venerdì 12 gennaio 2018

Mazzun

Il-kelma “Mazzun” għalina l-Maltin għandha żewġ tifsiriet; mazzun hija ħuta li jingħad li tiekol kull ma ssib. Jien miniex dilettant tas-sajd u lanqas nifhem fil-ħut. Dan nippreferih fil-platt quddiemi. Il-Kelma mazzun nużawha wkoll għal xi persuna li tibla’ dak kollu li jgħidulha u forsi bla ma taħseb tħalli lilha nnifisha tiġi influwenzata minn ħaddieħor li għandu mnejn ikollu skopijiet moħbija.

Nemmnu kollox
Dan l-aħħar rajt post fuq Facebook li veru wriet biċ-ċar kemm hawn min iħalli moħħu f’idejn ħaddieħor. Dan il-post kien juri li fis-sena 2018 l-ewwel ta’ Jannar se jkun il-Ħadd, it-2 ta’ Frar il-Ħadd ukoll, it-3 ta’ Marzu l-Ħadd u baqa’ sejjer hekk għat-tnax-il xahar kollha. Ma tridx tkun mort l-università biex tinduna li dan ma huwa veru xejn għax l-ewwel ta’ Jannar ma kienx il-Ħadd iżda t-Tnejn.  Fuq dan il-kalendarju jumejn biss kienu tajbin, Settembru, 9/9/18 u Novembru 11/11/18, l-għaxra l-oħra żbaljati.  Madanakollu kien hemm eluf li għamlu like u bosta mijiet li xerrdu dan il-post żbaljat. Allura aħna l-bnedmin nemmnu kollox? Aħna daqshekk imzazen li dak li jitfgħulna quddiemna nibilgħuh bla ma naħsbu ftit? Allura moħħna qiegħed hemm biex jifred widnejna minn xulxin?

Ma nistenniex li kulħadd jiġih f’moħħu li pereżempju t-2 ta’ Frar jiġi 32 jum wara l-ewwel tas-sena mela qatt ma jista’ jkunu l-istess ġurnata bħall-1 ta’ Jannar, għax ġimgħa fiha sebat ijiem u għalhekk erba’ ġimgħat jammontaw għal 28 jum.

“Għax hekk smajt”
Din l-istorja ma sseħħx biss fuq il-mezzi tal-media soċjali, isseħħ ukoll fil-ħajja reali. Hawn l-affarijiet għandhom mnejn anke jitkabbru. Nagħmlu mod li wieħed ikun ra ħamiema fil-kampnar tal-knisja u jgħid li daħlet tajra ħdejn il-qniepen, għandu mnejn sa ftit ħin wara tkun ġriet il-kelma li fil-kampnar daħlet ajkla. Dan huwa forsi eżempju eseġerat, imma kemm-il darba nisimgħu esegerazzjonijet u jkun hawn min jemminhom? U jekk lil dan il-bniedem tistaqsih kif jaf jgħdilek biss: “Jien hekk smajt!” u allura la sema’ hekk, dak li sema’ għamlu Vanġelu!

L-Arċisqof bil-mobile
Dan l-aħħar ukoll fuq il-mezzi tal-media soċjali beda jdur ritratt tal-Arċisqof Scicluna bil-mobile f’idejh waqt funzjoni reliġjuża. Ma nafx jekk kienx ritratt awtentiku jew inkella wieħed mibni bis-saħħa tat-teknoloġija tal-lum. Jien lanqas qatt ma nniżżilha li l-Arċisqof kien qed jibgħat xi Sms, imma għadnu mnejn kien qed isegwi s-Salmi tal-Għasar. Jien kemm-il darba nsegwi t-talb tal-komunità minn fuq il-mobile. Illum dik hija t-teknoloġija, għaliex għandna nibżgħu minnha? Meta kont f’kunvent Tas-Sliema dejjem bl-Ismartphone kont insegwi t-talb tal-komunità. Ħaż-Żebbuġ ħafna kienu jarawni filgħodu nippassiġġa fuq iz-zuntier bil-mobile f’idi. Għall-ewwel ma ndunawx imma biż-żmien ħafna ntebħu li kont inkun qed ngħid it-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum. Nippreferi l-mobile mill-brevjar għax eħfef u s-sit eletroniku li jagħtik dan it-talb huwa inqas ikkomplikat mill-brevjar.

Niftakar meta kont Bologna fil-quddiesa ta’ filgħodu kienu jinżlu bosta patrijiet jikkonċelebraw, dawn kienu jitqassmulhom fuljetti għat-Talba Ewkaristika, imma wieħed minnhom kien jinżel bit-tablet u jsegwi kollox minn fuqu. Għall-ewwel rajnieha stramba iżda ma domniex ma drajna wkoll. Għandu mnejn kien hemm min jaħseb li dak kien ikun qed jilgħab bit-tablet waqt il-quddiesa. Jeżistu mazzuni li emmnu li l-Arċisqof bagħat Sms jew kien qed jilgħab bil-mobile waqt il-quddiesa, jew li jien kont inkun aljenat bil-logħob fuq iz-zuntier jew li l-patri ta’ Bologna kien jieħu t-tablet miegħu waqt il-quddiesa biex jagħmel xi ħaġa differenti. Kieku jaħasra jindagaw naqra ma jibqgħux imzazen!

Kulħadd sar għaref
Meta fis-snin disgħin infetħu għadd ta’ stazzjonijiet tar-radju, Malta rat qabża ’l quddiem fil-libertà imma rat ukoll ġirja lura fil-livell ta’ xandir. Bdew isiru għadd ta’ programmi b’telefonati mis-semmiegħa u f’daqqa waħda kulħadd sar għaref. Il-pluralizmu televiżiv kompla wkoll jesponi lill-mazzuni għal aktar għalf! Wieħed irid joqgħod attent x’jemmen u x’ma jemminx. Illum kulħadd jista’ jgħid li jrid imma dan ma jfissirx li kulħadd jgħid is-sewwa.

Il-bniedem jitwieled Tabula Rasa, moħħ vojt, paġna bajda, nadifa, pjazza vojta. Ftit ftit jibda jitgħallem u jimla din il-paġna vojta. Sfortunatament hawn min iħalli lill-ħaddieħor jimla din il-paġna li hija tiegħu biss, iħalli li moħħu jidderiġih ħaddieħor. Min jagħmel hekk tassew ikun jistħoqqlu t-titlu ta’ Mazzun.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  13 ta' Jannar 2018



Nessun commento:

Posta un commento