domenica 28 ottobre 2018

L-Angelus


Fost l-Insara hemm bosta drawwiet sbieħ li sfortunatament biż-żmien jew intilfu jew għebu għal kollox mill-ħajja ta’ kuljum. Fost dawn insibu l-Angelus, id-daqq tal-qniepen biex ifakkar lil dak li jkun li sar il-ħin għal ftit waqfien mill-ħidma tal-ġurnata u biex jerfa’ ħsiebu lejn il-Mulej.

Mhux faċli wieħed jgħid b’ċertezza kif bdiet din id-devozzjoni. Li nafu hu li fis-seklu ħdax f’xi monasteri kienet tindaqq qanpiena biex tingħad il-kompieta, it-talba ta’ għeluq il-jum u kienu jiġu reċitati tliet Ave Marijiet. Fi żmien l-ewwel Kruċjata li ġrat bejn l-1095 u l-1099, meta l-Knisja kienet immexxija mill-Papa Urbanu II, ħarġet it-talba biex l-Insara kollha jitolbu lil Marija Santissima għal dawk li marru jissieltu għall-fidi u għall-psotijiet għeżież għat-twemmin Nisrani fosthom il-qabar ta’ Kristu. Fl-1456 il-Papa Kallistu III ordna li f’nofsinhar tibda’ tindaqq mota bil-qniepen tal-knejjes biex tfakkar lill-Insara jieqfu ftit u jitolbu lil Alla kontra l-attaki tat-Torok, li f’dawk iż-żminijiet kienu ħafna. Fl-1472 is-Sultan Luwiġi XI ta’ Franza ordna li fir-renju tiegħu kollu jibda jindaqq l-Angelus bil-qniepen tal-knejjes kollha f’nofsinhar u filgħaxija. Minn dak iż-żmien din id-drawwa nfirxet mad-dinja Kattolika kollha.

San Franġisk
Xi wħud jemmnu li din id-drawwa daħħalha fl-Ewropa il-qaddis Franġisku li meta kien fi triqtu lejn l-Art Imqaddsa kellu jgħaddi minn ħafna artijiet Musulmani. Hemmhekk huwa ra kif dawn jiġu msejħa u mħajra jitolbu billi l-Muweżin jitla’ fil-minarett u jgħajjat lill-fidili biex jitolbu. Ix-xewqa ta’ Franġisku aktarx bdiet minn hemm iżda minflok bniedem li jħajjar għat-talb, dan seta’ jsir bid-daqq tal-qniepen.  Illum l-Angelus għad hawn min jgħidu tliet darbiet kuljum, u bosta jsejħulu “Tat-tmienja” jew “Ta’ nofsinhar”.  Din id-drawwa għadha ħajja fil-monasteri u l-kunventi. Patrijiet u sorijiet jinterrompu l-ħidma tagħhom tliet darbiet kuljum biex jinġabru għat-talb.

Mill-Vatikan
Din id-drawwa naqset minn bosta lajċi imma għadna nsibuha kull nhar ta’ Ħadd fi pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan. Min ikun Ruma jipprova li l-Ħadd f’nofsinhar imur f’din il-pjazza biex flimkien mal-Papa jirreċita din it-talba. Il-Papa joħroġ mit-tieqa tal-appartament tiegħu u wara li jwassal messaġġ jgħid din it-talba, bil-Latin flimkien mal-folla miġbura fil-pjazza.  Jekk id-drawwa tal-Angelus hija qadima, din li jgħidu l-Papa man-nies hija relattivament moderna. Kien il-Papa Ġwanni XXIII li kull nhar ta’ Ħadd beda jwassal messaġġ lid-dinja. Kien żmien li t-trasmissjoni televiżija diretta kienet għadha kemm twieldet u għalhekk dan il-Papa u l-messaġġ u t-talba tal-Angelus li kien jitlob nhar ta’ Ħadd f’nofsinhar bdew jiġu mxandin fuq l-istazzjon televiżiv Taljan. Illum li għaddew kważi sittin sena għadna naraw il-Papa fuq it-televiżjoni kull nhar ta’ Ħadd f’nofsinhar. Tajjeb ngħidu li fi żmien il-Għid din it-talba ma tingħadx iżda minflokha tingħad ir-Regina Coeli, talba li tfakkar il-ferħ tar-Reġina tas-Sema (Regina Coeli) bil-qawmien ta’ binha mill-mewt.

Sempliċità
It-talba tal-Angelus fiha nfisha hija waħda sempliċi u qasira, tirrakkonta li Marija kellha t-taħbira mingħand l-Anġlu (li fil-fatt jagħti l-isem lit-talba) u din aċċettat dak li qalilha biex l-iben ta’ Alla isir bniedem. Dan kollox, flimkien ma’ tliet Ave Marijiet. Talba sempliċi imma bi storja kbira li tajjeb wieħed jiftakar jgħidha tal-anqas darba kuljum!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 28 ta' Ottubru 2018

L'immagine può contenere: 1 persona

Nessun commento:

Posta un commento