Żgur li jekk xi ħadd jistaqsi fejn hija l-knisja ta’ San Ġwann ġewwa l-Belt
Valletta kulħadd jaf jagħti tweġiba tajba. Bil-fors! Illum bosta
mill-attivitajiet reliġjużi ta’ ċerta importanza jew ta’ livell nazzjonali
kollha jsiru f’din il-knisja li sservi wkoll ta’ Kon-Katidral tad-djoċesi ta’
Malta. Jekk turist jiġi Malta u ma jmurx iżur dan il-post ikun tilef
opportunità tad-deheb li jara dik li xi wħud iqisuha bħala l-isbaħ knisja
fid-dinja. Jien ma rridx ngħid li din hija l-isbaħ knisja fid-dinja, għalkemm
jekk mhux l-isbaħ, tinsab il fuq fil-lista tal-knejjes sbieħ, imma nemmen li
l-art tagħha hija l-isbaħ tad-dinja. Idea tiegħi, forsi nsib min ma jaqbilx
miegħi. Ejjew naraw xi ftit tagħrif dwar dan il-ġojjell ta’ arkitetttura u arti
li nsibu fil-qalba tal-belt kapitali tagħna.
Għan
Dak li llum iservi bħala Kon-katidral ma nbeniex għal dan il-għan. L-għan
ta’ din il-knisja kien bħala waħda li
fiha jsiru l-attivitajiet reliġjużi għall-kavallieri kollha tal-Ordni
ta’ San Ġwann. Kull ilsien tal-Ordni kellha l-berġa tagħha fil-Belt Valletta u
mal-bereġ insibu l-knejjes tagħhom; bħal ngħidu aħna Santa Caterina d’Italia ma’ Auberge
d’Italie jew Il-Madonna tal-Pilar ma’ Auberge
d’Aragon. San Ġwann kien iservi lill-Ordni kollu. L-isem li bih kienet
tissejjaħ din il-knisja kien Chiesa
Convnetuale di San Giovanni Battista.
Il-bini ta’ din il-knisja maestuża kien ikkummissjonat mill-Gran Mastru
Franċiż Jean de la Cassière fl-1572. Meta wieħed jiftakar li l-Assedju l-Kbir
seħħ fil-1565 u l-bini tal-Belt Valletta beda fis-sena ta’ wara, dlonk jintebaħ
bl-importanza li l-Ordni kien ta lil din il-knisja. Ma ninsewx lanqas li
l-Ordni kien fuq kollox Ordni reliġjuż. Ma setax jonqos li din il-knisja
titpoġġa taħt il-patroċinju tal-qaddis li l-Ordni kien ukoll iġib ismu, San
Ġwann Battista.
Barranin imma mhux biss
Ġilormu Cassar |
Illum meta nduru l-Kon-kattidral ta’ San Ġwann naraw bosta bċejjeċ tal-arti
ta’ artisti magħrufin madwar id-dinja. Forsi l-aktar magħruf huwa l-kwadru ta’
qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann, xogħol ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio. Xejn
anqas magħruf huwa l-bosta xogħol artistiku li ħalla f’din il-knisja il-pittur
Mattia Preti.
Iżda l-Ordni ta’ San Ġwann ħalla f’idejn arkitett Malti biex iħażżeż
il-pjanta ta’ din il-knisja hekk importanti. Kien Ġilormu Cassar li fassal dan
il-kopolavur. Hawn naraw il-ħila tal-Malti. Hawn naraw li missirijietna kienu
nies kapaċi daqsna, jew forsi aktar minna wkoll. Hawn naraw li minkejja li
l-Kavallieri kienu jaħkmuna, kienu wkoll japprezzaw jekk xi iben din il-gżira
ċkejkna jkun kapaċi f’xi qasam u kienu wkoll jafdawlu xi xogħol. Nafu li Cassar
beda jaħdem fuq il-bini tal-Belt Valletta bħala assistent tal-Arkitett
Lapparelli imma spiċċa biex ħa x-xogħol kollu f’idu.
Il-Caravaggio
Kull min iżur il-Kon-katidral ta’ San Ġwann ikun jonqos jekk ma jżurx
il-kwadru ta’ Qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann. Min hu dilettant tal-arti jiġi
min-naħa l-oħra tad-dinja biex jara dan il-kwadru maestuż. Fil-Kon-katidral dan
il-kwadru għandu lil ħuh, il-pittura ta’ San Ġilormu. Dan il-kwadru għandu
storja kbira. Ħafna minna niftakru meta nsteraq. Nafu l-istorja tiegħu, li kien
ħareġ minn Malta u reġa’ lura. Dwar dan il-kwadri kellimni bosta drabi Patri
Marius Zerafa OP li fi żmien is-sejba tiegħu kien il-kuratur tal-mużewijiet.
Tiskanta kemm tertieq il-qalb, kemm inkwiet u kemm biżgħat. Saħansitra Patri Zerafa
kien qed jissogra ħajtu biex din l-opra tal-arti, opra li l-ebda prezz ma
jista’ jingħatalha, ma tispiċċax mitliufa għal dejjem imma terġa’ lura f’
postha biex titgawda minn kulħadd. Bl-għajuna ta’ Alla l-istorja spiċċat b’wiċċ
il-ġid u l-kwadru tal-Caravaggio llum reġa’ sab postu fil-Kon-Katidral.
Arti, arti u arti
Mhux faċli li fi ftit kliem issemmi dak kollu li wieħed jista’ jsib f’dan
il-Kon-katidral. Semmejt xi kwadri jew pittura aktar il fuq, imma San Ġwann ma
fihx biss pittura, fih skultura fil-ġebel u fl-irħam, fih induratura, fih
interzjar, fih xogħol ta’ njam, xogħol fil-fidda u bronż, insomma fih dak kollu
li wieħed jista’ jimmaġina. San Ġwann tal-Belt huwa ġawhra tal-arti.
Kurżità
Forsi mhux kulħadd jaf li din il-knisja ma hijiex proprjetà tad-Djoċesi
bħall-knejjes kważi kollha l-oħra li nsibu f’Malta. Dan il-Kon-katidral huwa
tal-gvern Malti. Ġara li meta Napuljun ħa f’ idejh il-gżejjer Maltin, dak kollu
li kien jappartjeni lill-Ordni ta’ San Ġwann għadda f’idejn il-gvern il-ġdid.
Fost bosta bini ieħor kien hemm din il-knisja u għalhekk baqgħet sal-lum
propjetà tal-gvern imma amministrata mill-Knisja.
Kemm hemm x’wieħed iżid ma’ dan il-ftit li ktibt jien. San Ġwann huwa
minjiera ta’ arti li tajjeb wieħed iżuru u jammirah. Issa li l-belt kapitali
ta’ pajjiżna hija wkoll kapitali Ewropea tal-kultura, tajjeb li nkunu nafu
x’għandna fiha.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento