sabato 6 maggio 2023

Il-Monarka u l-Monarkija


Żgur li għajnejn id-dinja kollha llum ser ikunu ffukati lejn l-inkoronazzjoni tar-Re Karlu III tar-Renju Unit  u martu Camilla bħala Reġina Konsorti. Tajjeb illum naraw xi ħaġa dwar il-monarku u l-monarkiji minkejja li dan it-tip ta’ mexxejja politiċi naqsu sewwa minn wiċċ id-dinja. Monarkija hija forma ta' gvern li fiha persuna, li tissejjaħ il-monarka, li tista’ tkun re, sultan, imperartur, prinċep, maharajah jew xi titlu ieħor, tkun kap ta' stat għal għomru jew sal-abdikazzjoni. Il-leġittimità politika u l-awtorità tal-monarka jistgħu jvarjaw minn ristretti u fil-biċċa l-kbira simboliċi li tissejjaħ monarkija kostituzzjonali għal uħud kompletament awtokratiċi, li tissejjaħ monarkija assoluta. Dawn jistgħu jvarjaw fuq oqsma eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji.

Isem

Il-kelma monarka ġejja mill- kelma Griega antika monárkhēs (μονάρχης) u tnisslet minn żewġ kelmiet:  mónos (μόνος) li tfisser wieħed biss u árkhō (ἄρχω) li tfisser bejn wieħed u ieħor mexxej. Fil-Latin saret monarchia. Il-ħsieb wara l-ħolqien ta’ din il-kelma kien li l-ħakkiem jew mexxej huwa wieħed biss. Ma rridux naħsbu fil-politika tal-lum fejn tista’ tgħid id-demokrazija tinsab kważi fid-dinja kollha. L-użu tal-kelma monarkija llum normalment tirreferi għal sistema tradizzjonali ta’ tmexxija ereditarja, peress li l-monarkiji elettivi huma pjuttost rari.

Karatteristika

Il-monarkiji huma assoċjati ma ’ renju ereditarju, li fih il-monarki jsaltnu għal għomorhom u r-responsabbiltajiet u s-setgħa tal-pożizzjoni  tagħhom jgħaddu lil uliedhom jew lil xi membru ieħor tal-familja tagħhom meta jmutu. Ħafna mill-monarki, kemm qabel kif ukoll illum, twieldu u trabbew fi ħdan familja rjali. Il-monarki futuri ħafna drabi jiġu mħarrġa għar-responsabbiltajiet futuri mistennija minnhom bħala re, sultan jew liema titlu jħaddnu. Filwaqt li ħafna mill-monarki fl-istorja kienu rġiel, ma nistgħux ngħidu li fid-dinja ma kienx hawn monarki nisa jsaltnu wkoll. It-terminu “Regina Regnant” jirreferi għal monarka ħakkiema, filwaqt li “Reġina Konsorti” tirreferi għall-mara tar-re li jkun qed jirrenja.

Il-vantaġġ ewlieni tal-monarkija ereditarja huwa l-kontinwità immedjata tat-tmexxija kif jidher fil-frażi klassika "The King is dead. Long live the King!"

Xi monarkiji mhumiex ereditarji. F'monarkija elettiva, il-monarki jiġu eletti jew maħtura minn xi korp jew kulleġġ elettorali,  għal għomorhom jew għal perjodu definit. Illum madwar id-dinja jeżistu xi monarkiji elettivi. Dawn insibuhom fil-Kambodja, fil-Malażja u fl-Emirati Għarab Magħquda li huma kollha kreazzjonijiet tas-seklu XX, filwaqt li nsibu waħda antika, anzi antikissima. Din il-waħda hija il- papat, għax tajjeb ngħidu li l-papa kien meqjus bħala re tas-Santa Sede (l-aħħar papa li kien inkurunat kien Pawlu VI fl-1963, li warrab il-prattika li jilbes it-tiara, jew kuruna papali, ftit wara. Sal-lum, ħadd mis-suċċessuri tiegħu ma libes it-tiara u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni papali ma nkludew l-ebda ċerimonja tal-inkurunazzjoni. Minkejja dan, it-tradizzjoni ma ġietx ipprojbita, u kull papa huwa liberu li jerġa’ jdaħħal l-użu tat-tiara fi kwalunkwe ħin matul il-pontifikat tiegħu). Tajjeb insemmu wkoll li fl-Ordni Militari Sovran ta’ Malta jew kif nafuhom aħjar, il-Kavallieri ta’ Malta, il- Prinċep u l-Gran Mastru jiġi elett għal għomor mill-Kunsill u l-membri tiegħu.

Napuljun I Imperatur tal-Franċiżi
Monarkija awtoproklamata nsibuha fil-każ meta persuna titlob jew tieħu l-monarkija mingħajr ebda rabtiet storiċi ma’ xi dinastija preċedenti. Hemm eżempji ta’ mexxejja repubblikani li pproklamaw lilhom infushom monarki. Napuljun I ta’ Franza ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Franċiżi u ħakem l-Ewwel Imperu Franċiż. Yuan Shikai, l-ewwel President formali tar- Repubblika taċ-Ċina, inkuruna lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu taċ-Ċina għal żmien qasir ftit snin wara li twaqqfet ir-Repubblika taċ-Ċina fl-1912 u l-President Jean-Bédel Bokassa tar- Repubblika Ċentru-Afrikana ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu Ċentrali Afrikan fl-1976. 

Insibu wkoll il-monarkija semi-kostituzzjonali. Din hija monarkija fejn il-monarka jmexxi skont kostituzzjoni demokratika iżda xorta jżomm setgħat sostanzjali. Pereżempju l-Prinċipat ta' Liechtenstein u l-Prinċipat ta' Monaco huma monarkiji semi-kostituzzjonali Ewropej.

Rwol

Il-monarkija, speċjalment il-monarkija assoluta, xi drabi hija marbuta ma’ aspetti reliġjużi. Ħafna monarki xi drabi sostnew dan id-dritt u kienu jgħidu li kienu jaħkmu bir-rieda ta’ Alla, dak li jissejjaħ  id-dritt Divin tas-Slaten jew il-Mandat tal-Ġenna. Oħrajn kienu jsostnu li kelhom xi konnessjoni speċjali ma' xi divinità, allura hawn insibu ir-re sagru, jew saħansitra ġieli allegaw li huma slaten divini, jew inkarnazzjonijiet ta’ allat, bħalma kien meqjus l-imperatur tal-Imperu Ruman. Ħafna monarki Ewropej ġew imsejħa Fidei defensor (Difensur tal-Fidi). Ikollna ngħidu li xi wħud għandhom pożizzjonijiet uffiċjali relatati mar-reliġjon tal-istat jew mal-Knisja tal-pajjiż bħall-każ tal-Monarka Brittanika li huwa wkoll il-kap taċ-Church of England.

Illum

Bħalissa fid-dinja nsibu 43 nazzjon u popolazzjoni ta’ madwar nofs biljun ruħ li għandhom monarka bħala kap ta' stat. Fost dawn ir-Re Karlu III huwa r-re ta’ ħmistax-il nazzjon fil-Commonwealth. Minbarra dawk li semmejna fl-artiklu tajjeb insemmu wkoll il- Prinċipat ta' Andorra, ir- Renju tal-Belġju, ir- Renju tad-Danimarka, il- Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir -Renju ta’ Netherlands, ir- Renju tan-Norveġja, ir- Renju ta' Spanja u r-Renju tal-Isvezja li huma stati Ewropej, kompletament demokratiċi, li fihom il-monarka għandu rwol limitat jew fil-biċċa l-kbira ċerimonjali. Fil-kumplament tad-dinja nsibu monarkiji oħra, xi wħud bi tmexxija assoluta imma hawn illimitajt ruħi għal dawk Ewropej.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Mejju 2023



 

Nessun commento:

Posta un commento