Fl-artiklu tiegħi ta’ ġimgħa ilu
(In-Nazzjon 6 ta’ Mejju 2023) semmejt li sa ftit għexieren ta’ snin ilu l-papa
kien ikun inkurunat bħala re tal-Istat tal-Vatikan. Illum nixtieq naqsam
magħkom xi tagħrif dwar din l-inkurunazzjon i li ftit huma dawk minna li
jiftakru l-aħħar waħda li saret fl-1963.
X’inhi l-inkurunazzjoni?
Tiara papali |
L-ewwel inkurunazzjoni papali dokumentata
kienet dik ta’ Nikola I fis-sena 858. L-aktar waħda reċenti kienet
l-inkurunazzjoni ta’ Pawlu VI fl-1963, li warrab il-prattika li jilbes it-tiara
ftit wara l-istess inkurunazzjoni. Sal-lum, ħadd mis-suċċessuri tiegħu ma libes
it-tiara u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni papali ma nkludew l-ebda
ċerimonja tal-inkurunazzjoni. Minkejja dan, it-tradizzjoni ma ġietx ipprojbita
u kull papa huwa liberu li jerġa’ jdaħħal l-użu tat-tiara fi kwalunkwe ħin
matul il-pontifikat tiegħu. Tajjeb ngħidu li ċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni
papali, bl-inkurunazzjoni jew mingħajrha, għandha biss sinifikat simboliku,
peress li papa jieħu l-kariga immedjatament wara li jaċċetta l-elezzjoni tiegħu
.
Ir-rit
Meta konklavi jeleġġi papa ġdid,
dan jassumi d-drittijiet u l-awtorità kollha tal-papat immedjatament malli
jaċċetta l-elezzjoni. Madankollu,
storikament, il-papiet jingħaddilhom is-snin tal-pontifikat tagħhom mid-data
tal-inkurunazzjoni. Jekk Papa li jkun għadu kif ġie elett ma jkunx għadu isqof,
jiġi kkonsagrat immedjatament. Skont it-tradizzjoni, id-dritt
tal-konsagrazzjoni jappartjeni lid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali u fl-assenza
tiegħu lis-Suddekan u fin-nuqqas tat-tnejn li huma, lill-aktar kardinal isqof
anzjan. Jekk il-papa l-ġdid ikun diġà
isqof, kif inhu d-drawwa, titħabbar l-elezzjoni tiegħu minnufih lin-nies
miġbura fi Pjazza San Pietru. Illum il-kardinali kollha jinħatru arċisqfijiet
mal-ħatra tagħhom, imma ma kienx hekk minn dejjem. Niftakru fil-Kardinal
Prospero Grech li kien ikkonsagrat isqof wara n-nomina tiegħu bħala kardinal u
qabel il-ħatra kardinalizja tiegħu.
San Piju X |
L-inawgurazzjoni episkopali jew kif tissejjaħ,
intronizzazzjoni, tal-papa bħala Isqof ta' Ruma ssir fil-katidral tiegħu, l-Arċibażilika
ta’ San Giovanni in Laterano . Għal xi żmien l-inkurunazzjoni kienet issir f’din
iċ-ċerimonja. Meta l-papa kien imexxi l-Knisja minn Avignon fi Franza, bejn l-1309
u l-1377, huwa ma setax jitpoġġa fuq it-tron fil-katidral tiegħu f’Ruma,
għalhekk l-inkurunazzjonijiet komplew, filwaqt li l-intronimenti episkopali
kellhom jistennew ir-ritorn tal-papa f’Ruma. Meta Girgor XI irritorna
Ruma, il- Palazz tal-Lateran kien f’kundizzjoni strutturali ħażina ferm u ma
setax jintuża. Għal din ir-raġuni l-papiet għamlu l-Vatikan bħala r-residenza
tagħhom u ttrasferew l-inkurunazzjonijiet fil-Bażilika ta’ San Pietru. Il-Bażilika
tal-Lateran baqgħet il-post taċ-ċerimonji tal-intronizzazzjoni. Matul il-perjodu mill- qbid ta’ Ruma, li
t-Taljani jsejħu Presa di Roma jew Breccia di Porta Pia (meta r-renju
Taljan ħa Ruma taħt idejh u għalhekk spiċċat minn taħt idejn l-istat
tal-Knisja) fl-20 ta’ Settembru tas-sena 1870, sakemm saru l-Patti tal-Lateran fil-11
ta’ Frar tas-sena 1929 (perjodu li fih il-papa ddefinixxa lilu nnifsu bħala “priġunier fil-Vatikan”) l-intronizzazzjoni ma ġietx iċċelebrata.
Ir-rit ikompli
L-inkurunazzjoni kienet issir
fl-ewwel Ħadd jew fl-ewwel solennità ta’ wara l-elezzjoni. Iċ-ċelebrazzjoni kienet
tibda b'quddiesa papali solenni. Waqt il-kant tat-Terza , il-papa kien ipoġġi
bilqiegħda fuq tron u l-kardinali kollha jersqu, wieħed wieħed, biex ibusu
idu bħala sinjal ta’ ubbidjenza. Wara jersqu l- arċisqfijiet u l-isqfijiet
preżenti. Wara l-quddiesa kienet issir l-inkurunazzjoni proprja. Ġeneralment il-papa
kien ikun inkurunat fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru, kien ipoġġi
bilqiegħda fuq tron bil-flabelli fil-ġnub tiegħu. Wara li jsir talb mid-Dekan
tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il- protodjaknu kien ineħħi l-mitra minn fuq ras il-papa
biex minflokha titpoġġa t- tiara. Fi tmiem l-inkurunazzjoni l-papa kien jagħti
l-barka solenni Urbi et Orbi.
Post taċ-ċerimonja
Inkurunazzjoni ta' Pawlu VI |
Min jaf, tgħid għad nerġgħu
jkollna papa re? Għad naraw inkurunazzjoni ta’ papa?
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 13 ta' Mejju 2023
Nessun commento:
Posta un commento