venerdì 10 febbraio 2017

Imħabba

Kull sena fl-14 ta’ Frar niċċelebraw il-festa tal-maħbubin, dik li nsejħulha l-festa ta’ San Valentinu. Bħal bosta festi u tifkiriet oħrajn, dan il-jum sar wieħed ikkummerċjalizzat u minħabba f’ hekk hemm lok li jintilef is-sens veru tal-jum: l-imħabba!


X’ inhi l-imħabba?
Il-kelma “Mħabba” hija wżata bosta drabi u f’ kuntesti diversi. L-imħabba fiha nnifisha hija wkoll abbużata għaliex hemm min jinqeda biha biex jilħaq skopijiet ulterjuri. L-imħabba hija sentiment vast. Hemm bosta tipi ta’ mħabba; imħabba fil-familja, imħabba bejn il-ħbieb, imħabba bejn żewġ persuni li jkollhom ix-xewqa li ma jinfirdu qatt minn xulxin, l-imħabba lejn l-oġġetti sbieħ bħall-arti u l-kultura, l-imħabba lejn id-dinja u dak kollu li fiha, l-imħabba lejn l-ikel favorit tiegħi, l-imħabba lejn dak li jagħtini sodisfazzjon u gost. Dawn huma kollha tipi ta’ mħabba iżda ma hemmx għalfejn ngħidu li huma kollha tipi differenti. Bniedem ma jistax iħobb bniedem ieħor bħalma jħobb il-karozza. Huwa proprju hawn fejn isir l-abbuż mill-imħabba meta niżbaljaw fl-għażla ta’ mħabba lejn l-oġġett jew l-essere partikolari.

Eros jew Kupidu
Il-funtana bl-istatwa ta' Eros
 f' Piccadilly Circus Londra
Fil-mitoloġiji antiki niltaqgħu mal-alla tal-imħabba. Għall-Griegi antiki l-imħabba fiha diversi livelli kif ukoll diversi ismijiet bħal Eros, Filija, Storġe, Xenija u aktar tard Agape. L-imħabba Eros li ħadet ukoll isem l-alla tagħha, hija imħabba passjonali li tressaq lil dak li jkun għal xewqat senswali. Għall-imħabba mhux passjonali kienet tintuża l-kelma Filija, kunċett studjat tajjeb mill-filosfu Aristotile. Dan jgħidilna li din hija l-imħabba bejn il-ħbieb, imħabba sinċiera li wieħed ikun jixtieq il-ġid lil sieħbu mhux għal xi interess personali iżda għax dak li jkun huwa sieħbu. Storġe kienet l-imħabba fil-familja, bejn il-membri tal-familja u Xenija kienet tirreferi għal dak li llum insejħulha solidarjetà jew ġenerożità. Agape daħlet fi żmien li beda l-Kristjaneżmu u hija l-ogħla forma ta’ mħabba, dik li nistgħu nsejħulha karità.

Iżda ejjew naraw naqra lil Eros. Għall-Griegi dan kien l-alla tal-imħabba fiżika u l-ġibda passjonali. Kien rappreżentat bħala tfajjel bil-ġwieneħ li f’ idu jġorr qaws u vleġeġ. Fejn jolqot bil-vleġġa tiegħu tinbet l-imħabba. Għal-Latini dan l-alla kien Kupidu. Hawn ukoll narawh bħala anġlu bil-qaws f’ idejh.

Xbieha famuża ta’ dan l-alla insibuha ġewwa Londra sewwasew f’ Piccadilly Circus. Hawnhekk insibu funtana b’ dan l-anġlu bil-qaws f’ idu fuqha. Din ma hijiex xi funtana antika ta’ żmien il-Griegi jew ir-Rumani iżda saret mill-iskultur Ingliż Sir Alfred Gilbert u żżanżnet fl-1893.

Imħabba u twemmin
Tista’ tgħid li r-reliġjonijiet kollha iħeġġu l-imħabba. Mhux kull fidi hija l-istess u lanqas tħares lejn l-imħabba bl-istess mod. Il-Lhud jitrattaw l-imħabba lejn il-proxxmu u l-imħabba lejn Alla. L-imħabba tal-miżżewġin hija meqjusa bħala essenzjali għall-ħajja tal-bniedem. Għall-Insara l-imħabba hija l-milja tat-twemmin kollu. Ma jista’ jsir xejn bla mħabba. Għal Kristu l-akbar kmandament huwa li tħobb lil Alla u ta’ warajh jixbħu: li tħobb lill-proxxmu tiegħek. Għall-Musulman l-imħabba wkoll ħija ħaġa importanti. Fil-Koran insibu li min ma jurix imħabba ja jistenniex li jsib imħabba. L-Induisti jiddistingwu bejn imħabba senswali u mħabba f’ forma ta’ karità filwaqt li għall-Buddist l-imħabba tfisser li tkun trid li ħaddieħor ikun ferħan. Naraw li f’ dawn ir-reliġjonijiet kbar, minkejja li hemm modi differenti kif jiddefinixxu l-imħabba, xorta nsibuha bħala element qawwi fihom.

Fl-arti
L-imħabba dejjem kienet art fertili għall-artisti ta’ kull tip. Mhux qed nirreferi għall-artisti li jagħtuna pitturi jew skulturi iżda wkoll għal dawk li jagħtuna opri bil-kitba. Alessandro Manzoni jagħtina storja ta’ mħabba mill-isbaħ fir-rumanz ċelebri tiegħu I Promessi Sposi. U la qed insemmu l-kotba ċelebri, nistgħu ma nsemmux ix-xogħol ta’ William Shakespeare Romeo u Ġuljetta? Ma ninsewx li anke f’pajjina kien hawn kittieba li ħallewlna rumanzi mill-aqwa bit-tema tal-imħabba. Fost oħrajn Ġużè Chetcuti tana r-rumanz Nirien ta’ Mħabba, Wistin Born ukoll tana rumanz qawwi li l-imħabba hija l-fus tal-ġrajja tiegħu. Qed nirreferi għar-rumanz Is-Salib tal-Fidda.

Joe u Helen jinterpretaw id-diska"L-Imħabba"
Kemm films inġibdu dwar xi storja ta’ mħabba! Bil-mijiet li jekk tibda ssemmi lanqas qatt tispiċċa. U  jekk films hawn bil-mijiet, xi ngħidu għad-diski! L-aktar tema popolari fid-diski hija l-imħabba. Kull xorta ta’ diski , kull tip ta’ mużika, dejjem sabet l-imħabba bħala art għammiela biex timraħ fiha. Din it-tema hija għall-qalb il-kompożituri Maltin, tant li fl-1972 Malta ħadet sehem fil-Eurovision bid-diska li propju ġġib l-isem “L-Imħabba”, diska miktuba minn Albert Cassola, mużika ta’ Charles Camilleri u kantata minn Helen Micallef u Joe Cutajar.

U San Valentinu
San Valentinu aktarx daħal fin-nofs bħal Pilatu fil-kredu. Forsi għax fl-14 ta’ Frar niċċelebraw il-festa ta’ dan il-qaddis martri? Forsi għax dan il-qaddis għamluh patrun tal-maħbubin? Hu x’ inhu llum ftit li xejn jaħsbu fuq il-qaddis iżda jaħsbu fl-imħabba. Biss tajjeb li dakinhar wieħed jirrifletti ftit fuq l-imħabba, il-vera mħabba li ma tafx b’ limiti, ma tara xejn quddiemha, dik l-imħabba li kulħadd jixtieq li jsib, min b’ mod u min b’ ieħor.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 11 ta' Frar 2017




Nessun commento:

Posta un commento