Ix-xahar ta’ Ottubru huwa magħruf ma’ ħafna bħala x-xahar tar-Rużarju. Nhar
is-7 ta’ dan ix-xahar niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Forsi
tajjeb inkunu nafu xi ħaġa dwar din it-talba kif ukoll dwar din il-festa.
Lazzaro Pisani - Madonna tar-Rużarju Knisja Arċipretatli Ħaż-Żebbuġ |
Jingħad li fil-bidu tas-sekli XIII wieħed saċerdot Spanjol bl-isem ta’
Duminku kien jinsab Prouille fi Franza. Dan kellu dehra mingħand il-Madonna li
tatu t-talba tar-Rużarju. Illum dak is-saċerdot huma magħruf bħala San Duminku
li waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, Ordni li sal-lum, aktar minn 800 sena wara
għadu jxerred id-devozzjoni lejn din it-talba Marjana. Forsi ftit huma dawk li
jafu fejn jinsab dan ir-raħal. Dan jinsab qrib il-Belġju, raħal li llum fih
ftit aktar minn tliet mitt ruħ, raħal ċkejken illum aħseb u ara fi żmien San
Duminku! Madanakollu kien f’dan ir-raħal ċkejken li nbdiet it-talba
tar-Rużarju.
Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju indirettament hija wkoll marbuta mal-Ordni
mwaqqaf minn San Duminku. Wara li l-Insara rebħu l-battalja ta’ Lepanto li
seħħet fis-7 ta’ Ottubru 1571 u l-qawwiet Torok ċedew l-armi, dak il-jum kien
iddikkjarat bħala l-festa tal-Madonna tar-Rebħa. Il-papa ta’ dak iż-żmien
inzerta kien membru tal-Ordni tal-Predikaturi, Piju V, li ftit snin qabel, wara
l-Assedju l-Kbir ta’ pajjiżna, fl-1565, kien għen bil-kbir għall-bini tal-Belt
Valletta. Dan il-papa kien talab lill-Insara kollha biex dakinhar tal-battalja
ta’ Lepanto jgħidu r-Rużarju bil-qalb sabiex tintrebaħ din il-battalja li seta’
jkollha effett ikrah fuq l-Ewropa kemm-il darba tintilef. Ma damitx wisq li
l-festa tal-Madonna tar-Rebħa għaliex inbidlilha l-isem u bdiet tissejjaħ
il-Madonna tar-Rużarju għax ħafna attribwew din ir-rebħa għar-Rużarju li ntqal
mill-Insara kollha dakinhar.
La għidna fejn jinsab Prouille tajjeb ngħidu wkoll fejn insibu Lepanto.
Illum Lepanto ma għadux jismu hekk imma jġib l-isem ta’ Nafpaktos. Huwa port fil-Punent
tal-Greċja li għandu madwar għoxrin elf abitant. Illum ma għadx għadnu l-importanza
li kellu snin ilu u aktar sar attrazzjoni turistika minħabba l-fdalijiet li fih
milli port ta’ attività marittima.
F’Malta id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju hija mifruxa fil-parroċċi
kollha u nistgħu ngħidu li kważi f’kull parroċċa ssir il-festa ta’ din
il-Madonna taħt dan it-titlu. Bosta knejjes għandhom ukoll artal iddedikat
lilha, ħafna drabi f’xi kappellun. Dan il-fatt juri l-antikità tad-devozzjoni
għaliex l-artali laterali tan-navi ħafna drabi jkunu nbnew wara l-kappelluni
fil-knejjes antiki tagħna. Barra minn hekk għandna bosta fratellanzi
tal-Madonna tar-Rużarju. Illum li l-fratellanzi nistgħu ngħidu tilfu l-iskop li
għalih twaqqfu, madanakollu xorta għadek ssib membri fihom li jistinkaw biex
kull sena jagħmlu festa xierqa lill-patruna tal-fratellanza tagħhom.
Devozzjoni partikolari lejn din il-Madonna nibtet qrib Napli, sewwasew
Pompei. Il-festa tal-Madonna ta’ Pompei tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Mejju imma
hija wkoll il-Madonna tar-Rużarju. U biex inkunu qed ngħidu kollox anke
l-Madonna ta’ Fatima hija magħrufa bħala l-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima u
l-festa tagħha niċċelebrawha fit-13 ta’ Mejju.
Din id-devozzjoni ma hijex xi waħda moderna imma għandha ’l fuq minn 450
sena. F’pajjiża hija qawwija u għalhekk insibu bosta kwadri ta’ artisti, kemm
lokali kif ukoll barranin kif ukoll statwi tal-Madonna taħt dan it-titlu.
L-ewwel statwa tal-Madonna tar-Rużarju f’Malta saret minn Melchiorre Gafà u
waslet Malta fl-1661 billi l-artist ħadimha Ruma. Din tinsab fil-knisja
tad-Dumnikani tar-Rabat. Fuqha saru bosta statwi oħrajn tal-Madonna
tar-Rużarju, u mhux biss!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 14 ta' Ottubru 2018
Nessun commento:
Posta un commento