Fil-belt kapitali
tad-Danimarka, Copenhagen hemm medda ta’ art li tqis li hija awtonoma
mill-bqija tal-belt. Tqis lilha nnfisha bħala stat semi-legali, tqis lilha
nnfisha bħala komunità indipendenti. Dan il-mikro-stat, biex insejħulu hekk,
jissejjaħ Christiania jew il-Belt Ħielsa ta’ Christiania.
Frak ta’ storja
Id-daħla għal Christiania freetown |
Fl-1971 grupp ta’
hippies daħal f’ bażi navali li
kienet ilha ma tintuża mill-1967. Din il-bażi li tinsab qrib il-port ta’
Copenhagen kien fiha għadd ta’ kmamar u swali mifruxin fuq medda ta’ terz ta’
kilometru kwadru. Għal bosta snin l-istat legali ta’ din iż-żona ma kienx ċar u
l-gvern Daniż kemm-il darba pprova jneħħi minn hemm ġew lil dawk iż-żgħażagħ li
okkupaw dan il-bini, iżda qatt ma rnexxielu. Fl-aħħar intlaħaq bħal ftehim bejn
iż-żewġ partijiet biex din l-art tkun tista’ tmexxi lilha nnifisha.
Għal madwar 30
sena din il-belt tmexxiet fuq
il-prinċipju tal-awtodeterminazzjoni u l-propjetà kollettiva. Saret popolari
madwar l-Ewropa għall-fatt li f’ din il-belt minn dejjem kien hemm
ċirkolazzjoni ħielsa ta’ drogi ħfief. Huwa assolutament projbit kull użu,
tixrid jew bejgħ ta’ drogi imsejħa Hard.
Din il-belt
kellha għadd ta’ ħwienet ta’ prodotti artiġjanali maħduma mir-residenti stess.
Saret magħrufa wkoll għal bosta lwien li bihom huma miżbugħin il-ħitan ta’ din
iż-żona.
Ġewwa Christiania
ma jistgħux jidħlu karozzi u la hemm pulizija u lanqas suldati. Dan huwa
esperiment soċjali fejn kulħadd jista’ jgħix ħieles u kif jixtieq hu billi
jirrispetta lil ħaddieħor u jħaddan ideoloġija paċifista.
Bejgħ ta' prodotti artiġjanali |
Il-mission statment ta’ din il-komunità
huwa dan: L-oġġettiv ta’ Christiania huwa li joħloq soċjetà li tmexxi lilha
nnifisha fejn kull membru jkun responsabbli fuq il-ġid tal-komunità kollha.
Il-komunità għandha tkun awtonoma ekonomikament. L-għan tagħna huwa li nibqgħu
sħaħ fil-fehma li kull miżerja psikoloġika jew fiżika tiġi evitata.
Bandiera u flus
Bħala mikro-stat
awtonomu Christiania għandha wkoll il-bandiera u l-flus tagħha. Il- bandiera
hija ħamra bi tliet dwawar sofor. Dawn it-tliet dwawar jindikaw it-tliet
tikkiet li nsibu fuq l-ittra i
fl-isem tal-belt. L-ilwien jingħad li ġew magħżulin għax meta fl-4 ta’
Settembru 1971 daħlu l-ewwel nies f’ dan il-kwartier navali abbandunat, sabu ammont
kbir ta’ żebgħa ħamra u safra. F’ din iż-żona hemm ukoll il-munita tagħha li
tissejaħ il-Løn, madanakollu b’ dawn il-flus ma tantx tista’ tagħmel wisq u
għalhekk il-Kroner Daniż huwa wkoll aċċettat.
Bla kostituzzjoni
Il-bandiera ta' Christiania |
Din il-belt-stat
ma għandiex kostituzzjoni imma għadha 9 liġijiet li jridu jiġu mħarsa minn
kulħadd. Dawn huma l-liġijiet kollha: Ħadd ma jista’ jisraq, ħadd ma jista’
juża vjolenza, ħadd ma jista’ jiddefendi ruħu bi skieken, ma jistgħux jintużaw
armi tan-nar, ma jixtax jintlibes ilbies bulletproof,
ma jistgħux jintużaw drogi Hard, ħadd
ma jista jilbes ġkieket tal-muturi, ma jistgħux jidħlu karozzi fil-belt u ħadd
ma għandu jkollu fil-pussess tiegħu affarijiet misruqin.
Biex tinbidel
liġi irid jaqbel kulħadd, għalhekk huwa diffiċli ħafna biex it-850 membru ta’
din il-belt ikollhom l-istess fehma. Dan huwa ta’ żvantaġġ fejn jidħlu il-kontroll
fuq id-drogi, li donnha hija l-attività ekonomika numru wieħed ta’ din
il-komunità.
Mill-kliem għall-fatti
L-ideal ta’
komunità ħielsa, bla ebda vjolenza, fejn kulħadd huwa stmat indaqs, fejn ma
hemmx ġlied jew serq hija xewqa ta’ kull bniedem. Imma fil-verità kemm dan
l-ideal jista’ tabilħaqq iseħħ? Fl-istorja ta’ din il-belt-stat insibu ġrajjiet
li jmorru kontra l-ideal tiegħu stess. Huwa għalhekk li l-gvern Daniż bosta
drabi ttanta jagħlaq din iż-żona – li tajjeb ngħidu li ta’ kull sena jmorru
jżuruha nofs miljun turist, biex tikklassifika bħala r-raba’ post li l-aktar iżuruh
turisti f’ Copenhagen.
L-ideal u l-ideali
Munita ta' Christiania |
Minkejja li dawn
huma żewġ kelmiet qrib xulxin, huma totalment differenti. L-ideal huwa l-ħsieb,
ix-xewqa ta’ kif għandha tkun komunità. L-ideali huwa l-perfett, xi ħaġa li
tipprova tagħmel bħalha inti wkoll. Imma komunità ideali ma teżiti mkien,
jeżisti ideal ta’ komunità, bħalma nsibu fil-belt ħielsa ta’ Christiania, iżda
xorta din ma hijiex komunità ideali. Dan l-argument jgħodd għal kull grupp ta’
nies, familja, club, każin, hu x’ inhu, ladarba hemm għadd ta’ persuni
differenti minn xulxin ma jistax ikun hemm komunità ideali għax aħna lkoll xi darba
niżbaljaw.
Anarkija
Fis-snin 70
tas-seklu li għadda kellna bosta movimenti li kienu jemmnu bl-anarkija,
jiġifieri li ħadd ma jkun jikmanda lil ħadd. Imma n-natura stess għandha liġi
li rridu jew ma rridux ikollna noqgħodu għaliha. Ħadd ma jixtieq jimrad, imma
l-mard huwa parti mill-ħajja. Ħadd ma jrid jixjieħ iżda min għandu ħila jwaqqaf
is-snin li jgħaddu min fuqu? Mela nistgħu ngħidu li ħadd ma jista’ jkun ħieles
mija fil-mija, lanqas jekk tkun toqgħod ġewwa Christiania. Li
ssib il-ġenna fuq din l-art hija biss utopija!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento