sabato 19 marzo 2016

Marċi funebri

F’ dawn iż-żminijiet tas-sena huma bosta dawk jehdew jisimgħu il-marċi funebri. Għad-dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira dawn il-marċi huma l-isbaħ mużika u jibdew jisimgħuhom hekk kif jgħaddi l-Milied. Aktar ma tibda toqrob il-Ġimgħa l-Kbira aktar jikber l-interess u spiss tibda tisma’ xi karozza għaddejja minn ħdejk li s-sewwieq tagħha jkun qed jisma’ dawn il-marċi. Mill-banda l-oħra ssib min jgħidlek li dawn huma marċi ta’ niket u dieqa u ma jkunx irid jisma’ bihom.

Il-marċi funebri huma mużika adattata għall-funerali jew purċissjonijiet reliġjużi. L-oriġini ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika kien matul is-seklu XVII li ftit ftit beda jiżviluppa sakemm laħaq l-aqwa tiegħu matul ir-revoluzzjoni Franċiża. L-awtur Anatole Leiken, fil-ktieb tiegħu “The Mystery of Chopin's Préludes” jgħid li Chopin, minkejja li kiteb silta waħda biss bħala marċ funebru, bl-isem “Marche funébre” għall-ħabta tal-1826, liema marċ għadna nisimgħuh jindaqq spiss anke f’ pajjiżna, insibu bosta elementi li nsibu fil-marċi funebri fil-mużika l-oħra li kiteb.[1] Fis-seklu ta’ wara din il-forma ta’ mużika għamlet passi kbar il quddiem u bosta kompożituri ħallewlna xi xogħol t a’ dan il-ġeneru.

Il-bidu
Meta bdew jinkitbu u ovvjament jindaqqu dawn it-tip ta’ marċi, kienu jservu għall-baned sew militari kif ukoll mhux militari. Dan il-baned kienu jdoqqu dawn il-amrċi biss f’ xi funeral ta’ xi persuna famuża. Fil-fatt aktarx li wieħed mill-ewwel funerali li sar bil-banda u nstemgħu dawn il-marċi kien dak ta’ Anna Marija Vittorja tal-Bavarja li mietet f’ Versailles, fl-20 ta’ April 1690. Għal dan il-funeral il-kompożitur André Danican Philidor kiteb il-mużika bl-isem “La Marche des pompes funèbres pour la Dauphine”. Wara insibu l-funeral tar-Reġina Marija II tal-Ingilterra. Din ir-Reġina mietet fit 28 ta’ Diċembru, 1694 iżda l-funeral statali tagħha sar fil-5 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. Għal din l-okkażjoni l-kompożitur Henry Purcell kien kiteb il- “Music for the funeral of Queen Mary” . Din il-kompożizzjoni hija meqjusa bħala l-ewwel marċ funebri, għalkemm ma għandiex għal kollox l-istil tal-marċi tal-lum.

Ismijiet kbar
Henry Purcell 
Sa issa semmejna tliet kompożituri li ħallewlna xi mużika jew marċ funebri, imma dan il-ġeneru ta’ mużika kien ta’ aspirazzjoni għal bosta u bosta kompożituri oħra.  Ma nistgħux nitkellmu fuq il-marċi funebri u nħallu barra lil Georg Friedrich Händel, lil François Giroust, lil Wolfgang Amadeus Mozart, lil Ludwig van Beethoven, lil Franz Schubert, lil Franz Liszt, lil Gaetano Donizetti,lil Richard Wagner u lil bosta oħrajn li ħallewlna patrimonju mużikali għani anke fejn jidħlu n-noti kiebja tal-funebri.

Aktar qrib tagħna insibu aktar kompożituri li paxxewna bil-marċi funebri tagħhom. Angelo Melilli, Antonio Miruzzi, Giovanini u Vittorio Maltese huma kompożituri Taljani li tawna marċi kapolavuri ta’ dan il-ġeneru bħal Cipresso, Venerdi Santo, Estremo Addio u Piange Italia, li huma popolari ferm magħna l-Maltin. Darba kienu qaluli li l-marċ “Piange Italia” kien inkiteb għall-funeral statali ta’ Aldo Moro, li sar ġewwa Ruma fl-10 ta’ Mejju fl-1978. Pajjiżna wkoll jista’ jiftaħar b’ kompożituri Maltin li tawna bosta marċi funebri. Vincenzo Ciappara, Ġanni Vella, Abel J. Mizzi, Sunny Galea, Andrew Coleiro, Joseph Abela Scolaro, Ray Sciberras huma biss ftit minn dawk is-surmastrijiet Maltin li kabbrulna l-arkivji tal-baned tagħna bil-marċi funerbi wkoll.

Dediki u tifkiriet
Bosta drabi meta tonqos xi persuna famuża, jinkitbilha marċ funebri li jkun ikkummissjonat minn dawk li jkunu qrib tal-persuna jew minn ammiraturi tagħha. Fil-fatt mal-partituri tal-marċi funebri Maltin insibu dawk bl-isem “Alla Memoria del Onor. Gorg Borg Olivier” tas-surmast Emmanuel Bugeja u “B'Memorja lill-Perit Duminku Mintoff” tas-surmast Antoine Mercieca. Xi marċi oħra jissemmew għal xi persuna għażiża ta’ dak li jkun ħallas il-marċ.

Sa qabel ma s-CDs saru daqsehekk popolari, il-baned Maltin kienu joħorġu cassettes bil-marċi funebri. Illum bit-teknoloġija moderna sar aktar komdu li tisma’ dawn il-marċi u għalhekk nistgħu ngħidu li llum kull għaqda mużikali f’ Malta għandha Cds bil-marċi funebri.

Mixi
Aktarx li l-marċi funebri f’ pajjiżna nisimgħuhom jew fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jew f’ xi funeral. Aktarx li nisimgħuhom jindaqqu minn xi banda ta’ xi belt jew raħal tagħna. Meta jsir xi funeral statali iżda naraw xi banda militari ddoqq dawn il-marċi. Id-differenza hija li waqt li banda ta’ raħal jew belt ma timmarċjax waqt li ddoqq, banda militari żżomm ukoll il-pass mal-marċ. Il-marċi funebri għandhom it-temp ta’ dak li jissejjaħ slow march.

Ninsabu fiż-żmien tal-marċi funebri, mużika li ma nisimgħuhiex is-sena kollha. Huwa tajjeb li napprezzaw dan il-wirt ukoll għax jifforma parti mill-kultura tagħna.



Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 19 ta' Marzu 2016







[1] Anatole Leikin, The mistery of Chopin's preludes, Ashgate Publishing, Santa Cruz USA, 2015, p. 76.

Nessun commento:

Posta un commento