Il-ġimgħa l-oħra bdejna naraw fuq fuq kif oriġinat it-talba tar-Rużarju. Rajna kif aktarx bdiet u bdejna naraw ftit l-iżvilupp tiegħu matul is-snin. Illum inkomplu niskopru ftit aktar dwar din id-devozzjoni popolari mmens fi ħdan il-Knisja Kattolika.
Aktar żviluppi
Duminku tal-Prussja, li
diġà semmejnieh il-ġimgħa l-oħra, kien iżid sentenza mill-Bibbja ma’ kull
Sliema u Qaddisa. Is-superjur ta’ dan Duminku, Adolf von Essen, u xi oħrajn
xerrdu kemm felħu din it-talba kemm fil-Prussja kif ukoll fil-Belġju u fi
Franza, tant li mal-abitu tal-irħieb Ċertożini u Benedittini bdiet tidher
kuruna tar-Rużarju mdendla maċ-ċintorin li jdur mal-qadd. Din id-drawwa għadha
popolari sal-lum il-ġurnata. Is-saċerdot Dumnikan Alan de Rupe, li wkoll semmejnieh
diġà, xerred it-talba tar-Rużarju fi Franza, fil-Fjandi u fin-Netherlands.
Fl-1474 id-Dumnikan Ġakbu Sprenger waqqaf fratellanza tar-Ruarju fi Strasburgu
fi Franza u sena wara oħra f’Kolonja l-Ġermanja. Dawn l-għaqdiet bdew jinxterdu
tant li fl-1480 twaqqfet il-fratellanza tar-Rużarju f’Venezja u sena wara oħra
f’Firenze. Fis-seklu sittax bdew jitwaqqfu għaqdiet tar-Rużarju għan-nisa. Dawk
kienu saru popolari billi dak iż-żmien il-mara kienet titħalla barra minn
għaqdiet soċjali. Dawn kienu jinvolvu talb fil-privat. Il-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni
Dumnikan li kien sar fl-1574, kien ħeġġeġ biex fil-knejjes amministrati
mid-Dumnikani jitwaqqfu fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju. F’Malta dawn il-fratellanzi wkoll saru popolari mhux biss
fil-knejjes Dumnikani biss imma tista’ tgħid f’kull parroċċa twaqqfet
fratellanza u artal lill-Madonna tar-Rużarju.
Fl-1571 il-Papa Piju V,
li tajjeb ngħidu li kien dak il-papa li għen ħafna biex inbniet il-Belt
Valletta, sejjaħ biex l-Ewropa kollha titlob ir-Rużarju għar-rebħa Nisranija
fil-Battalja ta’ Lepanto. Ma ninsewx li sitt snin qabel kien sar l-assedju
l-kbir fil-gżira tagħna, allura nifhmu l-periklu kbir li kien hemm dak iż-żmien
ta’ okkupazzjoni barranija f’artijeit Ewropej. Ir-rebħa tal-Insara f’Lepanto
kienet għall-ewwel iċċelebrata bħala l-festa tal-Madonna tal-Vitorja fis-7 ta’
Ottubru, iżda wara ħadet l-isem ġdid tal-Madonna tar-Rużarju. Fl-1587 il-Venerabbli Alwiġi ta’ Granada,
saċerdot Dumnikan magħruf għal kitbietu u l-prietki tiegħu, ippubblika l-ktieb Rosario della Sacratissima Vergine Maria.
Sena wara l-Ingliż Dun
Ġwann Bucke ħareġ il-ktieb Instructions
for the Use of the Beads. Sa dak iż-żmien l-isem ta’ din it-talba kien
għadu magħruf bħala t-talba taż-żibeġ. Fl-1597 insibu l-ewwel riferenza għal
din it-talba bl-isem ta’ Rużarju. Personalitajiet oħra li kkontribwew
għat-tixrid ta’ din it-talb huma San Alwiġi Maria Grignion de Montfort
bil-ktieb tiegħu Is-Sigriet Ammirabbli
tar-Rużarju Mqaddes u l-Beatu Bartolo Longo, fundatur tas-Santwarju u tal-opri
ta’ karità f’Pompei, li huwa wkoll meqjus bħala l-Appostlu tar-Rużarju Mqaddes.
Approvazzjoni uffiċjali
Il-bolla papali Consueverunt Romani Pontifices mill-Papa Dumnikan Piju V stabbilixxiet uffiċjalment id-devozzjoni lejn ir-Rużarju fil-Knisja Kattolika kollha. Id-Duttur tal-Knisja San Pietru Kanisju, Ġiżwita li miet fl-1597 jingħad li żied il-kliem “Qaddisa Marija Omma Alla, itlob għalina midinbin”. Dan il-qaddis xerred mhux ftit id-devozzjoni lejn ir-Rużarju u lejn il-Madonna. Huwa kien jgħid li r-Rużarju huwa l-aqwa mod biex tissewwa l-ħsara li saret lill-Knisja ta’ Kristu mir-riforma Protestanta.
San Pietru Kanisju |
Mis-seklu
sittax sal-bidu tas-seklu għoxrin, l-istruttura tar-Rużarju baqgħet tista’
tgħid l-istess. Kien hemm 15-il misteru, b’għaxar Ave Marijiet kull wieħed.
Fl-1917 seħħew id-dehriet tal-Madonna f’Fatima fil-Portugall. Minn hawn seħħet iż-żieda fl-aħħar ta’ kull għaxar
Sliema u Qaddisa. Dini ż-żieda saret fuq talba tal-Madonna stess. Din it-talba hija hekk: O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar tal-infern; Ħu
l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek. Wara l-Konċilju Vatikan II, Mons. Annibale
Bugnini, riformsita tal-liturġija, kien ppropona xi tibdil fl-istruttura
tar-Rużarju, iżda l-Papa Pawlu VI rrifjuta li jimplimenta l-proposta
għar-raġuni li t-tibdil ta’ devozzjoni tant stabbilita u popolari setgħet tfixkel
lill-fidili u turi nuqqas ta’ rispett għal prattika daqstant antika. Għalhekk
ma kien hemm ebda tibdil sal-2002 meta San Ġwanni Pawlu II waqqaf il- ħames
misteri Tad-Dawl bl-Ittra Appostolika Rosarium
Virginis Mariae. Fatt kurjuz f’din l-Ittra tal-Papa huwa li l-misteri ġodda
tar-Ruzarju, imsejħin Misteri tad-Dawl biex jibdew jingħadu nhar ta’ Ħamis,
jaqblu mal-ħames Misteri li San Ġorġ Preca kien ta lill-membri tal-MUSEUM
fl-1957 u li l-qaddis sejħilhom ukoll Misteri tad-Dawl.
Din hija
l-istorja fil-qosor ta’ din it-talba Marjana tant popolari u mifruxa mad-Dinja
Kattolika kollha. L-iskop tiegħi li ktibt dawn l-artikli kien biex dak li jkun
isir jaf l-istorja fuq fuq ta’ din it-talba li tingħad aktar mis-sotu matul
ix-xahar ta’ Ottubru.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ottubru 2022
Nessun commento:
Posta un commento