Nassumi li bosta
minna nafu li fit-8 ta’ Diċembru li għadda il-Knisja Kattolika bdiet is-sena
tal-Ġublew tal-Ħniena. Qegħdin nisimgħu spiss il-kelma “Ġublew”, imma nafu xi
tfisser tassew?
L-għerq tal-kelma
Il-kelma “ġublew”
ġejja mill-kelma Latina “iubilaeus”
li kienet tirreferi għas-sena tal-Ġublew tal-Lhud. Xi wħud kienu jassoċjaw din
il-kelma ma’ kelma Latina oħra, “iubilare”
li tfisser tfaħħar lil Alla. Fil-Grieg antik insibu l-kelma “iobelaios” li ttieħdet mill-kelma
Lhudija “yobel” li tfisser qarn ta’
muntun. Is-sena tal-ġublew tal-Lhud kienet tibda billi jindaqq (bħal tromba) il-qarn
ta’ muntun.
Il-Lhud
Il-Lhud tal-qedem
kienu jiċċelebraw il-ġublew kull ħamsin sena. F’ din is-sena kienu jħallu
l-għelieqi tagħhom jistrieħu, ma kienu jħawlu xejn fihom u ma kienu jaħsdu xejn
lanqas. Kienu jinħelsu l-iskjavi u kien ukoll jinħafer id-dejn.
Għalfejn ħamsin
sena għandna mnejn nistaqsu? Għal-Lhud in-numru perfett huwa n-numri sebgħa. F’
sittt jiem Alla ħalaq id-dinja u s-seba’ jum huwa ddedikat kollu kemm hu għalih.
Issa kull seba’ snin jissejħu ċiklu sabbatiku u seba’ ċikli jagħmlu 49 sena.
Is-sena ta’ wara s-seba’ ċikli, jiġifieri l-ħamsin sena, tkun is-sena
tal-ġublew.
Fil-Knisja
Lejn tmiem
is-seklu XIII bosta pellegrini kienu jmorru Ruma biex jaqilgħu l-indulġenza.
Fit-22 ta’ Frar, 1300, il-Papa Bonifaċju VIII ħareġ il-bolla papali bl-isem “Antiquorum habet fida relatio” fejn
ħabbar l-indulġenza lil dawk li jaqdu ċerti kondizzjonijiet – fosthom li jqerru
dnubiethom u li jżuru l-bażiliċi ta’ San Pietru u ta’ San Pawl ġewwa Ruma darba
kull jum għal tletin jum fil-każ ta’ dawk li joqgħodu Ruma u għal ħmistax-il
jum għal dawk il-pellegrini li ma jkunux joqgħodu Ruma imma jkunu fuq żjara jew
pellegrinaġġ f’ dik il-belt. Minkejja li l-kelma “Ġublew” ma tintużax fil-bolla
tal-Papa, xorta tidher l-intenzjoni li dan jibda jsir kull mitt sena. B’
danakollu xorta kulħadd beda jsejjaħ din is-sena bħala s-sena tal-ġublew.
Bosta kienu dawk
li żaru dawn il-bażiliċi skont kif kienet titlob il-Knisja u għalhekk ħadu
l-indulġenza marbuta ma’ din il-prattika. Nafu b’ nies prominenti li wkoll
wettqu dan l-att ta’ fidi. Nistgħu nsemmu l-artisi Cimabue u Giotto,
id-diplomatiku u bankier Fjorentin Giovanni Vallini u dak li personalment
inqisu bħala l-akbar kittieb Taljan, Dante Aleghieri. Fil-fatt Dante jsemmi l-pelleġrini
f’ Ruma fid-Divina Commedia, Paradiso Canto XXXI.
Il-ġublewijiet
maż-żmien ma baqgħux isiru kull mitt sena imma bdew isiru kull ħamsin sena, u
b’ hekk aktar naraw għalfejn il-kelma ttieħdet minn dik Lhudija għaliex issa
anke s-snin bejn ġublew u ieħor bdew ikunu l-istess. Xebħ ieħor bejn il-ġublew
Lhudi u dak tal-knisja huwa l-ħelsien mill-jasar. Għall-iskjav tal-Lhudi hemm
il-ħelsien mill-jasar ta’ sidu filwaqt li għan-Nisrani hemm il-ħelsien
mill-jasar tad-dnub.
Ħamsin sena ma
humiex wisq, imma lanqas huma ftit u jista’ jiġri li jkun hawn min ma jinzerta
l-ebda ġublew f’ ħajtu. Għalhekk fl-1470, il-Papa Pawlu II iddikkjara li
l-ġublew jibda jkun iċċelebrat kull 25 sena biex jekk jista’ jkun kulħadd
ikollu l-opportunità li jgħix sena ta’ ġublew. Barra minn dawn il-ġublewijiet
jistgħu jsiru oħrajn barra miċ-ċiklu ta’ 25 sena, sewwasew bħal dan li qegħdin
niċċelebraw din is-sena.
Ġublewijiet oħrajn
Ġublew huwa wkoll
anniversarju. Aktarx li l-monarki jiċċelebraw l-anniversarji tat-tlugħ tagħhom
fuq it-tron bħala ġublew. B’ hekk nisimgħu b’ ġublew tal-fidda, 25 sena, ġublew
tad-deheb, 50 sena, ġublew tad-djamenti, 60 sena, ġublew tal-platinum, 70 sena
u l kumpalment. F’ dawn l-okkażjonijiet ġieli jingħataw maħfra lill-ħabsin u b’
hekk iktar nistgħu nassoċjawhom ma’ ġublew.
Indulġenza
Marbutin
mal-ġublew hemm ċerti riti, obbligi u drittijiet. Fost dawn hemm l-għoti
tal-indulġenza lil min ikun fi stat li jirċeviha. Imma x’ inhi l-indulġenza
bosta jistaqsuna?
Biex infisser fi
kliem sempliċi spiss nirrakkonta din l-istorja. Kien hemm ġuvni li ħa lil
sieħbu għand ommu. Din l-omm tant ferħet bil-ħabib ta’ binha li bdiet iddawru
d-dar u turih ir-rigali li spiss kien jagħtiha binha. Ħin minnhom urietu vażun
u qaltlu li dak kien l-aħħar rigal li taha binha. Iż-żagħżugħ ħa l-vażun f’
idejh u beda jiflih. Ħin minnhom il-kelb beda jinbaħ u ħasad liż-żagħżugħ u dan
bil-ħasda telaq il-vażun fl-art, li ovvjament sar frak. Biex ipatti tal-ħsara
li kien għamel, mar xtara vażun bħal dak li waqa’ minn idu u xtara wkoll
bukkett fjuri lil omm sieħbu. Il-ħsara ġiet irranġata billi nxtara l-vażun imma
xorta ma kienx l-istess vażun ta’ bin il-mara. Sabiex jittaffa wkoll it-tort li
l-vażun ma huwiex dak li taha l-iben imma wieħed identiku, ingħata l-bukkett
tal-fjuri.
Hekk ukoll
l-indulġenza. Id-dnubiet jinħafru bil-qrar, l-indulġenza hija bħall-bukkett
tal-fjuri, hija talba biex titnaqqsilna l-piena li jkollna talli dnibna.
Dan huwa
l-ġublew. Issa din is-sena qegħdin niċċelebraw dak tal-ħniena, imniedi
mill-Papa Franġisku.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento