Dan l-aħħar kelli
bżonn naqsam minn Malta għal Għawdex u sakemm kont qiegħed fuq il-vapur bdejt
naħseb dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li kieku l-gżejjer Maltin kellhom ikunu
magħqudin flimkien permezz ta’ pont jew ta’ mina taħt il-baħar.
Għalija nofs
siegħa vapur fl-eqqel tas-sajf ftit tibdilli mill-programm ta’ ħajti. Dan kien
l-ewwel vjaġġ tiegħi bejn iż-żewġ gżejjer f’ din is-sena. Iżda dak l-individwu
li dan il-vjaġġ ikun irid jagħmlu kuljum ma nagħtihx tort li jaħsibha mod ieħor
minni. Għalih nofs siegħa baħar filgħodu u nofs siegħa oħra filgħaxija,
tal-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa żgur ma hijiex xi ħaġa ta’ pjaċir.
Nemmen li kemm-il
darba kellu jinstab mezz biex Għawdex jingħaqad ma’ Malta, l-ekonomija
tal-gżira tat-tliet għoljiet tbati, u tbati ħafna għaliex dak li jkun ma
jibqax’ jikri flat jew dar ġewwa Għawdex biex jitla’ hemm għal tmiem il-ġimgħa.
B’ pont jew mina min ikun jixtieq imur sa Għawdex jaqbad u jmur u jerġa’ lura
lejn daru x’ ħin irid bla ma jgħaddi l-lejl hemmhekk. U jekk jibda jsir hekk xi
jsir minnhom l-eluf ta’ flats u djar li hemm jinkrew lill-Maltin?
Ftit jiem wara
dan il-vjaġġ tiegħi lejn Għawdex, kelli nuża żewġ strutturi li fakkruni f’ dak
li kont ħsibt dwaru fuq il-bastiment bl-isem “Ta’ Pinu”.
Minn Malmö għal Copenhagen
Bejn il-belt
Żvediża ta’ Malmö u l-belt kapitali tad-Danimarka, Copenhagen hemm faxxa baħar
ta’ madwar 12-il kilometru. Dan il-fliegu jissejjaħ Øresund u fuqu llum insibu
struttura verament interessanti. Hemmhekk wieħed jista’ jaqsam minn art għal
oħra permezz ta’ pont u mina. Jekk wieħed jitlaq minn Malmö jibda b’ pont ta’ 8
kilometri sal- gżira Peberholm u jkompli l-aħħar 4 kilometri minn mina taħt
il-baħar. Jekk dak li jkun jibda minn Copenhagen ovvjament it-triq issir
bil-kontra.
øresund |
L-istess bħal każ
ta’ bejn Malta u Għawdex, din l-istruttura kienet ilha maħsubha imma kien hemm
bosta nuqqas ta’ qbil. Intant ix-xogħol inbeda fl-1995 u kien lest sal-1999.
Ix-xogħol ittardja xi ftit minħabba li fil-qiegħ tal-baħar kienu nstabu 16-il
bomba tat-Tieni Gwerra Dinjija mhux sploduti. Fl-14 ta’ Awwissu, 1999,
il-Prinċep Frederik, l-eredi tat-tron tad-Danimarka u l-Prinċipessa Victoria,
l-erdi tat-tron Żvediż, iltaqgħu fuq dan il-pont-mina sabiex jiċċelebraw it-tmiem
tax-xogħol fuq din l-istruttura. Il-ftuħ uffiċjali sar fl-1 ta’ Lulju tas-sena
2000 mir-Reġina Margerita II tad-Danimarka u r-Re Karlu XVI Gustav tal-Iżvezja.
Is-sena l-oħra użaw dan il-pont-mina aktar minn 7 miljun vettura. Fl-istruttura
hemm ukoll linja tal-ferrovija. Meta tgħodd in-numru ta’ persuni li jaqsmu minn
art għal oħra, kemm bil-karozzi kif ukoll bil-ferrovija, n-numru jlaħħaq għal
madwar 40 miljun ruħ fis-sena.
Mina twila
Lærdal |
Din hija l-itwal
mina li minnha jgħaddu l-karozzi għax l-itwal mina li teżisti hija dik li ġġib
l-isem ta’ Gotthard Base Tunnel li fetħet fl-1 ta’ Ġunju ta’ din is-sena u
sejra tibda taħdem f’ Diċembru ta’ din is-senma wkoll. Din hija mina twila ftit
aktar minn 57 kilometru u tinsab ġewwa l-Iżvizzera, biss din il-mina ma hijiex
għall-karozzi iżda għall-ferrovija biss.
Lura Malta
Nerġgħu lura lejn
pajjiżna. Nifhem u nagħder lil dawk l-Għawdxin li pont jew mina jaħjihom,
jagħmilhom ħajjithom aktar faċli, imma mill-banda l-oħra tajjeb naraw x’ impatt
negattiv, kemm ekonomiku, soċjali u ambjentali, jista’ jkollha struttura li
tgħaqqad liż-żewġ gżejjer prinċipali tagħna. Personalment nemmen li b’ pont jew
mina Għawdex ma jibqax dak li huwa llum, jitlef ħafna mill-faxxinu tiegħu,
jitlef l-identità tiegħu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 13 ta' Awwissu 2016
Nessun commento:
Posta un commento