venerdì 25 agosto 2017

Ġelat

Fil-jiem tas-sajf żgur li lkoll kemm aħna nieħdu gost nieħdu xi ġelat tajjeb. Huwa d-deżerta favorita mal-maġġoranza tan-nies fil-jiem sajfin, għalkemm illum il-ġelat ma nsibuhx biss fis-sajf imma nistgħu nduquh matul is-sena kollha.

Dan id-daqsxejn ta’ ġelat għandu storja interessanti ħafna.

Silġ u melħ
Il-kultivazzjoni tal-pjanti taz-zokkor fi Sqallija taf il-bidu tagħha fi żmien l-Għarab. Kienu dawn li fis-seklu IX wasslu din il-pjanta fi Sqallija u fi Spanja. Iz-zokkor huwa ingredjent importanti ħafna fit-tħejjija tal-ġelat u għalhekk fil-gżira ġara tagħna, minn dak iż-żmien beda jsir xi forma ta’ ġelat. L-Għarab kellhom id-drawwa li jagħmlu bħal te bl-ilma, zokkor, ħxejjex u ħwarar. Fi Sqallija dan ix-xorb beda jiġi ffriżat billi r-reċipjent tiegħu kien jitpoġġa fis-silġ, li kien jinġieb minn fuq il-Vulkan Etna, u mas-silġ jitħallat il-melħ biex dan idum ma jdub. Dan aktarx kien il-bidu tal-granita li tant hi popolari fi Sqallija. Ġewwa Sardegna għall-ħabta tas-sena 1600 inbdiet l-industrija tas-silġ. Issa f’ din il-gżira bdejna nsibu taħlita ta’ ilma, zokkor u lumi frizati.

Din il-ħaġa tfakkarni fil-ġelat tal-bezzun li fl-antik tant kien popolari ġewwa Malta. Biex ngħid id-dritt jien ma tantx niftakru, iżda niftakar bejjiegħ ta’ dan it-tip ta’ ġelat fil-festi ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Marija tar-Rabat Għawdex. Kien jarma taħt il-Banca Giuratale fit-Tokk. Kont nistenna minn sena għal sena biex nixtri tazza minn dan il-ġelat tassew tajjeb. Kien appuntament annwali li sfortunatament ma għadnix inżommu għax dak il-bejjiegħ tal-ġelat tal-bezzun ma għadux jarma.

Anke qabel
B’ dan li għidt sa issa ma rridx infisser li l-ġelat jaf il-bidu tiegħu fi Sqallija, ridt insemmi din il-gżira sempliċiment għax hija qrib artna u faċilment li l-ewwel ġelat f’ Malta wasal minn hemm.
Iżda xi tip ta’ ġelat jew l-antenat tiegħu ilu jeżisti ħafna. Nafu li kien hemm popli li jħalltu frott u għasel mas-silġ u jiekluh. Din it-taħlita nafu li kienet tinbiegħ fil-Ġreċja sa xi ħames mitt sena qabel Kristu.  Fiċ-Ċina kien jitħallat ħalib, ross u għasel mas-silġ. Dan ukoll kien jinstab qabel Kristu. Jingħad li Neruni, l-Imperatur Ruman, kien jordna li jinġieb f’ Ruma silġ minn fuq tal-Italja biex jitħallat mal-frott u kien iservieh fil-pranzijiet lussużi li kien jagħmel.

Jinxtered fl-Ewropa
Jingħad li meta fl-1533 id-Dukessa Katarina de’ Medici żżewġet lid-Duka ta’ Orleans, billi hija kienet Taljana u hu Franċiż u kellhom jgħixu fi Franza, hija ħadet magħha xi koki Taljani li minbarra l-ikel li kienet imdorrija bih, kienu wkoll iħejju ġelati. Għandu mnejn dan il-pass kien il-bidu tat-tixrid tal-ġelat madwar il-kontinent tagħna. Aktar tard il-Re Karlu I tal-Ingliterra jingħad li ta somma kbira ta’ flus lil kok tiegħu biex ir-riċetta tal-ġelat li kien jagħmillu ma jgħaddiha lil ħadd biex tibqa’ riċetta rjali.

Ġelat tal-bezzun
Ma għandiex fonti storiċi dwar dawn iż-żewġ stejjer, imma b’ xi mod jew ieħor il-ġelat  ma baqax ikel irjali u sirna nsibuh mad-dinja kollha. Żgur li nxtered u sar imfittex. F’Malta l-ġelat daħħluh il-kavallieri. Illum nafu li fil-palazz tal-Inkwiżitur tal-Birgu kien jissajjar dan il-ħelu sa mis-seklu XVII.

Meta kton ngħix Bologna qatt ma tlift l-okkażjoni li nieħu xi ġelat tajjeb. Dik il-belt hija sinonima mhux biss mat-tortellini u l-mortadella, imma anke mal-ġelat tajjeb li wieħed issib fiha. Kull meta kien jiġi xi ħadd iżurni, dejjem offrejtlu ġelat minn xi waħda mill-ġelateriji li hemm. Ngħid id-dritt, jien mhux xi wieħed li niġġennen għall-ġelat, imma għal dak ta’ Bologna nagħmel eċċezzjoni u nibdlu ma’ kollox.

Tifkiriet
Il-ġelat iġibli wkoll bosta tifkiriet tal-imgħoddi. Waqt il-vaganzi tas-sajf, meta kont għadni tifel tal-iskola, niftakar li ta’ kuljum kien jiġi van bil-ġelat fit-triq tagħna. Kien idoqq il-mużika ta’ Doctor Zhivago donnha tal-kaxxa tal-ġojjelli (li dejjem baqgħet vojta) li kellha ommi fis-salott. U aħna ta’ tfal li konna noħorġu nixtri ġelat, slice jew kornet jew tal-barmil jew granita. Skont dak li niggustaw jew li jkollna aptit. Illum għadna naraw xi van bħal dawn fit-toroq tagħna imma billi l-ġelat sar prodott li spiss ikun fil-fridges tagħna, l-istennija għalih ma għadiex bħal ta’ dari.

Niftakar ukoll il-festini, xi għerusija, it-tiġijiet, magħmudija, il-festi tal-ewwel tqarbina jew tal-griżma. Festin ma kienx ikun komplut jekk fl-aħħar ma jitqassamx il-ġelat fi plattina. Ma’ dan il-ġelat kien ikun hemm bħal biskuttin tal-pane di Spagna. M’ilix wisq inzertajt f’festin li offra dan it-tip ta’ ġelat – ġelat Malti magħmul mill-ħalib tal-bott u l-bastun tal-kannella. Ngħid id-dritt ħadni lura fiż-żmien, ġabli memorji ta’ meta tifel żgħir kont inkun mal-ġenituri għal xi okkażjoni minn dawn u kont nistenna dik il-plattina bil-ġelat.

Ma nafx jekk b’dan li għidt illum ġibtilkomx aptit ta’ ġelat tajjeb? Jien ngħid għalija ftaħtu l-aptit!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Awwissu 2017




Nessun commento:

Posta un commento