Min fid-dinja jista’ jgħid li ma
għandux tal-anqas ħabib wieħed? Il-ħbiberija hija ħaġa essenzjali
għall-bniedem, anzi nazzarda ngħid għal kull ħlejqa għax anke annimal ifittex
li jkun f’kumpanija ta’ xi ħadd li jqisu ħabib. Anke pjanta jgħidu li tkun
aktar għal qalbha meta tkun f’ambjent amikoveli. Bil-ħsieb tal-ħbiberija ġewwa
moħħi ftakart f’dak li kien qal il-filosfu Grieg Aristotli li għex bejn is-sena
384 u s-sena 322 qabel Kristu. Fil-kitba ta’ dan il-filosofu, imsejħa Etika
Nikomakeja huwa jitratta bosta valuri fondamentali għall-bniedem fosthom it-tjubija, l-hena, il-kuraġġ, is-saħħa, il-paċenzja
u l-ħbiberija.
Tliet tipi
Dan il-ħassieb antik jgħid li
jeżistu tliet tipi ta’ ħbiberiji: waħda msejħa ta’ matul il-vjaġġ, oħra li sejħilha
ta’ utilità u l-aħħar waħda ħbiberija vera. Għal Aristotli, il-ħbiberija hija
virtù jew għall-inqas qrib ħafna ta’ virtù u hija estremament meħtieġa għal
ħajjitna, peress li ħadd ma jagħżel li jgħix mingħajr ħbieb, anke jekk dak li
jkun ikollu l-ġid tad-dinja kollha. Il-ħbiberija, għalhekk, hija essenzjali
biex biha l-bniedem jagħti sens lil ħajtu. Il-ħbiberija tinsab fin-nies kollha.
Kulħadd għandu bżonn ħbieb. Il-ħbiberija tgħin liż-żgħażagħ jevitaw għadd ta’
żbalji li jistgħu jwettqu minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza, lill-anzjani
sservihom biex ikollhom min jieħu ħsiebhom u bħala rimedju għan-nuqqas ta’
kapaċità li jaġixxu minħabba dgħjufija li ġġib magħha l-età. Is-sinjuri u
s-setgħana għandhom bżonnha, għax li tkun għani mingħajr ħbieb hija ħaġa ta’
niket u li twassal għal solitudni li twasslek f’pożizzjoni li tgħix ħajja
miżera.
L-ewwel tip
It-tieni tip
Il-ħbiberija vera
It-tielet tip ta’ ħbiberija li jsemmi Aristotli hija dik il-ħbiberija vera li jiġri x’jiġri ma tintemm qatt. Din hija ħbiberija msejsa fuq il-ġid għall-ieħor għalhekk hija l-unika ħbiberija vera. Hija ħaġa prezzjuża u dejjiema għax tiddependi minn sentiment ħieles u veru u mhux minn xi ħaġa li tista’ tinbidel minn mument għall-ieħor. Din hija ħbiberija li għandha mnejn iddum ma tinbena imma ladarba tinbena tibqa’ fit-tul. Hija wkoll l-aktar ħbiberija rari mit-tlieta li jsemmi dan l-istudjuż Grieg. Fil-fatt, nies ta’ dan it-tip mhumiex frekwenti għax ħbiberija bħal din teħtieġ ħin twil u ħafna prattika. Sewwa jgħid qawl Grieg antik: “Il-ħbieb ma jsirux jafu lil xulxin qabel ma jkunu kkunsmaw ċertu ammont ta’ melħ flimkien” li jfisser li qasmu ftit mill-ħajja ta’ kuljum flimkien u ħolqu ċerta familjarità anke f’sitwazzjonijiet diffiċli. Għal Aristotli din hija ħbiberija perfetta, kemm f’termini ta’ tul ta’ żmien kif ukoll għax it-tnejn jispiċċaw jagħmlu l-istess affarijiet u jfittxu l-ġid ta’ wieħed lill-ieħor.
Aktar ħbiberiji
Biex ngħidu s-sewwa, Aristotli
jsemmi aktar ħbiberiji li kollha b’xi mod jistgħu jiġu mpoġġijin f’xi tip minn
dawn it-tlieta li semmejna. Fost oħrajn hemm il-ħbiberija bejn ir-raġel u
l-mara fl-għaqda taż-żwieġ li aħna nsejħu mħabba, hemm dik il-ħbiberija bbażata
fuq is-superjorità bħal dik tal-missier għall-iben u b’mod ġenerali tal-kbir
lejn iż-żgħir u ta’ kull tip ta’ ħakkiem għal dak ta’ taħtu. Hemm ukoll
il-ħbiberija ta’ min hu qawwi. Il-qawwi, jew is-setgħan jagħmlu użu minn tipi
distinti ta’ ħbieb li xi wħud huma utli għalih u oħrajn ikunu ta’ pjaċir.
Jekk naħsbu ftit naraw kemm kiteb sewwa
Aristotli dwar dan is-sentiment imsejjaħ ħbiberija!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 20 ta' Mejju 2023
Nessun commento:
Posta un commento