sabato 23 ottobre 2021

Libertà tal-espressjoni u ċensura

 

Għal mijiet ta' miljuni ta’ nies madwar id-dinja, nistgħu ngħidu li ma tgħaddix ġurnata waħda mingħajr żjara, imqaR waħda qasira fuq xi netwerk tal-media soċjali, bħal Facebook. Dawn is-siti għandhom rwol importanti fil-ħajja soċjali u politika madwar id-dinja billi jsawru x-xena ta’ kif l-individwi jinteraġixxu ma’ xulxin u kif movimenti sew politiċi, reliġjużi u oħrajn ikunu qed jorganizzaw ruħhom u kif ikunu qed jikkomunikaw mal-pubbliku in ġenerali. Biżżejjed waqfa ta’ ftit sigħat fuq xi netwerk minn dawn u qisha waqgħet id-dinja!  Sa issa, il-websajts tan-netwerk soċjali servew bħala post miftuħ fejn wieħed jista’ jgħid u jesprimi ruħu kif irid jew jibda argument. Spiss ikun hemm pressjoni biex tibda ssir ċensura tal-media soċjali. Fi żmien li kulħadd jitkellem dwar id-dritt tal-espressjoni libera, għad hawn post għaċ-ċensura. Min-naħa l-oħra, id-dritt tal-espressjoni jagħti dritt lil dak li jkun li jikteb, jgħid u jxandar dak li jrid?

Xi ismijiet u numri

F’dawn l-aħħar snin, websajts tan-netwerk soċjali bħal Facebook, Google+, Instagram, Myspace, Tumblr, Twitter, u YouTube saru karatteristika li juru l-qagħda tad-dinja onlajn. Bħalissa, żewġ terzi mill-Amerikani kollha b’aċċess għall-internet għandhom account ta’ xi websajt tal-media soċjali. Dan il-fatt jagħmel lil dawn is-siti popolari mmens billi l-maġġoranza ta’ dawk li għandhom account fihom iżuruhom ta’ kuljum. Biex nifhmu ftit nistgħu ngħidu li Facebook, li huwa l-aktar popolari fid-dinja fejn jidħlu websajts ta’ netwerk soċjali, għandu aktar minn 800 miljun membru minn madwar id-dinja kollha. F’jum wieħed ġieli daħlu fih aktar min 500 miljun persuna.

Il-figuri f’Malta huma bejn wieħed u ieħor l-istess bal dawk tal-pajjiżi sviluppati l-oħra. Statistika turi li f’Awwissu, 2021 kien hemm aktar minn 73% tal-Maltin li jużaw l-internet li daħlu fuq Facebook. It-tieni l-aktar media soċjali popolari magħna huwa Twitter li fl-istess xahar li qed insemmu kienu kważi 9% tal-Maltin li jużaw l-internet li daħlu fih. Fl-istess livell magħna l-Maltin hemm is-site Pinterest. Hawn qed naraw li dak li jgħodd għal pajjiżi oħra jista’ jgħodd ghalina wkoll għax qegħdin fuq l-istess livell.

Netwerks b’saħħithom

Il-media soċjali llum qarrbet lill-bnedmin kollha. Illum ma għadux iż-żmien li tikteb ittra lil xi qarib li jgħix l-Awsteralja u trid tistenna x-xhur sakemm tasallu din l-ittra, jiktiblek lura u l-ittra tiegħu tasal għandek. Illum tikteb u tasallek it-tweġiba dak il-ħin jew ftit wara. Is-saħħa tal-media soċajli hija emormi. Tajjeb niftakru kif bdiet dik li ssejħet “ir-Rebbiegħa Għarbija”. Kollox beda minn fuq Facebook. Il-protesti kienu nfirxu sewwa mal-pajjiżi kollha tal-Afrika ta’ Fuq imma l-aktar fl-Eġittu, il-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija, il-Yemen, il-Ġordan u l-Baħrejn. Semmejt dawn il-protesti biex nuri l-qawwa ta’ dawn il-mezzi ta’ media moderni.

Bla ċensura

Meta wieħed jikteb fuq xi wieħed minn dawn il-mezzi dlonk ikun hemm min jara dak li nkiteb. Anke jekk dak li jkun iħassar dak li kiteb, xorta jkun hemm min rah għax meta jkollok daqstant miljuni jużaw dawk in-netwerks ma jistax ikun li dak li jintefa’ fuqu ma jarah ħadd, anke jekk għal ftit sekondi. Allura hawn tidħol il-mistoqsija dwar jekk hemmx bżonn ta’ ċensura fuq siti bħal dawn.

Illum kulħadd sar ġurnalist, illum kulħadd sar xandâr u jkollna nammettu li bosta aħbarijiet li jixxandru minn stazzjonijiet televiżivi jew minn ġurnali stampati jew online, ikunu ttieħdu minn fuq xi mezz ta’ media soċjali li qed insemmu. Imma allura kulħadd jista’ jikteb li jrid?

Iċ-ċensura hija s-soppressjoni ta’ diskors, komunikazzjoni pubblika, jew informazzjoni oħra. Din tista’ ssir meta xi materjal ikun ikkunsidrat oġġezzjonabbli, ta’ ħsara, sensittiv, jew "inkonvenjenti". Iċ-ċensura tista’ ssir minn gvernijiet, istituzzjonijiet privati u korpi oħra ta’ kontroll. Pereżempju film jista’ jiġi ċċensurat minn bord apposta. Ċensura ġenerali sseħħ f’għadd ta’ media differenti, inklużi diskorsi, kotba, mużika, films u arti oħra, l-istampa, ir-radju, it-televiżjoni u l-Internet għal bosta raġunijiet fosthom is-sigurtà nazzjonali, biex tikkontrolla l-oxxenità, ma tħallix it-tixrid tal-pedopornografija, kontra d-diskors ta’ mibegħda, biex tipproteġi lit-tfal jew gruppi vulnerabbli, biex tippromwovi jew tirrestrinġi opinjonijiet politiċi jew reliġjużi, u biex tipprevjeni l-malafama u l-libelli.

Allura meta naraw dan kollu dlonk nindunaw li minkejja li nżommu soda l-għajta tal-libertà tal-espressjoni, naraw ukoll li fejn ikun hemm abbuż dan għandu jiġi ċċensurat. Hawn min jgħid li ċ-ċensura tillimita argument milli jiġi diskuss, imma liema argumenti għandhom dritt jiġu diskussi? Jekk argument iweġġa jew joffendi għandu wkoll ikun diskuss? Il-libertà tiegħi ma tfissirx li nista’ nkasbar lil ħaddieħor. Ħaddieħor għandu d-dritt li jgħix fil-kwiet, bla tgħajjir jew insulti jew abbużi, bħalma għandi jien wara kollox. Għalhekk iċ-ċensura ma tnaqqasx mil-libertà tal-espressjoni imma tissalvagwarda li min jista’ jiġi abbużat jew imewġġa’.

Minkejja li l-libertà tal-espressjoni u ċ-ċensura jidhru li jaħdmu kontra xulxin, fil-fatt jimxu id f’id biex ikun hemm ħarsien tal-libertà għal kulħadd.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Ottubru 2021



Nessun commento:

Posta un commento