venerdì 12 ottobre 2018

Il-Barrakka ta’ Isfel


Meta nsemmu l-barrakka u l-Belt Valletta bla ma rridu aktarx li f’moħħna nimmaġinaw dak il-ġnien sabiħ li hemm iħares fuq il-port il-Kbir donnu gallarija li d-daħla tiegħu tinsab ftit bogħod mill- berġa ta’ Kastilja u ninsew li f’din l-istess belt għandna  ġnien ieħor li jissejjaħ barrakka minkejja li ma huwiex kbir jew ċentrali daqs dak li jissejjaħ Barrakka ta’ fuq.

Jekk tkun għaddej minn fejn id-daħla tal-Barrakka ta’ Isfel bla ma tkun taf li hemm dan il-ġnien għandek mnejn tibqa’ għaddej bla ma titħajjar tidħol għax  biex ngħidu d-dritt id-daħla hija xi ftit jew wisq moħbija mit-triq jekk tkun tiela’ min-naħa ta’ Dar il-Mediterran. Jekk tkun nieżel minn fejn is-sur ta’ Santa Barbara iktar wieħed jista’ jinduna bil-kanċell li jdaħħlek f’dan il-ġnien.

Skiet u dell
Ħaġa li tolqtok hekk kif tidħol f’dan il-ġnien huwa s-skiet li fih kif ukoll il-ħafna dell li wieħed isib minħabba l-għadd ta’ siġar għoljin li fiha l-Barrakka. Dan il-post jista’ jkun ideali għal waqfa ta’ mistrieħ għad-dell u l-kwiet anke fix-xhur jaħarqu tas-sajf. Wieħed isib għadd ta’ bankijiet fejn jista’ jpoġġi bilqegħda u jgawdi veduta mill-isbaħ tad-daħla tal-Port il-Kbir u tas-swar tal-Kottonera. Il-passaġġi tal-ġnien huma msebbħa bi xtieli u fjuri li flimkien mas-skiet u d-dell jagħmlu oasi ta’ paċi, daqxejn ta’ ġenna tal-art!

Monumenti
Alexander Ball
Bla ma trid meta tkun fil-barrakka ta’ isfel tilmaħ bini fuq stil Grieg. Dan il-bini li jiddomina lil dan il-post huwa monument f’ġieħ Sir Alexander John Ball. Quddiem dan il-monument, bejn wieħed u ieħor fin-nofs tal-ġnien, hemm funtana tonda li tkompli ssebbaħ u tati l-ħajja lil dan il-ġnien, imma xejn ma huwa aktar imponenti mill-mafkar ta’ Ball. Għalfejn?

Alexander Ball huwa figura importanti fl-istorja ta’ Malta u għalhekk kien jixraq li jinbnielu mafkar biex nibqgħu niftakru fih. Huwa twieled fl-1757 ġewwa Ebworth Park, Sheepscombe, Gloucestershire. Daħal man-Navy fejn mexa ħafna ’l quddiem u laħaq anke kmandant u aktar tard kaptan. Xogħlu laqqgħu ma’ Lord Nelson u b’hekk dawn iż-żewġ  persuni kbar fl-istorja saru wkoll ħbieb. Huwa żar Malta l-ewwel darba fit-12 ta’ Ottubru 1798 meta l-Franżiċi kienu ilhom Malta madwar ħames xhur. Mill-ewwel il-Maltin raw fih persuna li tista’ tkun ta’ għajnuna kbira lejn pajjiżna. Jingħad li dan Ball irċieva ittra mingġand Ċensu Borg, Brared, fejn kien mitlub li l-gżejjer Maltin jgħaddu f’idejn il-Kuruna Brittanika bħala tmexxija wara li jitkeċċew il-Franċiżi. Hemm min jgħid li bosta Maltin kienu qed jibżgħu li jerġgħu jiġu lura lejn Malta il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Fid-9 ta’ Frar 1799, waqt l-imblokk tal-Franċiżi, huwa nħatar Kummissarju Ċivili ta’ Malta, kariga li dam jokkupa għal sentejn sakemm Malta għaddiet f’idejn l-Ingliżi. Ball miet f’Malta sewwsew fil-Palazz ta’ San Anton nhar il-25 ta’ Ottubru 1809. Huwa ndifen fil-Forti Sant Iermu fil-Belt Valletta. Sena wara mewtu inbena dan il-momument neoklassiku fil-Barrakka ta’ Isfel bħala xhieda tal-imħabba li l-poplu Malti kellu lejn dan il-bniedem kbir. Illum ftit huma dawk li jafu min kien dan Alexander Ball u wisq inqas jafu li għandu monument f’dan il-ġnien.

Minn fuq is-swar
Il-monument ta' Ball
Meta tkun f’dan il-ġnien minbarra dak li hemm fih, tkun tista’ tgawdi wkoll dehriet mill-isbaħ. Minn fuq is-swar li jservu bħala l-ħajt tal-ġnien tista’ tara veduta mill-isbaħ tal-port il-kbir, tas-swar tat-tliet ibliet, Il-Birgu, Bormla u l-Isla, il-gardjola, il-forti Sant Anġlu kif ukoll l-attività marittima li l-Port il-Kbir huwa mimli biha. Il-pixkerija li llum ma għadiex taqdi x-xogħol li kienet tagħmel għal bosta snin. Vapuri tal-kummerċ, vapuri li jġorru eluf ta’ turisti li jżuru Malta għal ġurnata, dgħajjes ta’ Maltin dilettanti tal-baħar u laneċ bit-turisti jiddominaw ix-xena meraviljuża li wieħed jara min dan il-ġnien.  Id-daħla tal-Port il-Kbir, il-pont li llum reġa’ qiegħed jgħaqqad il-break water u l-monument tal-qanpiena li tfakkar l-assedji ta’ Malta. Dan huwa wkoll monument ieħor li minkejja li ma jinstabx fil-Barrakka ta’ Isfel, xorta waħda jidher sewwa minnha. Il-qanpiena li fih dan il-monument tiżen 10 tunnellati. Il-monument kien inawgurat mir-Reġina Eliżabetta II fid-29 ta’ Mejju 1992 f’għeluq il-ħamsin sena mill-għoti tal-George Cross lill-gżejjer Maltin. Iżda l-ħsieb wara dan il-monument ma huwiex li jfakkar biss il-vittmi tat-tieni gwerra iżda anke lil dawk tal- Assedju l-Kbir tal-1565. Propju dan il-post, kemm fl-Assedju l-Kbir kif ukoll matul il-gwerra, kien wieħed strateġiku għax jgħasses id-daħla tal-Port il-kbir, l-aktar port importanti tal-pajjiż.

Ċkejken veru l-ġnien tal-Barrakka ta’ Isfel imma jirrakkonta parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Ta’ min iżuru meta jkun il-Belt u jkollu ftit ħin!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Ottubru 2018





Nessun commento:

Posta un commento