Dan l-aħħar kont qiegħed l-Italja u
x-xogħol ħadni għand ħabib antik tiegħi li huwa kappillan f'raħal mitluf fuq
il-muntanji. Minkejja li mort kemm-il darba f'dan ir-raħal, din id-darba
irriflettejt fuq ċerti ħwejjeġ li qabel forsi ma kontx tajt kashom. Tiskanta
kif f'dik il-kesha, f'dik l-arja nadifa u nieqsa mill-ħafna dħaħen tal-ibliet,
il-moħħ donnu jaħdem differenti u jibda jirrifletti fuq dak li f'postijiet oħra
ma jkollux ħin jirrifletti fuqhom.
Rispett
Ir-rispett lejn is-saċerdot f'dan
ir-raħal huwa xi ħaġa li mhux faċli tfisser. Don Paolo, il-kappillan huwa
l-uniku saċerdot hemmhekk. Biex ngħid id-dritt hemm ukoll Don Vincenzo, li kien
kappillan qabel, imma dan jinstab f'qiegħ ta' sodda u għalhekk ma jistax jagħti
servizz.
Kif digà għidt, f'dan ir-raħal mort
bosta drabi, allura tista' tgħid li n-nies kollha jafuni. Taħsbux li hemm għexieren
ta' eluf ta' nies joqgħodu hemm. Bix-xorti jekk in-numru jlaħħaq l-elf u ħames
mija.
Hekk kif wasalt beda t-tislim,
il-bews u t-tgħanniq. Minkejja li issa lili jafuni, xorta waħda jindirizzawni
bil-Voi. Fit-Taljan hemm il-forma
pulita kif tindirizza bniedem bl-akbar rispett, ma tgħidlux Tu imma tgħidu Lei. Fl-Italja meridjonali minflok il-Lei jużaw il-Voi.
Nistħajjlkom tgħidu li din hija ħaġa
zgħira, imma meta tkun taf lin-nies, kemm-il darba tkun mort id-dar tagħhom għall-ikel,
ikunu fuq il-lista tal-ħbieb tiegħek fuq facebook u xorta jindirizzawk bil-Voi ma tistax ma tindunax b'liema
rispett ikunu qed jindirizzawk.
Il-ħajja ta' kuljum
F'dan ir-raħal ftit li xejn hemm
attività. Hemm xi tliet barijiet fejn irgiel jinġabru jilgħabu l-karti u
jixorbu l-kafè. Hemm xi żewħ ħwienet tal-merċa, taż-żebgħa u xi ħwienet tal-ħwejjeg.
Hemm ħanut tal-ħwejjeg tat-tfal li sidu għandha kelb tar-razza Maltija. Kull
meta mmur f'dan ir-raħal dejjem nittawwal lil sid il-ħanut u lill-prinċep
Malti. Qed ngħid "prinċep" għax veramment miżmum sewwa.
Ħafna mill-attivitajiet li jsiru
fir-raħal isiru mill-parroċċa. Il-grupp tal-iscouts kien imwaqqaf
mill-kappillan, is-sistema tas-social street fuq il-mezzi soċjali tal-media
kienet introdotta mill-parroċċa, il-kompetizzjoni tal-isbaħ presepju fid-dar tagħmilha
l-parroċċa u l-presepju ħaj li sar fil-jiem li kont hemmhekk jien huwa kollu
frott il-ħidma ta' dawk li jgħinu fil-parroċċa. F'kelma wahda il-knisja għandha
rwol importanti fir-raħal. Dan ma jfissirx li ma hemmx min huwa antiklerikali,
ma jfissirx li kulħadd iħobbu lil Don Paolo. Fid-dinja dejjem hekk, tagħmel kif
tagħmel taqlagħha. Hawn jiġi f'moħħi l-kliem tal-Arċisqof Scicluna:
"Fid-dinja ssib min iċapċaplek u ssib min iċapċapulek!"
Don Paolo ma jħabbilx wisq rasu,
jibqa' sejjer bla ma jagħti każ min jipprova jagħmel il-bsaten fir-roti. Jaf li
jekk jieqaf ir-rota tieqaf imma jekk jibqa' sejjer ir-rota taqsam il-bsaten.
Quddies
F'dan ir-raħal hemm il-parroċċa,
iddedikata lil Santa Marija imma kulħadd jgħidlek li huwa s-santwarju ta' Sant'
Antnin ta' Padova. Hemm il-knisja ta' San Ġwanni li minn barra taħsbiha
kappella tal-Madonna ta' Pompei għax fuq il-bieb waħdieni tagħha hemm pittura
sabiha tal-Madonna taħt dan it-titlu. Hemm ukoll il-knisja ta' dak li darba
kien il-monasteru ta' San Feliċ. Illum il-monasteru sar l-uffiċini tal-kunsill
lokali tal-post imma l-knisja għadha knisja.
Kif qed tindunaw il-knejjes ma
jonqsux imma saċrdoti ma hemmx għajr Don Paolo. Allura ssir quddiesa waħda
kuljum, fil-parroċċa. Din issir filgħaxija. Nhar ta' Ħadd isiru żewħ quddisiet
filgħodu.
Din il-ħaġa ġegħlitni nirrifletti
ftit fuq is-sitwazzjoni f'pajjizna. M'ilux kont qed nipprietka Birkirkara u
rajt karta bil-ħijiniet tal-quddies li jsir f'dan ir-raħal. Mingħajr il-parroċċa
ta' Fleur de Lys għaddejt ħamsa u erbgħin quddiesa fil-jum tal-Ħadd. Bla ma
trid tgħid: "x'diffenza!"
Forsi aħna għadna xi ftit
imfissdin. Ftit mijiet ta' kilometri bogħod minnha hemm realtajiet differenti ħafna
minn tagħna. F'pajjiżna jinqala' ħafna paroli jekk kappillan ikollu jnaqqas
quddiesa minħabba n-nuqqas ta' saċerdoti.
Ikel
Billi fil-jiem li kont f'dan ir-raħal
it-temperatura niżlet sewwa, bla ma trid tiekol iżjed għax jaqbdek ħafna ġuħ.
Hawn l-ikel huwa xi ħaġa tal-ġenn. Billi bosta raħħala għandhom ir-raba' u
l-bhejjem, jieklu ikel naturali, bla ħafna preservattivi u żidiet. Irkotta
friska taħsibha krema, ġobon tal-ħalib tan-nagħag, mozzarella, perżut u
salamijiet differenti magħmulin fid-dar għax hemmhekk il-mara tiddedika ruha għall-familja
mhux għall-karriera. U biex ngħidu d-dritt bilkemm hemm xogħol għall-irgiel aħseb
u ara għan-nisa!
Kemm hu differenti l-ikel tal-irħula
minn dak tal-ibliet il-kbar.
U xi ngħidu għall-inbid? Hawn bosta
jagħmlu l-inbid huma. Anke dak tal-quddiesa jsir minn raħħal mill-post. Hawn
l-hena tagħhom idewquk l-inbid li jagħmlu huma. Trid toqgħod attent għax għandu
ħabta jkun traditur dan l-inbid; tajjeb imma malajr jitla' fir-ras. Wieħed raħħal
qalli li hu jippreferi tazza nbid tajba minn tiegħu milli flixkun sħiħ mixtri
mill-ħanut. Ma domtx ma ntbaħt li għandu raġun u ndunajt ukoll li dan it-tali
b'tazza nbid waħda ma jixbax.
Kemm ħsibijiet ġew ġewwa moħħi
f'dawk il-ftit ġranet li kont fuq il-muntanji qrib Avelllino, sitt mija jew
seba' mitt metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Forsi l-kesħa gegħlitni
nirrifletti? Forsi l-arja? Jew forsi n-nies?
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento