venerdì 8 ottobre 2021

Fuq tlieta toqgħod il-borma!

Wara li fil-ġimagħtejn li għaddew ktibt dwar xi lbies ekkleżjastiku, illum intemm dan l-argument twil imma interessanti bi ftit ilbies ieħor tal-membri tal-Knisja.

Il-muzzetta


Il-muzzetta hija bħal kappa twila sal-minkeb li tingħalaq fuq quddiemm bil-buttuni. Il-muzzetta tintlibes fuq ir-rukett jew l-ispellizza bħala parti mill-ilbies korali. Din tintlibes mill-Papa, il-kardinali, l-isqfijiet u l-kanonċi kif ukoll il-kappillani u r-retturi tal-knejjes.

Il-Papa għandu aktar minn verżjoni waħda ta’ muzzetta. Fix-xitwa jista’ jilbes muzzetta ħamra tal-bellus u fit-truf ikollha faxxa ġilda  tal-ermellin. Biss fl-ewwel barka li jagħti Papa ġdid ma jilbisx din imma juża waħda tas-satin mingħajr ermellin. Din il-muzzetta tintuża bejn Għid il-Ħamsin u nhar il-Kunċizzjoni. Bejn il-Kunċizzjoni u l-Għid il-kbir jista’ juża dik ħamra tal-bellus filwaqt li bejn l-Għid il-kbir u Għid l-Ħamsin juża muzzetta bajda tad-damask li jkollha wkoll it-truf tal-ermellin. Din kienet ir-regola sa ftit snin ilu għax illum aktarx li l-Papa qed juża biss il-muzzetta l-bajda sepliċi matul is-sena kollha.

Il-muzzetta tal-kardinali hija ħamra bi tnax-il buttuna filwaqt li tal-isqof hija vjola fir-roża bħalma hija ħafna drabi tal-kononċi, imma dan jiddependi mill-kolleġġjata li jkunu jiffurmaw parti minnha l-kanonċi. Tal-kappillani jew retturi tkun sewda. Ta’ min isemmi wkoll li l-parroċċa tal-Portu Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta għandha l-privileġġ li s-saċerdoti reliġjużi tal-Ordni tal-Predikaturi, jiġifieri l-patrijiet Dumnikani, li jakkumpanjaw il-purċissjoni jilbsu l-muzzetta sewda fuq l-abitu tagħhom. Il-Kanonċi ta’ San Pawl tar-Rabat jilbsu muzzetta sewda b’salib tal-kavallieri abjad kbir fuq quddiem tagħha filwaqt li l-Kanonċi ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara jilbsu muzzetta ħamra b’inforra vjola li tinqaleb fuq l-ispalla x-xellugija. Il-forma ta’ din il-muzzetta hija differenti mill-oħrajn minabba privileġġ ta’ din il-proto-kolleġġjata Maltija.

Ir-rukkett


Ir-rukkett jintlibes fuq is-suttana u għandu l-istess sinifikat bħall-ispellizza. Dan ikun tal-għażel u jkollu miegħu bizzilla li tasal sa nofs il-koxxa. Ir-rukett ikollu wkoll il-biżżilla ma’ isfel tal-kmiem. Beda jintuża fil-knisja aktarx fis-seklu IX imma nxtered sewwa fis-seklu XII. Sa qabel il-Konċilju Vatikan II r-rukkett kien jista’ jintlibes biss minn ċerti dinjitarji tal-Knisja biss wara beda jintlibes mill-kleru kollu. Illum narawh regolari milbus mill-Papa, il-kardinali, l-isqfijiet u l-kanonċi, iżda l-kleru l-ieħor jilbsu f’xi translazzjoni jew purċissjoni. Minflok ir-rukkett tista’ tintuża l-ispellizza li magħha jista’ jkollha xi dawra tal-bizzilla fit tarf tagħha u fil kmiem. Anke il-forma tal-ispellizza tista’ tkun differenti, hemm dik li narawha milbusa mill-abbatini u hemm oħra forma wiesa’. Ir-rukkett ġieli jilbsu ċ-ċerimonjier waqt xi funzjoni liturġika, anke jekk dan ma jkunx kjeriku, imma jkun lajk li jagħmel dak is-servizz.

Il-karlotta


Il-karlotta hija dik li naraw fuq ras is-saċerdoti. Ħafna jaħsbu li din bdiet tintuża mill-kleru biex jiftakru fin-nisel Lhudi ta’ Ġesù billi l-Lhud jilbsu wkoll il-karlotta. Il-karlotta tista’ tintlibes mill-kleru kollu u bdiet tintuża mill-kleru lejn nofs il-Medju Evu biex tilqa’ mill-ksieħ l-irjus tas-saċerdoti. Il-karlotta tal-papa tkun bajda, dik tal-kardinali ħamra filwaqt li tal-isqfijiet vjola fir-roża. Il-kumplament tal-kleru jista’ juża l-karlotta s-sewda. Il-patrijiet Franġiskani ġieli jilbsu karlotta kannella. Fil-liturġija tal-quddiesa din ma tintużax mis-saċerdoti li ma humiex isqfijiet, imma l-isqfijiet, il-kardinali u l-papa, jilbsu l-karlotta fil-quddiesa u din titneħħa fit-talba Ewkaristika sewwasew kif jibda l-prefazju u terġa’ titpoġġa fuq ir-ras wara t-tqarbin. Hija drawwa li bosta knejjes jew għaqdiet jitolbu karlotta tal-papa, kardinal jew isqof biex tinżamm bħala tifkira. 

Il-firjulun


Il-firjulun ftit li xejn għadu jintuża għajr f’xi prima messa jew pussess ta’ kappillan ġdid. Dan huwa speċi ta’ mantell twil sal-għekiesi li jintlibes fuq is-suttana u jingħalaq fuq quddiem permezz ta’ żigarella. L-oriġini tal-firjulun tmur lura sa żmien ir-Rumani li kienu jilbsu dan l-ilbies anke ċ-ċittadini komuni biex jilqgħu l-bard. Il-Knisja mill-bidu addottat dan il-mantell. Dan l-ilbies ma jintużax  waqt funzjonijiet liturġiċi iżda għal okkażjonijiet uffiċċjali.  Is-saċerdoti jistgħu jilbsu firjulun iswed filwaqt li l-isqof jista’ jilbsu ta’ lewn vjola fir-roża. Il-firjulun tal-kardinali jkun aħmar lewn il-porpra u meħjut minn materjal tas-satin moiré. Il-papa ma jilbisx dan lilbies imma nsibu l-firjulun abjad li jista’ jintlibes minn Abbati ta’ xi monasteri. Tajjeb ngħidu wkoll li kien jeżisti wkoll il-firjol li waqt li l-firjulun kien jintuża għal okkażjonijiet speċjali, dan kien jintuża għal kuljum.

Tmiem

Dan huwa ħafna mill-ilbies mhux liturġiku li jintuża mill-kjeriċi. Dan kollu li ktibt tul dawn l-aħħat tliet ġimgħat dwar l-lbies ekkleżjastiku ma huwiex xi studju xjentifiku imma huwa frott il-ħafna domandi li dejjem għamilt u t-tweġibiet li tawni jew li fittixt. Jista’ jkun li xi ilbies jintuża b’mod differenti milli fissirt hawnhekk jiena. L-għan tiegħi wara li rajt l-interess tal-qarrejja kien li nkunu xi ftit midħla anke mal-ilbies ekkleżjatiku mhux liturġiku.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Ottubru 2021



Nessun commento:

Posta un commento