sabato 2 ottobre 2021

Aktar ilbies tal-membri tal-Knisja

 

Il-ġimgħa l-oħra bdejna naraw xi ħaġa fuq fuq dwar xi lbies li jilbsu il-membri ordnati tal-knisja, jiġifieri is-saċerdoti, isqfijiet, kardinali jew patrijarki u l-papa. Illum ser niffoka dwar ilbiex li jintlibes fuq ir-ras jew fuq l-ispallejn u ntemm mad-dawra tal-qadd. Għandna mnejn illum il-ġurnata ma għandniex naraw xi wħud minn dan l-ilbies, għax forsi lanqas huwa prattiku għall-ħajja tal-lum imma b’daqshekk ma jfissirx li ma għadux jista’ jintlibes.

Il-berittin


Il-berittin teknikament jista’ jintlibes mill-kjeriċi kollha, mill-kardinali sas-seminaristi. Il-berittin ikollu tliet ġwienaħ imissu ma’ xulxin fin-nofs. Dan għandu jintlibes b’mod li dik in-naħa li ma jkunx fiha ġwejnaħ tiġi fuq ix-xellug ta’ dak li jkun. Jeżistu berittini b’erba’ ġwienaħ. Dawn jistgħu jintlibsu minn dawk li jakwistaw dottorat mill-università. L-oriġini tal-berittin mhux magħruf imma beda jintuża mill-kleru wara s-sinodu ta’ Bergamo fl-1311. Fin-nofs tal-berittin insibu ġummiema tonda jew kif jissejjaħ sikwit il-pompom. Dan ma kienx jintuża għall-bidu imma beda jintuża maż-żmien. Il-berittin tal-qassis ikun iswed bil pompom iswed ukoll filwaqt li dak tal-kjeriċi tal-Kamra Appostolika, tal-Prelati Superjuri tal-Kurja Rumana u tal-Kanonċi tal-Bażiliċi Papali jkun iswed bil-pompom vjola. Il-berittin tal-isqof ikun vjola bil-pompom pariġġ filwaqt li l-berittin tal-kardinal li huwa aħmar tal-ħarir moiré ma jkollux  pompom. Fil-quddiesa Tridentina s-saċerdot joħroġ bil-berittin sa fuq l-artal u jerġa’ jilbsu fi tmiem il-quddiesa.

Is-saturnu


Is-saturnu jissejjaħ ukoll il-kappell Ruman jintlibes mis-saċerdoti meta dawn ikunu liebsa s-suttana. Sa żmien il-Papa Pawlu VI l-kadinali kienu jistgħu jużaw is-saturnu ta’ lewn aħmar iżda llum jistgħu jilbsu saturnu iswed bi ġmiemen ħomor mal-ġenb. Is-saturnu tal-isqof ikun l-istess bħal tal-kardinali imma mal-ġenb ikollu ġmiemen ħodor. Il-Papa jista’ jilbes saturnu aħmar bil-burdura u l-ġmiemen lewn id-deheb. Interessanti l-isem ta’ dan il-kappell. Billi huwa kappell nofs tond bil-faldi wesgħin ħafna, jidher donnu l-pjaneta Saturnu. B’hekk jissejjaħ kif jissejjaħ.

Tajjeb ngħidu li l-kardinali kienu jilbsu saturnu aħmar bi ġmiemen imdendlin mal-ġenb li kienu jaslu sa sider il-kardinal. Dan il-kappell kien jissejjaħ Galero. Sa żmien il-Papa Ġwanni XXIII il-kardinali ġodda kienu jirċievu dan il-galero fl-insedjament tagħhom. Illum jirċievu l-berittin aħmar minflok. Il-galero ma għadux jintlibes imma għadna narawh impitter fl-arem tal-kardinali, isqfijiet u parroċċi kif ukoll ta’ kappillani.

Il-pellegrina


Il-pellegrina hija dik il-forma ta’ kappa qasira sal-minkeb jew dik il-muzzetta miftuħa minn quddiem. L-isem ta’ dan l-ilbies ġej mill-kappa tal-ġilda jew drapp oħxon li kienu spiss jilbsu l-pellegrini waqt il-pellegrinaġġi tagħhom. Il-pellegrina tista’ tintlibes mill-qassisin, isqfijiet, kardinali u saħansitra l-Papa. I-pellegrina tal-qassisin hija sewda kollha filwaqt li dik tal-isqof tkun sewda filettata, bil-burdura vjola fir-roża u tal-kardinal bil-burdura ħamra. Il-pellegrina tal-Papa hija bajda kollha kemm hi. Il-Papa Piju IX fl-1850 ta l-privileġġ lill-qassisin kattoliċi fl-Ingliterra u Wales li jilbsu replika tal-libsa tiegħu imma ta’ lewn isewd mhux abjad. Dan il-privileġġ infirex fl-Iskożja l-Irlanda u anke fl-Awstralja u New Zealand. Minkejja li kull kjeriku jist a’ jilbes il-pellegrina, madanakollu normalment narawha fuq l-isqfijiet, il-kardinali u l-Papa. Il-Papa Benedettu XVI meta fl-2013 warrab mit-tmexxija tal-Knisja Kattolika, għażel li bħala Papa Emeritu jibqa’ juża s-suttana bajda imma mingħajr pellegrina.

Il-mantelletta


Il-mantelletta hija parti mill-ilbies korali ta’ ċerti isqfijiet jew dinjitarji oħra qrib tal-Papa. Din hija bħal kappa bla kmiem li tintefa’ fuq l-ispalel u tkun twila sal-irkoppa. Il-kulur tal-mantelletta jkun vjola fir-roża. Din tintlibes fuq is-suttana u r-rukkett imma mingħajr il-muzzetta. Sal-1969 il-mantelletta kienet tista’ tintuża mill-isqfijiet u l-kardinali imma llum l-użu tagħha huwa limitat għal ċereti dinjitarji biss.




Il-faxxa

Il-faxxa hija strixxa drapp li tintlibes mal-qadd fuq is-suttana u tinżel fuq ir-riġel tax-xellug tas-saċerdot. Sa qabel il-Konċilju Vatikan II kienu jeżistu żewġ tipi ta’ faxex, dawk li fit-truf ikollhom il-ġmiemen u dawk li fit-truf ikollhom il-frenża. Fl-1969 nistgħu ngħidu li l-faxex bit-truf bil-ġmiemen ġew aboliti kollha, għajr għal xi eċċezzjonijiet. Il-faxxa tas-saċerdot tkun sewda filwaqt li dik tal-monsinjuri u tal-isqfijiet tkun vjola tagħti fir-roża. Il-faxxa tal-kardinali tkun ħamra filwaqt li l-faxxa tal-Papa tkun bajda. Il-Papa biss jista’ jkollu l-arma tiegħu irrakkmata fuq il-faxxa. Il-faxxa tal-kardinali tkun magħmula minn ħarir b’disinn immewweġ, materjal li spiss ngħidulu moiré, dak li bl-Ingliż jissejjaħ watered silk u bit-Taljan seta annaffiata. Ta’ dan il-materjal ukoll tkun il-faxxa tan-Nunzu Appostoliku imma ta’ lewn vjola fir-roża. Il-faxxa tal-isqfijiet u partijarki hija ta’ dan il-lewn ukoll imma bla ebda disinn, ħarir lixx. Dawk is-saċerdoti li jwettqu ħidma mal-Papa jistgħu jilbsu faxxa sewda tal-moiré.

Tiskanta kemm il-vestwarju tal-kleru huwa vast u tiskanta wkoll kif wara bosta mill-ilbies ikun hemm storja twila, bħalma semmejna f’xi każi llum. Il-ġimgħa d-dieħla nkomplu nagħtu ftit tagħrif ieħor dwar dan is-suġġett.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Ottubru 2021



Nessun commento:

Posta un commento