sabato 19 marzo 2016

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tat-tfal

It-tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa ġewwa r-raħal ta’ Ħal Qormi huma kbar u jmorru lura bosta snin. Ma nafux sewwa meta bdiet tkun organizzata l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda nafu fi żgur li fl-1764 diġà kien hemm numru ta’ vari fil-knisja ta’ San Ġorġ li bihom kienu jsiru xi forma ta’ purċissjonijiet matul ir-Randan. Dawn il-vari kienu jissejħu “il-Misteri” għaliex kienu juru xi misteri tal-Via Sagra.  Ħal Qormi kien ukoll ir-raħal li dejjem daħħal ideat ġodda fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, bħal meta fl-1908 introduċa l-ewwel vara f’ Malta li tirrappreżenta t-tradiment ta’ Ġuda. L-istess nistgħu ngħidu għaż-żidiet li saru fis-snin 60 meta rajna xi vari għal kollox ġodda f’ pajjiżna bħalma huma l-vara tal-aħħar ċena fl-1961, Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu fl-1961 ukoll u d-depożizzjoni mis-salib fl-1965. Dan kollu juri liema ħeġġa l-poplu Qormi għandu lejn dawn il-festi.


Madwar 80 sena ilu, Ninu Azzopardi kien qabbad lill-istatwarju Qormi bħalu, Karmenu Galea, imlaqqam Il-Qamru, biex jaħdimlu sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira bħal tal-parroċċa. Is-sett kien jinkludi l-istatwi ta’ Kristu fl-Ort, it-tradiment ta’ Ġuda, Il-Marbut, l-Ecce Homo, ir-Redentur, il-Veronika, il-Vara l-kbira, il-Munument u d-Duluri, sewwasew  bħad-disa’ vari tal-parroċċa. Fl-1936 Azzopardi beda jorganizza purċissjoni għat-tfal b’ dawn il-vari. Il-purċissjoni, li kienet issir nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, lejlet Ħamis ix-Xirka, kienet toħroġ mid-dar ta’ Azzopardi stess, fi Triq Pinto u ddur madwar it-toroq tal-inħawi, hekk imsejjaħ fejn il-Vitorja. Meta miet Ninu l-purċissjoni beda jorganizzaha ibnu Karmenu. Il-purċissjoni, li kienet tissejjaħ bħala l-purċuissjoni “tal-Bonu”, tant kienet popolari mat-tfal Qormin li kienet tkun mistennija minn sena għal sena. Għal bosta tfal din kienet tkun l-ewwel esperjenza tagħhom f’ purċissjoni u bosta minnhom kienu jkomplu f’ dan id-delizzju anke meta jikbru, ovvjament mhux aktar fil-purċissjoni “tal-Bonu” imma f’ dik tal-parroċċa. Fl-1986 saret l-aħar darba din il-purċissjoni. Karmenu Azzopardi miet u miegħu mietet ukoll din id-drawwa li tant kienet popolari mhux biss mat-tfal Qriema imma anke mal-ġenituri tagħhom. Illum dawn il-vari ma għadhomx fil-familja Azzopardi u ħarġu wkoll mill-Belt Pinto.

Din is-sena l-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi xtaq li din id-drawwa terġa tibda u għalhekk iddeċieda li jorganizza purċissjoni bis-sehem tat-tfal. Ġie avviċinat l-artist Omar Camilleri biex jinħadem sett vari bħas-sett l-antik li kien jinstab fil-parroċċa bil-qies ta’ madwar 75 centimetru. Għal din is-sena l-artist lesta żewġ vari, ir-Redentur u d-Duluri. Għal dawn il-vari nħadmu wkoll il-bradelli tagħhom, b’ mod volontarju, minn Ġorġ Debono u ibnu Silvio. Ġie wkoll meħjut vestwarju ġdid għall-parteċipanti tfal, subien u bniet kif ukoll saru bosta simboli li jinġarru fil-purċissjoni. Dawn kollha saru mill-grupp tal-helpers tas-Sagrsitan tal-parroċċa.  Bejn suldati, personaġġi bibliċi, abbatini u dawk li jġorru l-vari, il-purċissjoni se jkun fiha madwar 130 tifel u tifla. B’ hekk drawwa antika sejra terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid.


Din il-purċissjoni sejra ssir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu, 2016. Tibda ħierġa mill-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ Ħal Qormi fil-5.15pm u tgħaddi minn Triq il-Kardinal Xiberras, iddur għal Triq il-Barrakki, Triq Santa Katarina, Pjazza San Franġisk għal Triq il-Kbira u tidħol lura l-knisja għall-ħabta tas-6.45pm.

Fr. Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Leħen is-Sewwa, 13 ta' Marzu 2016 u f' In-Nazzjon 14 ta' Marzu 2016













Nessun commento:

Posta un commento