L-ewwel
parti
Kull nhar id-29 ta’ Lulju u t-12 ta’ Settembru,
ħafna pellegrini jżuru l-Katidral ta’ San Lawrenz f’Perugia, l-Italja, biex
jaraw u jqimu oġġett sagru — relikwa li jingħad li hija ċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna.
Għalkemm ir-residenti ta’ Perugia kienu jafu b’dan iċ-ċurkett għal mijiet ta’
snin, dawk minn barra l-belt ma kinux jafu bih sakemm kitbet dwaru l-Beata Anna
Katarina Emmerich fis-seklu XIX. Din il-Beata twieldet fis-7 jew it-8 ta’
Settembru tas-sena 1774 fi Flamschen, il-Ġermanja u mietet f’Dülmen,
il-Ġermanja stess nhar id-9 ta’ Frar, 1824. Kienet soru Agostinjana, mistika,
viżjonarja u stigmatika. Mifnija fis-sodda għal ħafna snin, hija ddeskriviet
viżjoni li kellha fid-29 ta’ Lulju, 1821:
“Rajt iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Verġni Mbierka;
la huwa tal-fidda u lanqas tad-deheb, u lanqas ta’ xi metall ieħor; mhuwiex ċurkett
dejjaq jew irqiq, iżda pjuttost oħxon. Rajtu lixx u madankollu bħallikieku
donnu miksi bi triangoli żgħar li fihom kien hemm xi ittri. Fuq ġewwa kien
ċatt. Rajtu miżmum maqfulb’ħafna serraturi fi knisja sabiħa. Ħafna nies devoti
li jkunu waslu biex jiżżewġu jieħdu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom biex imissuh ma’
dan iċ-ċurkett.”
Kien taf li kien fi knisja fl-Italja imma ma
kinitx taf liema waħda u qatt ma saret taf. Inqas minn ġimgħa wara, fit-3 ta’
Awwissu, il-Beata kellha viżjoni oħra taċ-ċurkett:
“Illum rajt festa fi knisja fl-Italja fejn hemm
iċ-ċurkett tat-tieġ. Deherli li huwa mdendla f’tip ta’ ostensorju li
kien fuq it-tabernaklu. Kien hemm artal kbir, imżejjen b’mod sabiħ ħafna. Rajt
ħafna ċrieket jintmessu mal-ostensorju. Waqt il-festa, rajt lil Marija u lil
Ġużeppi bil-ħwejjeġ tat-tieġ tagħhom fuq kull naħa taċ-ċurkett, bħallikieku
Ġużeppi kien qiegħed ipoġġi ċ-ċurkett fuq suba’ l-Verġni Mbierka. Fl-istess
ħin, rajt iċ-ċurkett jiddi u bħallikieku miexi.”
Il-Post taċ-Ċurkett
Il-kappella mżejna b'mod elaborat kienet
oriġinarjament iddedikata lil San Bernardinu ta' Siena, imbagħad kif kien xieraq
ġiet iddedikata mill-ġdid lil San Ġużepp wara li l-festa tiegħu idaħħlet
fil-kalendarju tal-belt fl-1479. Reġgħet ġiet iddedikata mill-ġdid għas-Santo Anello sena wara, fl-1488.
Iċ-ċurkett kien ilu Perugia mill-1473 meta ttieħed mill-belt ta’ Chiusi, madwar
50 kilometru fil-Lbiċ ta’ Perugia, u ġie mogħti lill-maġistratura ta’ din
il-belt. Dan kellu jitqiegħed fil-kappella fil-Palazzo dei Priori. B’tilwima
bejn Chiusi u Perugia dwar liema post kien se jżomm iċ-Ċurkett Imqaddes,
il-Papa Sistu IV qatagħha favur Perugia, fejn ġie meħud uffiċjalment
mill-kappella tal-palazz għall-katidral.
Qabel
Qabel ma wasal Perugia,
iċ-ċurkett kien jinstab Chiusi għal diversi sekli. Kitbiet mill-Kanċillier ta’
dik il-belt jirrapportaw li r-relikwa kienet ilha fil-belt għal 484 sena qabel
ma ttieħdet minn hemm. Waqt li kien fi Chiusi ċ-ċurkett biddel postu aktar minn
darba — il-Katidral ta’ San Secondiano fil-belt kien wieħed mill-postijiet,
filwaqt li ieħor, b’ordni tal-isqof, kien il-knisja ta’ San Franġisk fl-1420.
Imbagħad itieħed lejn Perugia.
Hemm ħafna aktar x’wieħed jgħid
dwar dan iċ-ċurkett għalhekk ser inkompli nwasslilkom xi tagħrif dwaru
il-ġimgħa d-dieħla.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Settembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento