venerdì 4 marzo 2016

Il-libertà kontra l-intolleranza

Bil-kelma libertà nifhmu l-qagħda ta’ dak li jkun fejn jista’ jaħseb, jiddeċiedi, jesprimi ruħu u jaġixxi skont dak li jħoss, skont il-volontà tiegħu. Dan it-tali jista’ jagħżel hu stess azzjoni li jwettaq wara li jkun ra l-għażla sħiħa ta’ pożizzjonijiet qabel jieħu d-deċizzjoni.

Fil-filosofija l-libertà tinvolvi r-rieda ħielsa imqabbla mad-determinazzjoni ta’ dak li jkun. Fil-politika l-istess kunċett ifisser il-ħelsien politiku u soċjali taċ-ċittadini kollha. Fit-teoloġija libertà tfisser ħelsien mir-rabta tad-dnub. Libertà hija totalment differenti minn libertinaġġ. Il-libertà għandha l-limiti tagħha, wieħed jista’ jagħmel li jrid meta jkun liberu iżda hemm limiti ta’ x’ jista’ jagħmel, allura ngħidu li bniedem liberu jista’ jagħmel li jrid sakemm ma jiksirx il-liġi. Meta tinkiser il-liġi dak li jkun ma jkunx qiegħed jaġixxi b’ mod liberu imma jkun qiegħed jabbuża u jidħol fil-kamp tal-libertinaġġ.
Meta nitkellmu dwar dan is-suġġett jinfetħulna bosta bibien quddiemna. Hemm bosta tipi ta’ libertajiet.

Morali
Libertà morali hija dik il-libertà li tħallini niddeċiedi etikament x’ inhu tajjeb, x’ jixraq u x’ inhu sew fil-komportament tiegħi. Il-morali għadha żewġ kurrenti fundamentali, dik reliġjuża u dik lajka. Il-morali reliġjuża hija dik il-ħajja skont kif irid Alla filwaqt li l-morali lajka tgħidilna li anke mingħajr Alla, hemm ħwejjeġ li ma jistgħux isiru u għalhekk huma moralment ħżiena. Biex nagħtu eżempju wieħed; Alla ta l-kmandament: La toqtolx. Dan il-kmandament anke f’ morali mhux reliġjuża, anke f’ morali fejn Alla jitħalla barra, xorta għandu jiġi irrispettat u għalhekk min joqtol ikun qed imur kontra l-morali u  mhux kontra l-libertà. Libertà morali hija libertà fil-limiti ta’ liġi.

Politika
Libertà oħra hija dik politika. Libertà politika hija għadd ta’ liġijiet li jiggarantixxu l-ħelsien taċ-ċittadin, jiggarantixxu pajjiż mhux opress mill-ħakkiema, pajjiż mhux totalitarju fejn ikunu jeżistu gvern u oppożizzjoni, fejn isiru elezzjonijiet kull tant snin biex il-maġġoranza tagħżel lil min imexxiha. Fejn jonqos xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti tintilef il-libertà politika. Rigward l-individwu nistgħu ngħidu li l-libertà politika tiggarantilu li huwa jkun jista’ jagħżel liema twemmin politiku jħaddan. L-individwu jkun jista’ jagħżel hu sakemm il-pajjiż iħalli l-għażla ta’ kurrenti politiċi. Ġieli smajna b’ libertà politika fażulla, fejn ikollok aktar minn partit wieħed iżda d-differenza waħdanijia bejniethom ikun biss l-isem. F’ dawn il-każi ma jkunx hemm libertà politika.

Reliġjuża
Libertà reliġjuża hija dik il-libertà li bniedem jista’ jemmen dak li jrid. Meta ngħidu l-kliem ‘dak li jrid’ dejjem inkunu qegħdin nifhmu li l-parametri tal-liġi ma jinqabżux. Bniedem liberu jista’ jħaddan liema fidi jrid sakemm din ma tkunx tmur kontra l-kostituzzjoni jew il-liġi morali. Biex nerġa’ nsemmi l-ħames kmandament, jekk ikun hemm reliġjon li tħeġġeġ il-qtil ta’ bnedmin oħra, is-soċjetà għandha tara li din il-fidi ma tkunx prattikata. Dan ma jfissirx li huwa nuqqas ta’ libertà reliġjuża. Il-libertà dejjem għandha l-liġi bħala limiti.

Tal-ħsieb
Il-libertà tal-ħsieb hija l-aktar libertà bażika. Jien nista’ ngħid dak li jridni ngħid ħaddieħor imma dak li naħseb jien huwa tiegħi u nista’ naħseb li rrid. Kullox jista’ jiġi sottomess għal ħaddieħor iżda l-ħsieb tal-bniedem huwa liberu għal kollox. Gvernijiet jistgħu jimponu miżuri u liġijiet li jmorru kontra l-libertà imma ħadd ma jista’ jwaqqaf lill-bniedem milli jaħseb dak li jrid. F’ ċerti okkażjonijiet il-libertà tal-ħsieb ma tistax tkun espressa għaliex ikun hemm nuqqas ta’ libertà tal-espressjoni.

Fil-kostituzzjoni
Il-libertà f’ pajjiżna hija garantita bil-kostituzzjoni. Fil-fatt l-ewwel kliem li nsibu fiha huwa: Malta hija Repubblika Demokratika ibbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwu. Il-kostituzzjoni tagħna tiggarantixxi wkoll il-libertà ta’ kuxjenza u qima, il-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u assoċjazzjoni, u l- libertà ta’ moviment. Dan kollu qiegħed hemm biex ikollna pajjiż ħieles b’ ċittadini li jgħixu fil-libertà.

Kontra l-libertà
L-oppost ta’ libertà hija l-oppressjoni, imma mhux biss. L-intolleranza hija wkoll nuqqas ta’ libertà. Sfortunatament ġieli jiġri li bl-għajta tal-libertà tkun qed tinħoloq sitwazzjoni ta’ intolleranza. Tassew li kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu imma b’ daqshekk ma jfissrix li dan huwa privileġġ tiegħi biss. jekk jien nista’ ngħid dak li nħoss ma jfissirx li ħaddieħor għandu jaqbel miegħi u ma jistax jgħid dak li jħoss hu. Meta jiġri hekk tkun inħolqot intolleranza.

Dan l-aħħar rajna xi każi ta’ intolleranza. Għax l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech ħabbar li kien sejjer imexxi pellegrinaġġ bħala talba għax-xita f’ pajjiżna kien hemm bosta li kkummentaw b’ mod ironiku, b’ mod li riedu jirredikulaw lill-Isqof. Din x’ libertà hi? Inti jekk jidhirlek li għandek tieħu sehem fil-pellegrinaġġ mur, jekk le tmurx, imma ħalli lil ħaddieħor jagħmel li jrid. Intolleranza oħra rajnieha fil-konfront tal-Arċisqof ta’ Malta. Għax Monsinjur Scicluna wera l-punto di vista tal-kummissjoni tal-Knisja fir-rigward tal-Gay conversion therapy qamu l-irwiefen kollha kontra tiegħu. Mela dan mhux pajjiż ħieles li kulħadd għandu dritt tal-espressjoni?

Jekk naqbel biss ma’ dak li jaqbel miegħi ma nkunx qed neżerċita libertà sħiħa imma waħda kosmetika u superfiċjali,  jekk nipprova nsodd ħalq min ma jaqbilx miegħi inkun qed noħloq intolleranza, li hija l-oppost tal-libertà.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 5 ta' Marzu 2016







Nessun commento:

Posta un commento