuq iż-żiemel iżda
barra minn pajjiżna naraw għadd bla qies minn dawn. Momument dejjem ifakkar xi
persuna prominenti, importanti, kbira, li għamlet isem u unur. Bosta minn dawn
il-monumenti juru lil xi ġwerrier, ġeneral jew kmandant t a’ xi armata. Jingħad
li meta ż-żiemel ta’ taħt dawn il-persuni jkun jidher bl-erba’ saqajn mal-art
ikun ifisser li dak il-bniedem li jidher fuqu jkun miet mewta naturali, meta
ż-żiemel ikollu xi sieq jew tnejn ma tmissx mal-art ikun ifisser li miet waqt
it-taqbid. Toqgħodux fuqi dwar din it-teorija, smajtha aktar minn darba imma
mhux bil-fors li hija teorija tajba.
Illum iż-żiemel ma għadux jintuża wisq għax-xogħol u lanqas għadu jintuża
għall-gwerer. Illum dan l-annimal jinżamm biss għad-delizju.
B’dawn il-ħsibijiet kollha bla ma rrid ngħid li kieku ż-żiemel ma kienx
jeżisti fid-dinja, illum għandna mnejn għandna dinja differenti, għandna anqas
monumenti, għandna inqas x’naraw.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2018
Nessun commento:
Posta un commento