Kemm-il darba aħna l-adulti
naqbdu xi argument dwar il-ġenerazzjoni ta’ warajna jew aħjar dwar iż-żgħażagħ
tal-lum. Tabilħaqq li dan kulħadd żmienu jara l-isbaħ, imma wisq nibża’ li meta
aħna nitkellmu dwar iż-żgħażagħ tal-lum għandna t-tendenza li naraw biss
l-ikrah, li niġġeneralizzaw u li npoġġu lil kulħadd f’keffa waħda. Imbagħad
taqra xi aħbar, tisma’ xi storja, tara xi fatt dwar din il-faxxa ta’ nies u bla
ma trid tinduna li tkun żbaljat fil-ġudizzju tiegħek. Ikollna nammettu li mhux
kollox ħażin fiż-żgħażagħ tad-dinja tal-lum. Hemm differenza kbira bejnhom u
bejnna u dan narawh b’għajnejna u mmissuh b’idejna imma hemm ukoll ir-realtà li
d-dinja tagħhom hija d-dinja li għaddejna minnha aħna wkoll. Jekk jiżbaljaw
ikollna nammettu li aħna wkoll xi darba jew oħra żbaljajna.
Ħajja differenti
L-opportunitajiet li għandhom
illum iż-żgħażagħ huma ħafna akbar minn dawk li kellna aħna. Ħa nieħdu
l-eżempju tal-istudju. Min minna kien imur jistudja barra minn Malta kien
jagħmel dan bi spejjeż tal-familja tiegħu. Illum mod ieħor, illum bil-pogrammi
differenti li hawn, żagħżugħ jew żagħżugħa jistgħu jagħmlu parti mill-istudji
tagħhom f’xi pajjiż ieħor u l-ispejjeż ma jitħallsux kollha minnhom. L-istudju
barra mill-pajjiż jiftaħlek orizzonti ġodda, l-istudju f’universitajiet barra
minn Malta ilaqqgħek ma’ nies mhux biss b’kulturi differenti imma b’mentalità
jew twemmin differenti. Jien kont wieħed mill-ixxurtjati li studjat kważi
għaxar snin f’univesitajiet barra minn Malta u nista’ ngħid li kienu snin li
biddluni radikament. Trid taħdem u tistinka biex tlaħħaq għax tkun qed tistudja
b’lingwa mhux tiegħek jekk xejn. Trid taddatta stil ta’ ħajja differenti għal
kollox, bogħod mid-dar u mill-kumditajiet kollha li toffri l-familja. Tikber
bla ma trid. Din il-ħaġa saret komuni ħafna fosti ż-żgħażagħ tagħna llum.
Dan huwa biss eżempju wieħed. Hemm ħafna aktar
x’wieħed iżid.
Altruwiżmu
Determinazzjoni
Ejjew nibqgħu Ħaż-Żebbuġ. Dan l-aħħar żagħżugħ
minn dan ir-raħal irnexxielu jasal sal-belt kapitali tal-Iżvezja Stokħolma.
Forsi tgħiduli li hawn ħafna li marru jżuru din il-belt sabiħa, imma dak li
huwa differenti f’din l-istorja huwa li dan iż-żagħżugħ wasal hemm fuq ir-rota.
Qadef l-Italja kollha, għadda l-Awstrija u mess mar-Repubblika Ċeka biex
imbagħad qadef il-Ġermanja, qasam lejn id-Danimarka u baqa’ sejjer l-Iżvezja.
Steve Zammit Lupi għamel wieħed u erbgħin jum biex wasal fejn kien determinat li jasal. Sitta u tletin jum minnhom għamilhom qdif, ħamsa minnhom mistrieħ. Għadda minn sitt pajjiżi differenti u kien jaqdef medja ta’ mija u għoxrin kilometru kuljum. Iżda darba qadef ferm aktar, għax irnexxielu jaqdef mitejn u ħdax-il kilometru.
Minbarra din il-kisba, dan iż-żagħżugħ jaħdem
ħafna favur l-ambjent – ħaġa li qridna aħna l-kbar u li wirtu ż-żgħażagħ
tal-lum. Dan kollu frott
tad-determinazzjoni. Sewwa jgħidu l-Ingliżi: Where there is a will there is a way!
Aktar
Semmejt biss dawn iż-żewġ fatti, imma kemm hemm
oqsma oħra li ż-żgħażagħ jaħdmu fihom u forsi bla daqq ta’ trombi. Resqin lejn
tmiem l-istaġun tal-festi. Forsi meta nsemmu ż-żgħażagħ u l-festi f’moħħna jiġi
biss it-tbaħrid, is-sokor, forsi d-droga, id-dagħa, il-piki, it-tgħajjir u mitt
ħaġa oħra, dejjem fin-negattiv. Bla ma neskludi dan kollu, inżid li ħafna
xogħol fil-festi jsir miż-żgħażagħ, u mhux fejn jidħlu marċi biss, mhux
fl-armar ta’ barra biss. F’bosta knejjes imnalla jkunu xi żgħażagħ li jmiddu
jdejhom għall-armar. Għax ikollna nammettu, aħna kbirna u ċertu xogħol ma
bqajniex tajbin għalih. Tinsiex x’jgħid il-Malti: Mal-kwaranta, ix-xitan
jibda jittanta. Ma’ dan il-qawl darba smajt wieħed iżid li mbagħad
maċ-ċinkwanta tibda tiżżarma. Illum naqbel miegħu. Ajma ħej, mela mas-sittin
x’ġej? Imnalla jkunu ż-żgħażagħ!
Meta wieħed jieqaf u jirrifletti
ftit, wara li jkun ra jew sema’ stejjer bħal dawn ikollu jammetti li tabilħaqq
hawn żgħażagħ u żgħażagħ, bħalma kien dejjem, hawn it-tajjeb u hawn il-ħażin, hawn
il-qamħ u hawn is-sikrana.
Fr Reno Muscat
Dan l-artriklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Settembru 2023
Nessun commento:
Posta un commento