Ftit tal-jiem ilu, wieħed ħabib tiegħi, li xogħlu huwa ta’ għalliem, tefa’ ritratt fuq Facebook tiegħu. F’dan ir-ritratt kien jidher hu flimkien ma’ tliet eks studenti tiegħu u kiteb li ltaqa’ ma’ dawn l-istudenti fuq tal-linja. Dan il-post fuq Facebook ġegħilni naħseb fuq ir-rabta li student jista’ jkollu ma’ għalliem, rabta ta’ rispett u ħbiberija li tibqa’ anke meta dak li jkun ma jibqax student ta’ dak l-għalliem.
Min hu l-għalliem?
Għalliem, li jista’ jiġi msejjaħ ukoll edukatur, huwa persuna
li tgħin lill-istudenti jiksbu għarfien, kompetenza jew virtù permezz tat-tagħlim.
Minkejja li t-tagħlim mhux bil-fors isir fi skola, u biex ngħidu kollox,
il-bniedem mhux l-iskola biss jitgħallem, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi,
it-tagħlim formali tal-istudenti normalment isir minn għalliema professjonali
mħallsa ġewwa skola. L-għalliem huwa dejjem punt ta’ riferiment għall-istudenti
u minbarra t-tagħlim akkademiku ħafna drabi jħejji lill-istudenti tiegħu
għall-ħajja. Dan huwa li jagħmel għalliem maħbub u li jibqa’ f’moħħ l-istudenti
li jkunu għaddew minn taħt idejh. Għalliem tajjeb isir ħabib tal-istudent.
Madwar ħamsin sena ilu l-iskejjel u l-mod tat-tagħlim kien
differenti minn dak tal-lum. L-ewwel ħaġa l-ħin tal-iskola kien itwal. Tabilħaqq
kien ikun hemm waqfa ta’ xi sagħtejn, imma ħafna minna konna nibqgħu l-iskola.
Għalhekk nistgħu ngħidu li konna nqattgħu aktar ħin mal-għalliema tagħna milli
mal-ġenituri, għax meta konna naslu d-dar konna mmorru l-Museum u wara lura
d-dar, nagħmlu l-home work, nieklu u norqdu.
Illum il-ħin tal-istudenti fl-iskola huwa iqsar. Dan ma
jfissirx li naqas it-tagħlim, iffisser biss li nbidlet is-sistema tat-tagħlim.
Illum it-tfal tal-iskola jmorru lura lejn id-dar xi sagħtejn jew sagħtejn u
nofs qabel ma konna mmorru aħna, imma l-ħin ta’ wara l-iskola tat-tfal tal-lum
huma mimli attivitajiet li dari ftit li xejn konna nimmaġinaw.
Ħaġa oħra li nbidlet minn żminijietna għal-lum hija fejn
jidħol ir-rispett lejn l-għalliem. Jekk student kien ikun xi ftit imqarqaċ,
l-għalliem ma kienx jaħsibha darbtejn biex jagħti xi daqqa ta’ riga fuq id dak
it-tifel. Mhux qed ngħid li naqbel mas-swat, imma naqbel mija fil-mija
mal-korrezzjoni tal-istudenti. Huwa obbligu tal-għalliem li jikkoreġi lil dak
l-istudent li jkun wettaq xi ħaġa ħażina. Jekk fi żmieni kont immur id-dar u
ngħid lill-ommi li s-Sir tani daqqa ta’ riga kienet dlonk tgħidli li sewwa
għamilli u li ma tanix dik id-daqqa ta’ xejn imma għax kien ħaqqni. Anzi ħafna
drabi l-ġenituri kienu jkunu jridu jafu x’għamel ħażin binhom u jekk il-ħaġa
tkun gravi jerġgħu jfarfrulu t-trab minn fuqu b’xi xebgħa! Illum wisq nibża’ li
kieku sseħħ ħaġa bħal din, il-ġenituri tat-tifel joħduha kontra l-għalliem u
saħansitra jmorru l-iskola għas-sodisfazzjon. Qabel konna nemmnu bil-qawl
Malti: Is-swat ħareġ mill-ġenna, kull min iduqu jithenna. Illum dan il-qawl ma
għadux jgħodd u kważi kważi naħsbu li jħeġġeġ għal abbuż. Iż-żmien jinbidel u
miegħu ninbidlu aħna u jinbidlu wkoll ħsibijietna.
Għalliem tajjeb
Missieri għandu kważi 93 sena u għadu jiftakar u jsemmi xi għalliema
li kellu fi tfulitu fosthom Mr Ungaro u s-Sir Mizzi. Waqt il-waqfa mit-tagħlim
dan l-għalliem tal-aħħar kien jibgħat lil missieri d-dar tiegħu biex iġiblu
thermos bil-kafè. Jgħid missieri li kien imur b’ġirja u jerġa’ lura l-iskola
bil-ġiri iżda darba minnhom waqa’ u bumm, addio t-thermos tal-kafè. Spiċċa
frak! Dan kollu juri l-ħbiberija bejn l-għalliem u l-istudenti tiegħu,
ħbiberija li minkejja li jkunu għaddew tant snin tibqa’ fil-moħħ ta’ dak li
jkun.
Illum
missejt ftit dak li jsawwar lill-għalliem. Kien il-post fuq Facebook ta’ dak
l-għalliem li semmejt fil-bidu li ġabli dawn il-ħsibijiet kollha f’moħħi. Fakkarni
f’ħafna għalliema li għaddejt minn taħthom, mill-iskola tas-Sorijiet,
sal-Primarja, mis-Sekondarja sal-Università. Nista’ ngħid li f’tant snin
ta’ skola sibt bosta għalliema li nista’ nsejħilhom ħbieb.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Ottubru 2023
Nessun commento:
Posta un commento