
Fil-Bibbja
Is-sawm bibliku huwa
dixxiplina spiritwali mħeġġa minn Ġesù stess meta kien għadu magħna. Jum
wieħed, meta l-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista u l-Fariżej kienu sajmin, u d-dixxipli
ta’ Ġesù le, huwa spjega: "Huwa l-mistednin tal-għarus se jsewdu qalbhom
sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom
minn magħhom, u mbagħad isumu. [Mt:9:15] Ġesù ried juri li sakemm l-għarus (Hu
stess) għadu mal-mistiedna (il-bnedmin), dawn ma għandhomx isumu imma għandhom
jieklu miegħu. Ladarba hu jitlaq allura mbagħad jibdew isumu. Ġesù kien qiegħed
jgħallem li wara t-tluq tiegħu, id-dinamika kollha se tinbidel u għalhekk id-dixxipli
tiegħu kellhom bżonn preparazzjoni differenti. Allura s-sawm kien parti
ewlenija ta’ dan il-perjodu l-ġdid.
Dan it-tip ta’ sawm
għandu jsir ukoll b’ atteġġjament ta’ umiltà u b’ atitudni ta’ serjetà u
sinċerità, cioè ma għandux isir għal għajnejn in-nies. Fil-fatt insibu miktub dan: “Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu
dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li
huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta
tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, biex mhux quddiem in-nies tidher li
tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak
li hu fil-moħbi, iroddlok hu. [Mt:6:16-18]
Fir-reliġjonijiet prinċipali
Is-sawm ma nsibuhx biss
fil-fidi Nisranija iżda fir-reliġjonijiet l-oħrajn ukoll. Illum l-Insara huma
obbligati jsumu jumejn biss fis-sena, f’ Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira.
Dan ma kienx hekk sa ħamsin sena ilu, qabel il-Konċilju Vatikan II. Madanakollu
xorta ssib min kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan isum u matul is-sena ma
jiekolx laħam nhar ta’ Ġimgħa. Biss dan ma huwiex obbligu iżda isir biss b’
devozzjoni. L-iskop tas-sawm hu li dak li jkun jitgħallem jikkontrolla lilu
nnifsu, jibda mill-ikel u wara jibda jikkontrolla l-ħsibijiet u l-għemil
tiegħu.
Il-Musulmani wkoll isumu
matul ix-xahar tar-Ramadan. Ir-Ramadan itul bejn 29 u 30 jum li fihom
il-Musulman huwa obbligat li jsum minn tlugħ ix-xemx sa nżulha. Matul dawn
is-sigħat huwa ma jista’ jmiss xejn ma’ xofftejh, la ikel u lanqas xorb. Ma
nżul ix-xemx jispiċċa s-sawm u dak li jkun ikun jista’ jixrob u jiekol. Is-sawm
fl-Islam huwa wieħed mill-ħames pilastri ewlenin u jekk ma jkunx osservat
jitqies bħala nuqqas gravi. Minbarra dan ix-xahar, il-Musulman huwa wkoll
imħeġġeġ biex isum f’ xi jiem oħrajn, preferibbilment it-Tnejn jew il-Ħamis.
Fil-Buddiżmu is-sawm huwa
mezz li bih jista’ jintlaħaq l-ogħla livell ta’ spiritwalità, huwa fażi
iniżjali tal-awtodixxiplina. Għal Budda, in-Nirvana hija stat ta’ sliem perfett
fil-moħħ, fejn il-bniedem jinħeles mix-xewqat tiegħu kollha, jinħeles mir-rabji
u minn qagħdiet oħrajn li jirrenduh priġunier. Skont Budda, ix-xewqat huma
l-għeruq ta’ kull ħażen. L-ikel huwa l-aktar xewqa fundamentali tal-bniedem,
allura jeħtieġ li l-bniedem jikkontrolla din ix-xewqa biex ikun tassew ħieles.
Is-sawm jgħinu jinħeles mix-xewqat. Budda jgħid ukoll li mhux il-ħelsien totali
mill-ikel jeħles lill-bniedem imma huwa l-moderazzjoni tiegħu li jressaq lejn
in-Nirvana.
Hemm reliġjonijiet oħrajn
li jobbligaw jew iħajru lill-membri tagħhom biex isumu, bħal-Lhud u l-Indu,
imma dawn li semmejna huma l-aktar tliet reliġjonijiet kbar li hawn fid-dinja u
għalhekk illimitajna ruħna fuqhom biss.
Is-sawm tajjeb għas-saħħa

Fr Reno Msucat
Nessun commento:
Posta un commento